GĦARFIEN NAZZJONALI ŻGĦAŻAGĦ FIS-SOĊJETA’ 2003
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, l-Onor. Louis Galea beda l-ħidma tiegħu fil-qasam taż-żgħażagħ bl-għotjiet ta’ rikonoxxoment lil diversi organizzazjonijiet taż-żgħażagħ. L-‘Għarfien Nazzjonali Żgħażagħ fis-Soċjetà 2003’ jingħata kull sena bħala rikonoxximent pubbliku għall-ħidma ta’ dawn l-organizzazzjonijiet fil-kommunità. Iċ-ċerimonja saret fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, Ċentru għall-Kreattività. Fil-fatt, ir-rebbieha ta’ dan il-premju huma:
Kare4Kenya inghataw l-Ewwel Premju ta’ Lm500.
Victoria Venture Scout Unit inghataw it-Tieni Premju ta’ Lm200
Radju Lehen il-Qala inghataw it-Tielet Premju ta’ Lm100.
Din is-sena ġew nominati erbatax-il organizzazzjoni u l-Kumitat ta’ Għażla maħtur apposta għażel sitt organizzazzjonijiet biex jingħataw premju bħala rikonoxximent għall-ħidma volontarja tagħhom, kemm jekk il-hidma saret f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.
Is-sitt organizzazzjonijiet li kienu magħżula huma:
- Inizjamed – Din l-għaqda toħloq sinerġija ma’ għaqdiet oħra fil-Mediterran u l-Ewropa. Toħloq lingwaġġ artistiku ġdid, torganizza proġetti artistiċi u kulturali fil-komunità speċjalment għal nies żvantaġġjati
- Kare4Kenya – Dan il-grupp beda oriġinarjament b’numru ta’ voluntiera li marru jaħdmu l-Kenja matul ix-xhur tas-Sajf 2002. Numru ta’ membri iffurmaw il-Kare4Kenya. L-iskop ta’ dan il-grupp huwa biex ix-xogħol li sar fil-Kenja jkompli jitwettaq u llum il-ġurnata jipprovdu uniformijiet ta’ l-iskejjel, ikel u mediċina.
- Ċentru Żgħażagħ Balzan – Iċ-Ċentru Żgħażagħ Balzan twaqqaf fis-6 ta’ Ottubru 1994. Ħa sehem fil-Festażgħażagħ ’95 u 2000. Illum fiċ-Ċentru jeżistu tlett gruppi b’etajiet differenti: Teenagers, 18+, u l-Grupp tal-Kbar. Fost l-attivitajiet kien hemm maratona ta’ 24 siegħa table tennis u attivitajiet oħra biex jinġabru fondi għal investiment fl-informazzjoni teknoloġika.
- Kumpanija Teatrali Talent Żebbuġi - Din l-għaqda tippromwovi l-kultura u t-tkattir tas-sens ċiviku. Torganizza diversi serati teatrali u Ljieli Mediterranji. Barra minn hekk, il-membri tellgħu programmi kulturali fuq ir-Radju u diskussjonijiet pubbliċi dwar is-sehem taż-żgħażagħ f’dan il-qasam.
- Radju Leħen il-Qala – Huwa grupp ta’ żgħażagħ bejn sittax u tletin sena li waqqfu stazzjon komunitarju biex jipprovdu kumpanija lil anzjani u dawk li jgħixu waħedhom. Fuq dan l-istazzjon itellgħu programmi li jgħinu fl-iżvilupp spiritwali taż-żgħażagħ.
- Victoria Venture Scout Unit – Barra mill-kontribut fl-iżvilupp taż-żgħażagħ, l-iscouts għamlu xogħol fl-Arka Respite Centre f’Għawdex, jorganizzaw ħarġiet għal persuni b’diżabilità, għamlu tindif mas-swar taċ-Ċittadella, Għawdex u xogħol fid-Dar tal-Providenza, Siġġiewi.
L-organizzazzjoni rebbieħa minn fost dawn is-sitt organizzazzjonijiet ingħatat premju ta’ Lm 500 filwaqt li dawk li ġew fit-tieni u t-tielet post ingħataw Lm 200 u Lm 100 rispettivament. It-tlett organizzazzjonijiet l-oħra li daħlu għall-finali ngħataw Lm 75 kull waħda. L-għaqdiet kollha li kienu nominati ġew ppreżentati b’ċertifikat bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħhom.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Louis Galea qal li jinsab kuntent ħafna li għal darb’ oħra ser ikollu l-opportunità jaħdem b’mod aktar dirett fil-qasam taż-żgħażagħ. Hu qal li l-qasam taż-żgħażagħ hu qasam importanti ħafna li hu minsuġ ma’ diversi oqsma ta’ politika, fosthom l-edukazzjoni, l-isport, is-saħħa, il-politika soċjali, ix-xogħol u l-ambjent. Dan jenħtieġ organizzazzjoni dinamika biex is-settur jiffjorixxi. Louis Galea qal li bħalissa qed jiltaqa’ mad-diversi organizzazzjonijiet li jagħmlu parti mill-oqsma l-ġodda li tpoġġew taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Hu qal li jixtieq joffri liż-żgħażagħ spażji u opportunitajiet ġodda biex ikunu jistgħu jimirħu f’pajjiżna u fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll pajjiżi ġara oħrajn. Dan irid isir billi nkomplu nħeġġu l-kreattività u noffru programmi flessibbli biex kull min għandu l-inizjattiva jingħata l-appoġġ biex jilħaq il-miri tiegħu.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-valur tal-volontarjat. “Għalkemm f’din l-okkazjoni qed nirrikonoxxu l-ħidma ta’ ftit organizzazzjonijiet hemm diversi organizzazzjonijiet u individwi oħrajn li kuljum iwettqu xogħol imprezzabbli ma’ dawk li għandhom bżonn f’pajjiżna u f’pajjiżi oħrajn. Hemm bżonn li dan il-valur jiġi rikonoxxut mhux biss permezz ta’ attivitajiet bħal dawn iżda minn kulħadd u b’mod regolari.” Louis Galea qal li bħala parti mill-innovazzjonijiet li ser jiddaħħlu fl-MCAST is-sena d-dieħla, se jkun hemm programmi ta’ ħidma volontarja li għaliha l-istudenti ser jingħataw rikonoxximent li jkun parti mill-kors vokazzjonali tagħhom.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en