DISKORS TA’ L-E.T. IL-PROF. GUIDO de MARCO, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TAL-PRANZU STATALI MOGĦTI AD UNUR TIEGĦU MILL-E.T. CARLO AZEGLIO CIAMPI, PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA – IL-PALAZZ TAL-QUIRINALE, RUMA – IT-TLIETA, 20 TA’ JANNAR 2004
Sur President,
Sinjura,
Eċċellenzi,
Sinjuri
“L-Imħabba b’imħabba titħallas lura, il-Maltin għandhom għaliex iħobbuni għax jien ħabbejthom ħafna, għall-ospitalità tagħhom, murija lejn ħuti Taljani u għall-eroiżmu tagħhom fl-istorja
Hekk qal lill-Maltin l-eroj tar-Risorġiment Giuseppe Garibaldi, meta ġie Malta f’Marzu ta’ l-1864. Kliem mimli emozzjoni mlissen ħafna żmien ilu li, iżda, għadu jiġbor fih l-ispirtu u l-profondità tal-ħbiberija li fuqhom issawru r-relazzjonijiet bilaterali tagħna.
Hu minn din il-perspettiva li aħna qegħdin inħarsu lejn din il-Viżita Statali. Mhux sempliċiment bħala okkażjoni diplomatika fl-istorja tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna iżda avveniment ta’ sinjifikat ferm aktar għoli. Hija xhieda tal-ħbiberija antika tagħna, hija xhieda ta’ relazzjoni li għaddiet mill-prova taż-żmien.
Hija relazzjoni msaħħa bil-viċinanza ġeografika li ppermettiet lill-popli tagħna jersqu kontinwament lejn xulxin. Malta kienet dar għal għadd ta’ Taljani eżiljati, personalitajiet kbar fl-istorja ta’ pajjiżek, mill-patrijott Nicola Fabrizi, sa Francesco Crispi li għamel Malta daru minn fejn mexxa l-ħolma tiegħu ta’ Italja unita. Bis-saħħa ta’ Crispi, fl-iStatuto Umbertino, il-Maltin ġew ikkunsidrati bhala ċittadini Taljani ’l hinn mir-renju. Dan id-dritt taċ-ċittadinanza Taljana reġa’ ġie kkonfermat fil-Kostituzzjoni Repubblikana.
Hija relazzjoni li taf l-għeruq tagħha fil-kultura u fi twemmin komuni manifestata fil-preżenza tal-lingwa Taljana ġo Malta, sa mill-bidu tal-lingwa Taljana ġewwa pajjiżek.
Sur President,
Għadha ħajja u tidwi qawwija fil-memorji tagħna d-dikjarazzjoni li għamel l-Onorevoli Aldo Moro, dak iż-żmien Prim Ministru, fuq ir-RAI-TV lejliet l-Indipendenza ta’ Malta fl-1964. Fil-messaġġ tiegħu lill-poplu Malti qal:
“Irrid infakkarkom li Malta dejjem tista’ torbot fuq il-ħbiberija tal-Gvern u l-poplu Taljan f’dak kollu li trid tagħmel biex timxi fuq il-prinċipji tal-ġustizzja u l-libertà li huma wirt prezzjuż komuni tagħna.
F’din l-unità ta’ intenzjonijiet, il-Gvern Taljan lest jikkunsidra kull forma ta’ kollaborazzjoni possibbli mal-Gvern Malti ġdid, bl-iskop li nippromwovu l-iżvilupp ekonomiku tal-gżira, biex nintensifikaw ir-rabtiet Italo-Maltin, u biex inkattru r-relazzjonijiet kulturali u l-kuntatti bejn iż-żewg popli u ma’ l-istituzzjonijiet demokratiċi liberi tagħhom.”
Erbgħin sena wara, Sur President, nista’ ngħid li l-Italja żammet kelmtha.
Mill-indipendenza ta’ pajjiżi l-Italja dejjem tat lil Malta għajnuna qawwija u ċerta, għajnuna li tinkludi ħames protokolli finanzjarji. Il-ħames protokoll għadu kemm daħal fis-sehh ftit tal-ġimgħat ilu u se jikkontribwixxi għas-suċċess ta’ l-adeżjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Grazzi għal dawn il-protokolli, l-għajnuna mogħtija mill-pajjiż tiegħek kien element ta’ importanza vitali fit-tkomplija ta’ l-iżvilupp ta’ Malta fid-diversi oqsma bħall-edukazzjoni, il-kultura, l-infrastruttura, l-industrija, is-saħħa u l-ambjent.
Huwa ġust li wieħed jikkonsidra l-protokolli msemmija minn perspettiva usa’ ta’ numru ta’ akkordi importanti kemm ta’ natura bilaterali kif ukoll reġjonali
rigwardanti il-Mediterran: ftehim fuq setturi oħra bhas-sigurtà u l-immigrazzjoni klandestina. Il-preżenza f’Malta ta’ l-Istituto Italiano di Cultura flimkien ma’ dik tal-Missione Militare Italiana għal aktar minn tletin sena, huma testimonjanza tar-relazzjoni bejn Malta u l-Italja.
Sur President,
Il-gvern tiegħek dejjem ikkunsidra l-appartenenza Ewropea ta’ Malta bħala proċess naturali. U waqt li Malta waslet biex issir Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, f’isem il-Gvern tiegħi rrid illum nirringrazzja lill-Gvern u l-poplu Taljan għall-għajnuna kontinwa mogħtija lill-pajjiżi. Irrid ngħid li l-Italja kienet għal Malta pont għall-Ewropa. Aħna ninsabu lesti biex naqsmu dan il-pont u qegħdin inħarsu b’fiduċja lejn in-naħa l-oħra mhux biss biex nagħtu l-kontribut tagħna fil-kostruzzjoni ta’ l-Ewropa iżda ukoll biex insaħħu r-relazzjonijiet bilaterali tagħna hekk kif il-pajjiżi tagħna jsegwu destin flimkien fl-Ewropa, li fl-ewwel ta’ Mejju ta’ l-2004 ser issir id-dar komuni tagħna.
Barra mill-appartenenza Ewropea, Malta u l-Italja għandhom patrimonju komuni: il-Mediterran. Il-pajjiżi tagħna huma mħaddna b’dan il-Baħar li hu rikk fid-diversità ta’ popli u kulturi. Huwa, iżda, reġjun li fih ħafna kontradizzjonijiet u jekk ma nindirazzawhomx b’mod idoneu jistgħu jirrizultaw f’instabbilità kbira fejn l-effett tagħha jkun jinħass ’l hinn mill-konfini ġeografiċi. Sa mill-1975 f’Helsinki, Malta dejjem saħqet li ma jistax ikun hemm sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm sigurtà fil-Mediterran, u daqs tant ieħor, ma jistax ikun hemm sigurtà fil-Mediterran jekk ma jkunx hemm sigurtà fl-Ewropa. Hemm bżonn li mmexxu ’l quddiem l-aġenda tal-Mediterran sakemm f’dan il-Mare Nostrum, issaltan il-Pax Mediterranea.
Huwa wkoll f’dan il-kontest li Malta, temmen fl-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-Karta tagħha biex tiggarantixxi l-ġustizzja, il-paċi u l-istabbilità.
B’dawn is-sentimenti, Sinjuri, irrid nistedinkom, ukoll f’isem il-mara tiegħi u d-delegazzjoni Maltija, biex nixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tiegħu l-President u s-Sinjura Ciampi, għall-prosperità tal-poplu Taljan, għall-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna u għall-futur komuni fl-Ewropa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en