DISKORS MILL-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TA’ L-INAWGURAZZJONI TA’ L-EWWEL MIS-SENSIELA T’AJRUPLANI AIRBUS ĠODDA TA’ L-AIR MALTA
Hu ta’ pjaċir għalija li ninawgura din il-linja ġdida t’ajruplani Airbus li l-Air Malta akkwistat b'investiment qawwi.
Bħala linja nazzjonali ta’ l-ajru, l-Air Malta għarfet il-bżonn li tipprovdi lill-passiġġieri tagħha servizz mill-aqwa. Dan il-pass importanti ser ikompli jsaħħaħ is-servizz li diġà tipprovdi l-Air Malta filwaqt li jassigura li l-passiġġiera jkollhom garanzija ta’ kumdità, sigurtà u prezz kompetittiv.
Matul is-snin l-Air Malta ssarfet f’simbolu ta’ kburija nazzjonali. Bħala kumpanija ta’ l-ajru ħadmet biex mhux biss tagħmel il-qligħ iżda biex fl-istess waqt tipprovdi lill-Maltin mezz prattiku ta’ komunikazzjoni bl-ajru mal-bqija tad-dinja. Bħala gżira, u bħala pajjiż li għandu t-turiżmu bħala wieħed mis-sisien ta’ l-ekonomija tiegħu, pajjiżna jeħtieġlu linja ta’ l-ajru li tkun kapaċi tipprovdi servizz konsistenti.
Bil-ħidma tagħha l-Air Malta qegħda tassew isservi l-interess nazzjonali. Fost oħrajn bħala linja nazzjonali ta’ l-ajru, l-Air Malta , qegħda tkattar l-għarfien dwar pajjiżna internazzjonalment.
Pajjiżna jaspira li jressaq lejh investiment barrani. Dan nagħmluh għax nemmnu bis-sħiħ li pajjiżna għandu jkompli jikber bħala ċentru ta’ servizzi finanzjarji u bħala kompetitur ewlieni fis-settur marittimu. Dawn iż-żewġ miri jistgħu jintlaħqu aktar faċilment u jrendu aktar jekk nassiguraw li jkollna komunikazzjoni bl-ajru fuq bażi soda u kontinwa. Dan hu li qegħda tagħmel l-Air Malta .
Madanakollu l-interess nazzjonali m’għandux jintlaħaq billi jitħallas kwalunkwe prezz. Il-bżonn li pajjiżna jkollu linja nazzjonali ta’ l-ajru ma jistax jiġġustifika li l-Air Malta ma toperax bħala kumpanija sostenibbli li tagħmel il-qligħ u li topera fuq sisien finanzjarji sodi. Fuq kollox dan ukoll huwa fl-interess nazzjonali għax il-Gvern għandu sehem fl-Air Malta .
L-aħħar tlett snin kienu l-ewwel snin li fihom l-Air Malta għamlet telf u dan seħħ għal ħafna raġunijiet. Dawn ir-raġunijiet isibu l-ġenesi tagħhom fil-ġrajjiet negattivi ta’ nhar il-11 ta’ Settembru 2001, iżda hu fatt li hemm problemi interni fil-kumpanija li jridu jiġu indirizzati. Dawn il-problemi issa saru piż li qed jhedded il-kompetittività tal-kumpanija.
Kull azjenda u kull intrapriża, żgħira jew kbira, jasal għaliha żmien meta trid tħares lejha nfisha u tistaqsi fejn hemm bżonn tirranġa jekk trid tibqa’ tirnexxi. Il-Gvern qed jagħmel preċiżament dan fil-kumpaniji u l-entitajiet li fihom għandu sehem. Teżisti l-kritika, fil-fehma tiegħi mhux ġustifikata, li għax konna fil-Gvern qabel, ma jmissux għandna għalfejn induru ma’ darna u naraw x’hemm bżonn jinbidel.
Qatt ma ppretendejna li dak li għamilna mill-1987 kien perfett għal dejjem u qatt ma kien ser ikun hemm bżonn li naġġornaw u nirrevedu għaż-żmien li ġej. F’April li għadda erġajna dħalna bl-enerġija ta’ Gvern ġdid, li jħares b’għajnejn kritiċi lejn ir-realtajiet ta’ pajjiżna u ma jqisx xejn b’domma għax ilu fil-gvern għall-numru ta’ snin. Xogħol il-Gvern hu li jara fejn hemm bżonn jitjieb u jiġġedded, u jiena sodisfatt li qed nara dan jiġri fl-Air Malta u fil-kumpaniji strateġiċi oħra li fihom il-Gvern għandu sehem.
Hu mertu, mhux vizzju, li tkun kapaċi tiġġedded kontinwament, li tibdel għall-aħjar u li tirrevedi dak li għamilt biex tifhem kif tista’ tagħmlu aħjar. Meta wieħed jieqaf jagħmel dan l-eżerċizzju, jkun qiegħed jiqdiem u miegħu jiqdiem ix-xogħol li jkun għamel. Il-Gvern immexxi minni żamm friska l-ħila li ma jkunx kompjaċenti u li jlaħħaq u jmexxi l-aspirazzjonijiet dejjem jikbru tal-Maltin għal-livell ta’ servizz dejjem itjeb u b’valur aqwa għall-flus.
L-Air Malta trid tibqa’ isservi l-interess nazzjonali. Iżda l-interess nazzjonali jinbidel ukoll maż-żminijiet. L-aspirazzjonijiet tagħna llum m’għadhomx dawk li kienu fl-1973, jew fl-1987, jew fl-1998. L-Air Malta , bħall-bqija ta’ pajjiżna, trid tinbidel maż-żminijiet.
L-awgurju tiegħi hu li nkunu lkoll kapaċi niġbdu ħabel wieħed għax hekk jifhem min għandu għall-qalbu l-interess nazzjonali. L-okkażjoni tal-lum hi biss pass wieħed fid-direzzjoni t-tajba.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en