Left arrow Go Back

INDIRIZZ LIN-NAZZJON MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOREVOLI LAWRENCE GONZI

PR401
Date Icon 24/03/2004

Ħuti Maltin u Għawdxin,

Xtaqt illi f’dawn ewwel ftit siegħat wara li ngħatali l-inkarigu ta’ Prim Ministru, niftaħ qalbi magħkom, ma’ kull wieħed u waħda minnkom, dwar il-mixja tagħna 'l quddiem - anzi sewwasew dwar l-ewwel passi li rridu nagħmlu issa flimkien.

Ma naħsibx li għandi għalfejn nieħu ħafna hin biex noqgħod nirringrazzja lil dawk kollha li minħabba l-isforzi tagħhom aħna llum nistgħu ngawdu l-frott ta’ rebħiet politiċi, soċjali u ekonomiċi li seħħew minn mindu rbaħna l-Indipendenza sad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. U dan għaliex jiena ċert li intom ilkoll tħossu l-istess gratitudni li jiena nħoss lejhom. Il-lejla nixtieq nitlob minn għandkom ħaġ’oħra. Nixtieqkom tgħinuni u taghmlu l-parti tagħkom għax b’hekk biss l-isfidi li għandna quddiemna nistgħu niffaċjawhom u nagħmlu suċċess minnhom flimkien, b’mod li kemm nimxu fis-sod u kemm ukoll naraw 'il bogħod.

Id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-ewwel ta’ Mejju li ġej ser ifisser sfidi u opportunitajiet li huma differenti minn dawk li kellna fis-snin l-imgħoddija. Imma forsi l-aktar li jagħmilli kuraġġ illum huwa l-fatt li aħna bħala poplu dejjem irbaħna kull sfida li ġiet quddiemna u dejjem irnexxielna naħtfu l-opportunitajiet li ġew għal idejna.

B’dan il-punt tat-tluq, jiena nħossni fiduċjuż li nista’ ndur fuqkom ilkoll u nispjegalkom x’naħseb li għandhom ikunu l-isfidi ewlenin li jeħtieġ nibdew nissaraw magħhom mil-lum stess. Jiena għamilt lista ta’ għaxra.

L-ewwel grupp ta’ tlieta huma fil-qasam ekonomiku. Nagħtih importanza kbira u beħsiebni nsegwi b’attenzjoni personali l-isfida ta’ kif ser nagħmlu l-ekonomija tagħna dejjem aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.

L-ewwel sieq ta’ dan it-trepied huwa t-tkabbir u l-iżvilupp ta’ l-ekonomija. Dan ifisser fil-prattika, biex nibdew bih, xejra ġdida fis-settur tat-Turiżmu. Għandna t-theddida li t-turiżmu tal-massa qed jinġabar kollu f’idejn ftit aġenziji mondjali, li għalihom aħna suq żgħir wisq. Flimkien ma’ l-operaturi f’dan il-qasam il-Gvern irid jivvalorizza dawk il-vantaġġi li għandhu pajjiżna u pajjiżna biss, fosthom il-kultura u l-istorja taghna.

Il-Gvern tiegħi beħsiebu jagħti mbuttatura kbira biex niġbdu f’pajjiżna nvestiment barrani anki billi naraw li dawn isibu hawnhekk il-ħaddiema bil-ħiliet li għandhom bżonn u li nafu li l-ħaddiem Malti, meta jrid, kapaċi juri. L-investiment li rridu huwa fuq kollox f’dawk l-oqsma li għandhom futur fis-swieq il-kbar tad-dinja. U biex dan isir, l-operat kollu tal-Gvern fl-affarijiet barranin ser ikun strutturat biex jintlaħaq dan l-għan.

It-tieni sieq tat-trepied ekonomiku hija l-kompetittività. Il-Gvern tiegħi se jagħti l-appoġġ kollu li għandhom bżonn in-negozji żgħar u ta’ daqs medju, u ser inkomplu nagħmlu ħilitna biex inneħħu kull burokrazija żejda, u nkomplu billi nippremjaw lil min ikun kreattiv u nnovattiv. Anke hawn, qed inkomplu nagħarfu li kull min jaħdem għar-rasu għandu sehem qawwi fit-tiġdid ta’ l-ekonomija tagħna.

It-tielet sieq hija t-tiswija tal-finanzi tal-Gvern. Dan nixtieq nagħmluħ billi nieħdu miżuri, fost oħrajn, biex tiżdied il-produttività fis-settur pubbliku, tonqos il-ħela u tiżdied l-effiċjenza. Dan ukoll jippermettilna nibbenefikaw aktar mill-Unjoni Ewropea u huwa meħtieġ biex naslu wkoll għall-użu tal-munita ta’ l-Ewropa, l-Euro, meta u fil-waqt li dan ikun ta’ vantaġġ għal Maltin u l-Għawdxin kollha.

Il-qasam l-ieħor li fih għandna quddiemna sfidi ġodda – differenti minn dawk li kellna fit-triq lejn l-Indipendenza u fit-triq lejn l-Unjoni Ewropea, - huwa dak soċjali. Il-bidliet li qed iseħħu fid-dinja tal-lum joħolqu diffikultajiet li jeħtieġu soluzzjonijiet ġodda. Ibda mix-xoghol. Aħna ma nqisux il-qagħad biss bħala kaġun ta’ ħsara ekonomika, iżda fuq kollox bħala nuqqas kontra d-dinjità tal-bniedem. Qiegħed jiġi imfassal pjan nazzjonali għall-impjiegi, u l-impenn tagħna huwa li dan jitwettaq kemm jista’ jkun malajr. Ix-xogħol huwa l-ewwel sieq tat-trepied soċjali.

It-tieni sieq għalija hija l-Familja, u beħsiebna naġġornaw il-liġijiet u l-politika tagħna biex insaħħu ’l-familja fiċ-ċirkostanzi tal-lum. Il-Familja teħtieġ li l-edukazzjoni tkun ukoll għall-ħajja kollha, minbarra li tkun taqbel mal-bidliet fid-dinja tax-xogħol. Billi diġà sar ħafna xogħol għat-tiġdid tas-servizzi tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali, jiena ser nara li nimxu bid-djalogu li beda mal-imsieħba soċjali ħalli malajr kemm jista’ jkun nasslu għad-deċiżjonijiet kollha biex il-pensjonijiet u l-għajnuna soċjali jitqegħdu fuq bażi soda u sostennibli. Il-familja għandha wkoll bżonn is-sostenn ta’ strateġija intensiva li tgħina terfa’ r-responsabiltajiet tagħha lejn il-familja u fid-dinja tax-xogħol.

It-tielet sieq tal-qasam soċjali huwa l-ambjent, għax mingħajr il-ħarsien tiegħu ma jkunx hemm ħajja soċjali suret in-nies. Qabel xejn, jeħtieġ insolvu l-problemi ta’ l-iskart. Intejbu l-indafa pubblika, fost imkejjen oħra, fix-xtut. Il-ħarsien ta’ l-ambjent irbatnih ukoll ma’ l-iżvilupp tal-ħajja u l-ħidma fil-kampanja. Għal dan jeħtieġ li nnaqqsu t-tnigġiż kulimkien. Lanqas nistgħu ninsew kemm il-ħajja tal-Maltin hija marbuta mal-baħar. Għall-Familja, il-ħin liberu u r-rikreazzjoni huma meħtieġa flimkien max-xogħol u l-bżulija.

L-aħħar qasam li fih għandna sfidi ġodda ġejjin mill-bidla taż-żmien, u t-tmexxija tal-Gvern stess. Is-sehem ta’ Malta fl-Ewropa jeħtieġ li l-Gvern hawn Malta jaħdem b’mod ħafna aktar marbut flimkien. Għal dan il-għan, se jissaħħaħ l-Uffiċċju tal-Kabinett, għaliex se jkun hemm ħafna aktar ħwejjeġ biex jinqatgħu mit-tim tal-Ministri kollha flimkien.

Hekk il-Gvern ikun min-naħa aktar effiċjenti fis-servizzi pubbliċi li jipprovdi – per eżempju, fit-toroq fl-aspetti kollha tagħhom, fil-bqija ta’ l-infrastruttura jew il-proġetti kapitali. Mill-banda l-oħra, il-Gvern jibqa’ dejjem fi djalogu kontinwu mal-poplu, qrib in-nies u qalb in-nies, bis-sehem attiv u dejjem aktar responsabbli li jien qed nimpenja ruħi li jingħata lil kull membru tal-Parlament u tal-Kunsilli Lokali.

L-għaxar u l-aħħar punt fil-lista tal-prijoritajiet li jiena fassalt tistgħu tgħidu li jiġbor fih id-disa’ punti l-oħra ta’ qabel. Irridu nagħmlu suċċess f’kull sens tal-kelma mit-tisħib tagħna fl-Unjoni Ewropea. Irridu nagħmlu l-almu tagħna mhux biss biex nieħdu l-aktar li nistgħu, imma ukoll biex nagħtu l-kontribut tagħna, sew fit-tisħiħ tal-valuri f’dinja tinbidel dejjem aktar bil-għaġġla, u sew fil-viżjoni tar-rabta tal-Mediterran ma’ l-Ewropa u tal-mixja tal-bniedem lejn soċjetà aktar ġusta.

Jiena naħseb li billi nimxu fuq dawn l-għaxar punti, inkunu anke qed nagħtu l-isbaħ xiehda tal-gratitudni u apprezzament lil dawk kollha li ħolqu l-kondizzjonijiet li mingħajrhom ma kienx jirnexxilna naqbdu din it-triq, kif ukoll inkunu qed nagħmlu flimkien l-aħjar għazliet għalina u l-ġenerezzjonijiet ta’ warajna.

Hija triq li naslu fi tmiemha jekk ikollna fiduċja fina nfusna u ambizzjoni għal futur xieraq għal uliedna.

Hija triq li rridu nimxu flimkien, fl-għazliet li nagħmlu kull wieħed u waħda minnha, fil-valuri li nħaddnu … valuri u għazliet li jirriflettu ruhom fil-ġurnata xogħol li nagħtu; fil-ħarsien ta’ l-ambjent; fl-indafa li biha nżommu t-triqat, ix-xtajtiet u l-kampanja tagħna; fir-rispett lejn xulxin u lejn it-turisti li jżuruna; fl-onestà fis-servizzi soċjali u t-taxxi; fil-mod kif nagħarfu niddiskutu d-differenzi ta’ bejnietna; fil-mod kif insuqu fuq it-toroq u l-ibħra tagħna; fil-mod kif nibnu … dawn kollha huma l-għażliet li jistgħu jgħinuna ngħixu wkoll ħajja aħjar, ħajja aktar ċivili, hajja aktar solidali ma’ xulxin.

L-ewwel missjoni importanti li messitni bħala Prim Ministru hija li nirrapreżenta 'l pajjiżna fil-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern ta’ l-Ewropa. L-ewwel festa li se niċċelebraw flimkien hija Jum il-Ħelsien. Nawgura lilna lkoll li, bil-grazzja t’Alla, dawn ikunu żewġ okkażjonijiet fejn jidher biċ-ċar f’għajnejn kulħadd li aħna poplu wieħed. Nistgħu ma naqblux fuq ħafna affarijiet sekondarji, iżda nittama li l-aħjar soluzzjoni għas-suġġetti li semmejt sejrin infittxuhom flimkien billi nissuktaw id-djalogu li ridt nibda magħkom illejla.

Il-Mulej jseddaq lilkom u l-familji tagħkom. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow