Left arrow Mur Lura

DISKORS TA’ L-ONOR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦAT-TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMAZZJONI U INVESTIMENT, WAQT L-INAWGURAZZJONI TA’ L-EWWEL MINN SENSIELA TA’ AJRUPLANI AIRBUS ĠODDA GHAL AIR MALTA

PR44
Date Icon 17/01/2004

Prim Ministru,

Sinjuri,  

Qed ninawguraw illum pass importanti għal-linja ta’ l-ajru nazzjonali tagħna. Din il-linja ta’ l-ajruplani l-ġodda hi mument ieħor fl-istorja ta’ din il-kumpanija li ttajjar il-kuluri nazzjonali Maltin lejn il-bliet ta’ l-Ewropa u tal-Mediterran u ġġib lura magħha l-għixien tagħna lkoll.  

Id-deċiżjoni li jinbidlu l-ajruplani ttieħdet mill-Bord preċedenti ppresedut mis-Sur Louis Grech. Din hi deċiżjoni għaqlija li tagħti lil Air Malta flotta moderna bi prezz u maintenance costs raġjonevoli u vantaġġjużi.  

L-industrija dinjija ta’ l-avjazzjoni għaddejja minn żmien ta’ taqlib u tibdil kbir. L-Air Malta m’hix eżenti minn din ir-realtà. Dawn l-aħħar tlett snin rażżnu l-ambizzjonijiet ta’ l-ikbar u ta’ l-iċken kompetituri f’din l-industrija. Il-11 ta’ Settembru 2001  bidel ħafna affarijiet fil-mod kif tiffunzjona l-ekonomija dinjija. Fil-każ ta’ l-avjazzjoni, dak inhar faqqgħet theżżiża tant kbira li sal-lum l-affarijiet għadhom ma’ ġewx lura għal li kienu.  

L-isfidi li għandha quddiemha l-linja nazzjonali ta’ l-ajru huma riflessjoni tal-bżonn li l-orjentazzjoni strateġika tagħna ma tibqax tistrieħ fuq l-ottimiżmu ġustifikat tas-snin disgħin, iżda tkun orjentata lejn ir-realtajiet aktar ħorox ta’ dawn is-snin.  

Hemm diversi eżempji u mudelli riċenti fl-industrija ta’ l-avjazzjoni fl-Ewropa, fl-Amerika u fil-bqija tad-dinja, li nistgħu nużaw biex nimitaw jew biex nevitaw. Hemm linji ta’ l-ajru li kkollassaw taħt il-piż tat-tibdiliet dinjija, għax ma rnexxielhomx jaġġornaw ruħhom maż-żminijiet. Hemm linji ta’ l-ajru oħra li rikbu fuq l-enerġiji l-ġodda, liberati minn dan it-tibdil u li raw il-qagħda tagħhom titjieb, anke aktar milli kienet qabel beda l-kjass kollu.

L-akbar djgħufija tagħna kienet li domna ma bnejna strateġija għal-linja nazzjonali tagħna, msawwra madwar il-bżonnijiet riċenti.  

Iżda m’aħniex tard wisq. L-Air Malta trid tikkonċentra minn issa fuq l-iskop kummerċjali li għalih teżisti: li tkun waħda mill-pilastri tat-turiżmu lejn Malta u li tkun triq ta’ min joqgħod fuqha bejn Maltau l-bqija tad-dinja.  

Trid tonqos id-dipendenza tagħna fuq min jipprovdilna x-xogħol u rridu nkunu aktar aggressivi biex inkabbru sehemna mis-suq li fih noperaw. Minn linja ta’ l-ajru lokali, li tiddependi ħafna fuq l-operaturi ta’ l-ivjaġġar, l-Air Malta trid issir linja ta’ l-ajru Ewropea li tisfrutta l-possibilitajiet il-ġodda li ser tirbaħ minn Mejju li ġej,  biex taħdem u tikkompeti fir-rotot fejn hemm il-qliegħ.  

It-teknoloġiji tal-lum jippermettu relazzjoni diretta bejn passiġġier u linja ta’ l-ajru. Din ir-relazzjoni diretta traħħas l-ispejjeż u tagħmilna aktar kompetittivi. Irridu nkunu kapaċi nisfruttaw bl-aħjar mod dawn it-teknoloġiji.  

Daqstant huwa mportanti illi fi żmien ta’ kompettizzjoni ħarxa, nkunu kapaċi nrażżnu l-operating costs interni u nikkonċentraw fuq il-core business tal-kumpanija. Il-kumpanija sejra tgħaddi minnfażi ta’ ristrutturazzjoni biex niżguraw illi naħtfu l-opportunitajiet li qed joffri s-suq.  

Dan jirnexxi biss jekk ikollha:

·        direzzjoni strateġika ċara, li llum għandha,

·        management b’saħħtu bil-kuraġġ li jindirizza l-problemi u jaħtaf l-opportunitajiet, u

·        impjegati li jiġbdu ħabel wieħed għall-ġid tagħhom stess.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow