QED JIĠU MILQUGĦA TALBIET GĦAL SKEMI TA’ GĦAJNUNA FINANZJARJA GĦALL-QASAM AGRIKOLU F’GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor Giovanna Debono flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor George Pullicino, dalgħodu żaru l-Uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Kontroll ta’ l-Art Agrikola (IACS) fiċ-Centru Amministrattiv fir-Rabat Għawdex. Bħalissa f’dan l-uffiċċju qiegħdin jiġu milqugħa talbiet għal skemi ta’ għajnuna finanzjarja li għandhom x’jaqsmu mal-biedja skond il-Politika Agrikola Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea.
B’riżultat tan-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti kiseb pakkett ta’ għajnuna finanzjarja għall-bdiewa. B’kollox, l-għajnuna tammonta għal €184 miljun (Lm 77 miljun) sas-sena 2014, iffinanzjata mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti. L-iskemi ta’ għajnuna finanzjarja huma għal:
- Qmugħ, cereali u magħlef ieħor, u għajnuna fuq ir-raba’ mistrieħ
- Frott u ħxejjex
- Tadam u frott għall-ipproċessar
- Patata
- Żebbuġ
- Għajnuna għar-restawr ta’ ħitan tas-sejjiegħ ta’ lqugħ
- Taħwil, ristrutturar u għajnuna addizzjonali fuq dwieli
- Għajnuna fuq speċi awtoktoni (eż. is-siġar tal-ballut u l-gendus Malti)
- Biedja organika
- Għajnuna fuq żoni żvantaġġjati u
- Għajnuna għall-bdiewa reġistrati full time
Il-bidwi japplika għal dawn l-iskemi kollha f’applikazzjoni waħda. Din hija sistema sempliċi fejn il-bidwi ma jrid jimla’ ebda formola, imma jiddikjara l-informazzjoni kollha lill-Uffiċjal Inkarigat li jirreġistraha fuq sistema kompjuterizzata. Biex ikun jista’ japplika għal dawn l-iskemi ta’ għajnuna, il-bidwi jrid ikollu r-raba’ tiegħu reġistrat ma’ l-Uffiċċju għall-Amministrazzjoni u Kontroll ta’ l-Art Agrikola. F’Għawdex, min għadu ma rreġistrax ir-raba’ li qed jaħdem jista’ jmur jagħmel dan fl-Uffiċċju ta’ l-Agrikoltura, fic-Centru Amministrattiv fir-Rabat.
L-applikazzjonijiet għal dawn l-iskemi ser jintlaqgħu sat-Tnejn, 17 ta’ Mejju. Il-bidwi għandu jġib miegħu l-karta ta’ l-identita’, ċertifikati ta’ l-IACS (dawk il-pjanti ta’ meta rreġistra l-art agrikola tiegħu), kif ukoll il-ktieb tar-raba’ (jekk reġistrat) u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT (jekk reġistrat). Skond ir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea, jingħata ċans ta’ 25 ġurnata oħra wara d-data ta’ l-egħluq, jiġifieri sal-Ġimgħa 11 ta’ Ġunju, iżda f’dan il-każ, tinqata’ 1% ta’ l-għajnuna li jkun intitolat għaliha l-applikant għal kull ġurnata tard li ssir l-applikazzjoni.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor Giovanna Debono faħħret ix-xogħol li għaddej fl-Uffiċċju f’Għawdex filwaqt li saħqet fuq l-importanza li l-bdiewa Għawdxin jifhmu l-benefiċċji li jistgħu jgawdu minnhom jekk japplikaw għal dawn l-iskemi. Għalhekk, il-bdiewa Għawdxin għandhom jisfruttaw bl-iktar mod sħiħ l-għajnuna li l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti qed jagħtu lil dan is-settur tant importanti għal Għawdex.
Il-Ministru ghall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino fakkar li Malta hi l-ewwel pajjiż, minn fost il-membri l-ġodda li se jissieħbu fl-Unjoni Ewropea, li qed tilqa’ dawn it-talbiet għall-iskemi ta’ għajnuna skond il-Politika Agrikola Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea. Hu qal li t-tnehdija ta’ dawn l-iskemi hija konferma ta’ kemm il-Ministeru hu preparat għas-sħubija. L-Uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Kontroll ta’ l-Art Agrikola (IACS) ukoll hu mħejji tajjeb u qed jiffunzjona kif mitlub mir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea.
Ta’ min ifakkar li bħalissa hemm imnedija żewġ skemi oħra ta’ qabel is-sħubija fejn bdiewa jistgħu japplikaw għal għajnuna finanzjarja għall-bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ ta’ lqugħ, kif ukoll għajnuna biex jiġu ffurmati għaqdiet tal-produtturi. Il-formoli ta’ l-applikazzjoni jinġabru miċ-Ċentru ta’ l-Ghammieri, l-Marsa, mill-uffiċċju ta’ l-Extension Service tal-Mosta jew mill-uffiċċju ta’ l-IACS fir-Rabat, Għawdex. Ta’ min jgħid li saru arranġamenti biex applikanti Għawdxin ikunu jistgħu jitfgħu l-applikazzjoni tagħhom f’Għawdex stess f’kaxxa ta’ l-offerti li ġiet imqiegħda fid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi fil-Ministeru għal Għawdex. Dawn l-applikazzjonijiet jagħlqu fl-10.00am tal-Ħamis, 22 t’April fil-każ ta’ l-iskema tal-ħitan tas-sejjiegħ, u fl-10.00am tal-Ħamis, 20 ta’ Mejju fil-każ ta’ l-iskema ta’ l-għaqdiet tal-produtturi.
DOI - 08.04.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en