Left arrow Go Back

41 GĦALLIEM JINGĦATAW TAĦRIĠ FIL-PROGRAMM ‘LET ME LEARN’

PR57
Date Icon 21/01/2004

“Il-proċess tal-Let Me Learn jagħti l-opportunita’ lill-għalliema, lill-istudenti, lill-ġenituri u lill-ħaddiema biex jaħdmu flimkien u jakkwistaw kemm jistgħu mill-esperjenza edukattiva tagħhom.”  Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni L-Onor. Louis Galea waqt l-għoti ta’ ċertifikati lil 41 għalliem li segwew il-kors tal-Let Me Learn tul l-2003.  Dawn l-għalliema flimkien ma dawk li diġa’ tħarrġu u aktar minn 50 oħra li bdew it-taħriġ din is-sena se jtella n-numru ta’ għalliema mħarrġa għal madwar 200 għalliem. 

Il-Programm Let Me Learn hu maħsub biex jgħin lill-għalliema u dawk li qed jitgħallmu biex flimkien jidentifikaw x’inhu l-metodu ta’ tagħlim li l-aktar juża min qed jitgħallem biex b’hekk ikun aktar faċli li jitgħallem u jimxi l-quddiem.  Dan il-proċess jista jintuża kemm ma’ l-istudenti fl-iskejjel kif ukoll f’kull livell ta’ tagħlim u taħriġ inkluż ma’ ħaddiema li qed jitħarrġu. 

Il-Ministru Louis Galea qal li ħaġa li dejjem laqtitu fil-programmi tal-Let Me Learn hija li anke l-għalliema jagħmlu forma ta’ ‘assessment’ biex jagħrfu il-‘learning style’ tagħhom. Imbagħad dawn jamministraw dan it-test lill-istudenti ħalli l-għalliem jagħraf aktar kif il-mod kif jgħallem hu jitwaħħad mal-mod kif jitgħallmu t-tfal.  “Tfal li forsi għall-bidu kien juru xi diffikulta biex jitgħallmu, jidher li bil-Let Me Learn isiru kontribituri validi fil-proċess ta’ tghallim.  L-għalliema jiskopru li jekk jagħmlu xi tibdil fil-mod kif jgħallmu ikunu jistgħu jilħqu dawn it-tfal aħjar.” 

Barra minn Malta, il-Let Me Learn qed jitħaddem fi 8 pajjizi.  Ir-riċerka turi li b’din is-sistema, dawk li ma kienux qed ilaħħqu mal-bqija ta’ sħabhom kellhom aktar suċċess speċjalment fil-kitba.  Studenti li kienu xi ftit mwarrbin sabu ruhhom aktar inklużi u setgħu jipparteċipaw aktar minn qabel fl-attivitajiet fil-klassi.  Il-Let Me Learn huwa ndirrizat ukoll lejn id-dinja tax-xogħol, u programmi bħal dawn jgħinnu lill-istudent jagħmel għażla aħjar kemm fl-għażla tas-suġġetti, kif ukoll fl-għażla ta’ karriera jew impjieg. 

L-Onor. Louis Galea qal li aspett ieħor importanti tal-Let Me Learn huwa li jisħaqq fuq l-‘educational accountability’.  Hu qal li wasalna fi żmien fejn m’għadux biżżejjed li noffru edukazzjoni lil kulħadd, imma llum qed nisħqu li kulħadd għandu jirċievi edukazzjoni ta’ kwalita’.  “Wasalna fi żmien fejn irridu nkejlu l-livell ta’ kwalita’ li qed noffru fl-edukazzjoni.  Il-proċess tal-Let Me Learn jipprepara lill-istudenti, mhux biss l-għalliema, kif ikunu responsabbli għal dak li qed jitgħallmu.  Il-programmi jimmiraw li l-istudent jagħraf il-kapaċitajiet tiegħu biex jitgħallem u jikkommunika dawn il-kapaċitajiet lil dawk ta’ madwaru, fosthom l-għalliema, sħabu tal-klassi, il-ġenituri, etc.  Hawnhekk naraw li dak li qed jitgħallem jagħmel dan b’mod attiv.”

Il-Ministru temm jgħid li l-Let Me Learn jifforma parti integrali mill-viżjoni tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni peress li jagħti kontribut qawwi speċjalment fil-litteriżmu.  Il-litteriżmu huwa kruċjali fil-Kurrikulu Nazzjonali u l-Ministeru joffri appoġġ għal kwalunkwe mezz li jkattar il-litteriżmu.  Għandna diversi servizzi bħal dawk ta’ l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, is-servizz tal-complimentary education, id-dyslexia unit li qed jagħmlu ħilithom kollu biex jgħinu tfal li għandhom diffikulta fil-litteriżmu.  “L-għodda li wieħed jakkwista permezz tal-Let Me Learn tiswa mhux biss lit-tfal imma tibqa’ ta’ użu anke meta nikbru.  F’dinja fejn aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed inħarsu lejn ‘lifelong learning’. Din l-għodda hija ta’ valur kbir għall-iżvillup tal-bniedem.” 

Waqt l-attivita’ tkellmu ukoll l-għalliema li segwew il-kors u li issa qed jużaw il-proċess Let Me Learnfil-klassijiet fejn jgħallmu.  Huma tkellmu dwar kif din l-esperjenza qed tagħti l-frott u kif it-tfal mill-ewwel fehmu l-kunċett li fil-primarja issa qed jiġi mfisser permezz ta’ pupazzi li jirrappreżentaw il-metodi differenti ta’ tagħlim.  Wieħed mill-għalliema li tkellem dwar l-esperjenza tiegħu qal li għalkemm ilu jgħallem għal diversi snin ħass li xorta waħda ried ikolmpli jaġġorna ruħu u xi affarijiet li kienu jemmnu l-għalliema snin ilu illum m’għadhomx l-istess. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow