IT-TURIŻMU U L-KULTURA JIMXU FLIMKIEN
Meta nieda l-produzzjoni “Christus”, imtella’ mill-YADA, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li l-amalgamazzjoni mill-Prim Ministru tat-turiżmu mal-kultura taħt Ministeru wieħed, kienet ta’ sodisfazzjon kbir għalih, għaliex dejjem emmen li darba pajjiżna qed jimmira li jattira lejh aktar turiżmu kulturali, allura kien importanti li t-turiżmu u l-kultura jkunu flimkien.
Francis Zammit Dimech qal li waħda minn niċeċ li fuqhom il-Gvern ried jibni s-settur turistiku kienet dik tat-turiżmu kulturali. Hu qal li kien għalhekk pass fid-direzzjoni t-tajba li t-turiżmu jingħaqad mal-kultura biex hekk ikunu jistgħu jiġu koordinati aħjar is-settur kulturali u ta’ l-arti, il-wirt kulturali, it-teatri u ċ-ċentri tal-konferenzi fosthom iċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran u ċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, li hu kien responsabbli għar-riabilitazzjoni u r-restawr tiegħu meta kien Ministru għall-Ambjent.
Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern preżenti dejjem kien konxju mill-importanza tal-ħarsien tal-wirt kulturali u artistiku ta’ pajjiżna u kien għalhekk li l-voti għal titjib fil-mużewijiet, restawr u riabilitazzjoni f’dawn l-aħħar 10 snin kibru u kibru ħafna. Hu qal li l-Gvern kien investa ħafna fi proġetti kbar għall-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna, bħall-proġett għar-riabilitazzjoni tal-Kavallier ta’ San Ġakbu li sewa Lm4.6 miljun. Hu qal li għal dan l-iskop ukoll, il-Gvern kien ħaseb li fil-kuntratti għal proġetti ta’ żvilupp urban, bħall-proġett tal-Kottonera, il-proġett għall-Ponta ta’ Tignè u Manoel Island u l-proġett għall-bini ta’ Cruise Liner Passenger Terminal daħħal klawsoli li jassiguraw li bini storiku fuq dawn is-siti jiġi restawrat taħt il-ħarsien ta’ nies esperti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li pajjiżna kien lejlet is-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ewropea. Hu qal li għal dan l-avveniment kbir kien tħejja programm ta’ attivitajiet li kien jinkludi anke attivitajiet kulturali u artistiċi. Hu qal li f’dan kollu kienu se jieħdu sehem attiv artisti Maltin u Għawdxin li kellhom it-talenti kollha biex jikkontribwixxu ħalli dawn il-festi jkunu suċċess kbir.
Francis Zammit Dimech qal li t-talent Malti kien joħroġ ukoll fil-pageants u l-festivals li kienu jiġu organizzati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u mit-taqsimiet tal-kultura u l-arti fi ħdan il-Ministeru tiegħu. Francis Zammit Dimech qal li minbarra li dawn l-avvenimenti kienu jikkontribwixxu biex tinxtered il-kultura f’pajjiżna kienu wkoll igħinu biex nattiraw aktar turisti li jżuru pajjiżna għat-teżori kbar kulturali u artistiċi li għandna.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-mega-produzzjoni Christus li se jtellgħu l-YADA hi oħra mis-sensiela ta’ produzzjonijiet kbar li tellgħet din il-kumpannija tul dawn l-aħħar 20 sena u li tant taw sodisfazzjon lil min ħadem fihom u pjaċir lil min seġwihom.
Francis Zammit Dimech qal li din il-produzzjoni se tkun esperjenza oħra ta’ koreografija, kostumi, xenarju, dwal, żfin u wirja artistika ta’ aktar minn 150 persuna li flimkien ippreparaw għal dan l-avveniment importanti fil-kalendarju tal-YADA, f’egħluq il-20 Anniversarju tagħha.
Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil kull min qed jieħu parti f’din il-produzzjoni filwaqt li awguralhom kull success.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en