Left arrow Mur Lura

DEROGA TA’ SENTEJN MIKSUBA MILL-GVERN MALTI DWAR IT-TIKKETTI FUQ FLIEXKEN TA’ L-INBID

PR420
Date Icon 26/03/2004

Din il-ġimgħa l-Wine Management Committee ta’ l-Unjoni Ewropea ivvota unanimament favur li tingħata deroga lil Malta u li b’hekk pajjiżna għandu sentejn oħra biex jikkonforma ruħu mar-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea dwar it-tikketti ta’ l-inbid.

Dettalji dwar din id-deroga ngħataw mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet. Għal din il-konferenza kien preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u s-Sajd, l-Onor. Francis Agius, kif ukoll rappreżentanti tal-kumpaniji ewlenin lokali li jipproduċu l-inbid.Il-Ministru Pullicino qal li din hija miżura straordinarja u eċċezzjonali. F’dan il-kumitat ivvutaw pajjiżi bħalma huma Franza, Spanja u l-Italja, li huma l-akbar produtturi Ewropej ta’ l-inbid.

Hu żied jgħid li din hija deroga importanti ħafna għas-settur lokali tal-produzzjoni ta’ l-inbid għaliex qabel kollox, se tagħti lil pajjiżna sentejn żmien li matulhom inwettqu l-mira tal-Gvern li jkollna 1,000 ettaru ta’ art li fuqhom jitkabbar għeneb li jintuża għall-produzzjoni ta’ l-inbid. Id-deroga għandha twassal biex il-produttur lokali jibqa’ jopera kif inhu bħalissa, filwaqt li jipprepara ruħu biex jikkompeti f’suq liberalizzat li se tfisser is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Pullicino qal li b’hekk, matul dan il-perjodu, il-konsumatur se jibqa’ jkun infurmat dwar il-varjetà ta’ l-għeneb u s-sena tal-produzzjoni fuq it-tikketta ta’ l-inbejjed tagħna, kif kien jiġri sal-lum.

George Pullicino qal li r-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea japplikaw f’kuntest fejn il-produzzjoni ta’ l-għeneb f’pajjiż partikolari tissodisfa l-esiġenzi għall-produzzjoni ta’ inbid f’dak l-istess pajjiż. Bħalissa f’Malta nimpurtaw madwar 70% ta’ l-għeneb jew grape must (essenza ta’ l-għenba) biex inlaħħqu mal-ħtiġijiet tal-produzzjoni ta’ nbid lokali ta’ kwalità. Il-mira tal-Gvern li jkollna 1,000 ettaru li fuqhom jitkabbru d-dwieli għall-produzzjoni ta’ l-inbid għandha twassal biex pajjiżna jkun ‘self sufficient’ fil-qasam tal-produzzjoni ta’ l-inbid.

Hu qal li kieku l-Gvern Malti ma nnegozjax bis-serjetà, żgur li qatt ma konna naslu biex niksbu vot unanimu fuq materja tant sensittiva bħalma hi l-produzzjoni ta’ l-inbid. Il-vot favur din id-deroga jikkonferma li l-istati l-oħra fehmu l-ħtiġijiet partikolari ta’ pajjiżna f’dan is-settur.

George Pullicino qal li l-Gvern jemmen fil-prodott Malti u li dan kapaċi jikkompeti fuq l-istess livell ma’ produtturi Ewropej oħrajn, iżda dejjem sħaqna li hemm bżonn ta’ perjodu ta’ transizzjoni biex il-produtturi tagħna jkollhom ċans jaġġustaw, u sadanittant nilħqu l-mira tal-Gvern ta’ 1,000 ettaru.

George Pullicino qal li b’din id-deroga qed niggarantixxu l-ġid tal-bdiewa tagħna li mingħajr miżura bħal din, kellhom ir-riskju serju li l-produzzjoni ta’ għeneb lokali tkun effetwata ħażin bil-konsegwenzi kollha li dan seta’ jġib miegħu.

Il-Ministru Pullicino qal li fil-kisba ta’ din id-deroga, kien fundamentali l-appoġġ tal-Kummissarju Fischler li matul iż-żjara tiegħu fostna f’Ottubru li għadda, kien wiegħed l-appoġġ tiegħu għat-talba ta’ Malta.

Il-Ministru George Pullicino qal li din hija konferma oħra ta’ kemm il-Gvern Malti għadu għaddej bl-isforzi tiegħu biex ikompli jikseb l-aħjar għall-pajjiżna u dan minkejja li n-negozjati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea ilhom li ngħalqu.

Hu temm jgħid li dan jixhed l-impenn tal-Gvern li bil-fatti jrid li Malta tikber fl-Ewropa u biex dan iseħħ qed joħloq l-aħjar kundizzjonijiet għall-produtturi u l-bdiewa Maltin u Għawdxin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow