Standards li jiddefinixxu l-proċedura tal-manifattura u l-genwinita’ tal-prodotti ta l-artigjanat
Standards li jiddefinixxu l-proċedura tal-manifattura u l-genwinita’ tal-prodotti ta l-artigjanat
F’Konferenza ta’ l-aħbarijiet fl-Artisan Centre fil-Belt Valletta, il-Ministru ghall-Kompettivita’ u Komunikazzjoni, l-Onor. Censu Galea u s-Segretarju Parlamentari għall-intraprizi z-żgħar u s-self employed, l-Onor. Edwin Vassallo ħabbru ‘Standards’ li jiddefinixxu l-proċedura tal-manifattura u l-ġenwinita’ tal-prodotti ta’ l-artigjanat jieħdu post proċedura ta’ restrizzjoni ta’ importazjoni.
"Sabiex nipproteġu l-artigjanat Malti fil-manifattura tal-filugranu u l-bizzilla sa ftit ilu kellna liġi li kienet tipprojbixxi l-importazzjoni tal-filugranu u l-bizzilla. Illum dawn il-prodotti jistgħu jiġu mportati, iżda l-ebda mportatur ma jista’ jbiegħhom bħala prodott ta’ artiġjanat Malti.
Huwa biss l-artigjan li jimmanifattura l-bizzilla u l-filugranu bi proceduri ta’ manifattura kif stabbiliti u konfermati minn dawn iż-żewg ‘standards’ ta’ kwalita` li jkun jista’ jbiegħ il-bizzilla u l-filugranu bħala prodotti artigjanali magħmula Malta. Dan ifisser li kull xoghol ta’ bizzilla u filugranu maħduma b’mod differenti minn kif ġie konfermat u stabbilit minn dawn l-istandards ma jkunx jista’ jitqies bħala prodott li hu mahdum skond l-istandards pubblikati.
Illum qiegħda ssir bidla minn liġi li timponi restrizzjoni fuq dawn il-prodotti, għal liġi li tippubblika ‘standards’, liema standards jiddefinixxu l-kwalita’ u l-valur mizjud tal-prodott. Dan għaliex il-prodott ikun maħdum skond l-istandards meħtiega.
"Għall-artigjanat Malti illum nistgħu ngħidu li ngħalaq proċess ta‘ konsultazzjoni fuq il-proċeduri ta’ manifattura ta’ dawn iz-żewg prodotti artigjanali. Iżda fl-istess waqt, infetaħ proċess ġdid, li bih qed nuru kif ser nipprotegu l-artigjanat Malti. Il-quddiem irid isir l-istess dwar prodotti oħra, bhalma huma l-ġbejniet u l-għasel Malti. Dan kollu kien possibli grazzi għax-xogħol li twettaq mill-ufficjali ta’ l-MSA, l-Kunsill Malti ghall-Artiggjanat u s-SmallBusiness and Crafts Directorate," qal is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Il-Ministru Censu Galea qal li “Bil-pubblikazzjoni ta’ żewg standards ta’ kwalita` għal prodotti ta’ artigjanat naraw li l-Malta Standards Authority (MSA) qed tkompli tagħti l-kontribut tagħha lejn is-sostenibbilita` ta’ l-artigjanat Malti u Għawdxi u b’hekk insaħħu l-kompetittivita’ ekonomika ta’ pajjizna."
"Il-kompetittivita’ ta’ pajjizna tkun imsaħħa kemm-il darba kull negozju jkun mgħejjun ikun aktar kompetittiv. L-Awtorita’ Maltija dwar l-Istandards (MSA) qiegħda tgħin biex aktar negozji jkunu sostenibbli u jzidu l-qliegħ tagħhom. Aktar ma’ dawn in-negozji jkunu sostenibbli, aktar ser ikollna negozji kompetittivi. Dan ifisser li b’esperjenza pożittiva, imferrxa fost in-negozji tagħna, naslu li jkollna ekonomija aktar kompettitiva.
Il-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni Censu Galea saħaq li l-għanijiet prinċipali li fuqhom huwa msejjes il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, huma li jġib 'l quddiem interess, apprezzament u promozzjoni ta' l-artiġjanat Malti b'importanza partikolari fuq l-artiġjanat li jagħmel parti mill-wirt storiku ta' Malta.
Il Ministru qal li fosthom hemm il-bizzilla ta' Malta u Għawdex, l-filugranu tad-deheb u fidda maħdumin bl-idejn, u l-għasel. Hu spjega li l-protezzjoni fuq il-bizzilla u l-filugranu ser tispiċċa fl-aħħar tax-xahar.
Minħabba l-importanza ta’ dawn ż-żewġ setturi, il-Kunsill Malti ta' l-Artiġjanat introduċa wkoll mezzi biex jippromwovi l-manifattura u l-bejgħ tagħhom. Il-Kunsill beda jaħdem fuq dawn iż-żewġ miżuri alternattivi:
- sistema ta' ċertifikazzjoni ntrodotti mill-Kunsill
- introduzzjoni ta' standards (conformity marks)
Il Ministru Galea qal li s-sistema ta' ċertifikazzjoni kienet introdotta mill-Kunsill Malti għall-Artiġjanat f’Lulju, 2001. Ċertifikati f'għamla ta' tags u stickers kienu mqassma b’xejn lill-artiġjani u lill-imprendituri interessati u li huma reġistrati mal-Kunsill u involuti fis-setturi kollha ta' l-artiġjanat. L-istickers kienu ntrodotti primarjament biex jintużaw ma' oġġetti żgħar tad-deheb u l-fidda.
Il-proċeduri biex tkun introdotta t-tieni inizjattiva, jiġifieri, dik tal-marki ta' kwalita’ bdew bil-kollaborazzjoni tal-Malta Standards Authority. "L-MSA hija l-unika awtorita’ kompetenti f’Malta biex tistabilixxi dawn l-istandards," tenna l-Ministru Galea.
Wara ħafna xogħol iż-żewġ standards ġew proposti minn ‘technical committees’ mwaqqfa apposta u kienu approvati mill-Malta Standards Board.
L-istandards imsemmija m’humiex sejrin u lanqas huma intenzjonati biex iwaqqfu l-importazzjoni ta' oġġetti tal-bizzilla u tal-filugranu meta s-sistema ta' protezzjoni preżenti tispiċċa. Minn naħa l-oħra pero’ dawn l-istandards ser ikunu rikonoxxuti internazzjonalment u għandhom iservu biex jgħollu l-prestiġju tal-kwalita' tal-bizzilla u l-filugranu ta' Malta maħdumin bl-idejn, kompla l-Ministru Galea.
"L-MSA hija Awtorita` li l-kontribut tagħha jista’ jkun pozittiv daqs kemm ikollna negozji li jgharfu jkunu kompatibbli mal-kuncett ta’ standards ta’ kwalita` kemm fl-ghoti ta’ servizzi kif ukoll fil-proċess ta’ manifattura.
F’din l-okkazjoni nixtieq nagħmel dan l-appell lil kull min qiegħed fis-settur tal-manifattura u l-artigjanat biex jara li jagħti iżjed attenzjoni lejn il-kwalita’. Pajjiżna għandu opportunita’ li jikber fl-Unjoni Ewropea daqs kemm-il darba lest li jaghti valur miżjud lil ħidma tiegħu.
Il-kompetittivita’ ta’ pajjizna tiddependi ħafna, fost affarijiet oħra, minn kemm jingħata attenzjoni l-kunċett ta’ kwalita’ f’kull proċess ta’ negozju, kemm jekk ta’ servizzi, kif ukoll tal-manifattura.
"Il-kompetittivita’ ta’ pajjiżna tkun imtejba daqs kemm il-Gvern jirnexxielu jieħu deċizjonijiet f’waqthom, iżda neħtiegu wkoll li kull negozju jieħu l-aħjar deċizjonijiet sabiex naraw li jkollna negozji kompetittivi. Il-ħidma tal-Ministeru tiegħi ser tkun li jara li b’koordinazjoni ma’ dipartimenti fi ħdan il-Ministeru, kif ukoll b’sinergija ma’ oħrajn f’Ministeri oħra, in-negozju f’pajjizna jkun mgħejjun biex isir aktar kompetittiv. Filwaqt li ser ikunu għaddejjin b’din il-ħidma, jiena ser nara li kull negozju jkun konxju ta’ x’inhu meħtieg minnu, biex niggarantixxu li l-ekonomija tagħna tkun ekonomija li qed tħares il-quddiem b’ottimizmu u b’hekk naraw li flimkien ngħelbu l-isfidi li niltaqgħhu magħhom".
Il-Ministru Censu Galea awgura success lill- Awtorita’ Maltija dwar l-Istandards fil-ħidma tagħha u awgura wkoll suċċess lill-artigjani li huma nvoluti fis-setturi tal-bizzilla u l-filugranu.
DOI – 19.04.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en