Left arrow Mur Lura

TISLIMA LILL-PARLAMENT MILL-ONOREVOLI EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, IT-TNEJN 22 TA’ MARZU 2004

PR393
Date Icon 22/03/2004

Mr Speaker,

Illum – meta issa ilni madwar ħamsa u tletin sena nindirizzak, lilek u lill- persuni l-oħra kollha rispettabbli li okkupaw dik is-sedja qablek – ippermettili din id-darba nkun ftit aktar personali milli hi d-drawwa tiegħi.

Ftit taż-żmien ilu, ġarrabt esperjenza ftit jew wisq stramba. Kont għadni kif iddimettejt mill-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. U minnufih bdejt nisma’ bir-radjijiet u bit-televixin, u naqra fil-ġurnali, diskorsi dwari li daqqew ftit jew wisq esaġerati fl-eloġji. F’dan id-diskors qasir tal-lum, m’inix ser nipprova nixbah lil dawk il-ħafna kavallieri li kitbu huma stess l-epitaffju għal fuq qabarhom. U lanqas mhuwa dan xi għamla ta’ testment spiritwali.

Illum, Mr Speaker, jiena qed inħalli l-kariga li għamlitni għal ħafna snin qaddej ewlieni ta’ l-Istat ta’ Malta; imma m’inix ċertament qed inħalli dik il-kwalità li l-aktar torbotni magħkom, il-kwalità ta’ ċittadin ta’ Malta u, fuq kollox, ta’ bniedem li ħajtu minsuġa ma’ tagħkom u ma’ ta’ niesna.

Jekk ikolli nxebbah dawn il-kelmtejn tal-lum bilfors ma’ xi ħaġa, inqabbilhom ma’ l-iskambju ta’ kliem bejn is-suldati ta’ l-għassa li jkunu qed ibiddlu lil xulxin bħala l-gwardjani ta’ xi post meqjum, jew mal-ġerrejja f’relay race, fil-waqt meta jgħaddu l-bakketta minn id għall-oħra.

Ukoll f’din l-operazzjoni kemmxejn delikata, xtaqt nimxi fuq prinċipju li naf li dejjem qdieni tajjeb matul ħajti kollha s’issa. Il-prinċipju hu dan: it-tibdil dejjem meħtieġ, imma dejjem aħjar li jsir mingħajr terremoti; kull ħaġa ħajja teħtieġ tinbidel bla heda, iżda ħalliha tinbidel kemm jista’ jkun bla skossi. Naħseb li dan il-prinċipju metodoloġiku jagħti riżultati tajbin mhux biss fil-prattika politika, imma wkoll fil-ħajja personali u privata.

Il-bakketta – xejn maġika, iżda prattika – li qed ngħaddi minn idejja lilkom li magħkom ilni niġri l-ġirja tal-ħajja – hija sempliċi biex tiddeskriviha. Mhix għajr l-impenn li nagħmlu l-almu tagħna biex pajjiżna jikseb suċċess fi ħdan l-Ewropa. Dwar kif, ingħid kelma fil-qosor dalwaqt. Iżda, qabel xejn ieħor, irrid ngħid li jiena illum kuntent li nħalli f’idejkom dan l-impenn prezzjuż, għax nista’ nerħih f’idejkom ilkoll flimkien, ilkoll bla diviżjoni u bla eċċezzjoni.

Għal ħafna snin, dan l-impenn kien fostna kawża ta’ firda, imma illum, għall-grazzja t’Alla, huwa mezz ta’ għaqda, mhux biss fostna hawn f’dan il-Parlament, iżda wkoll fost il-poplu kollu. U dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija, aktar u aktar f’dan iż-żmien, meta ninsabu resqin dalwaqt għall-ewwel elezzjonijiet Ewropej li fihom issa ksibna l-jedd li nsemmgħu leħinna. Quddiem il-poplu dejjem hemm il-għażla; iżda l-aqwa huwa li f’Parlament bħal dak Ewropew li jiġbor fih ħafna ġnus, aħna nagħrfu inġibu ruħna, meta jinħtieġ, ta’ ġens wieħed, ilkoll Maltin, indaqs, bid-dinjità.

Dan huwa sinjal mill-aqwa li lħaqna l-maturità fid-demokrazija. Darba wara l-oħra, wara kull kawża ikkontestata bejnietna fuq iż-żewġ naħat ta’ din il-kamra, jiena stinkajt biex nuru l-istess determinazzjoni li nkunu wrejna fit-taqbida, ukoll fil-ħidma tar-rikonċiljazzjoni. L-aktar perjodu trist fl-istorja ta’ dan il-Parlament kien żgur dak il-perjodu meta bejn dawn il-ħitan ma kien instema’ ebda ħjiel tal-battibekk tad-dibattitu, għaliex kien iż-żmien tal-bojkott fl-ewwel xhur ta’ l-elf disa’ mija u tnejn u tmenin, wara “ir-riżultat pervers” ta’ l-elezzjoni. Għamilna progress kbir fit-tisħiħ tad-demokrazija fit-tnejn u għoxrin sena li għaddew minn dak iż-żmien ikrah, iżda baqa’ aktar xi jsir. It-tentazzjoni għar-rikors għall-vjolenza tibqa’ dejjem imxettla u mxenxla f’qiegħ qalb il-bniedem. Imma jiena fiduċjuż ħafna fil-membri kollha ta’ din il-Kamra li jkompli jintwera dejjem aktar ċar kemm din il-Kamra tirrappreżenta bl-aħjar mod l-avvanzi fil-maturità demokratika tal-poplu Malti kollu kemm hu.

Għalkemm jiena ma nkunx magħkom, xorta waħda nifraħ ħafna fil-jiem meta taslu fi qbil mhux biss fuq l-aħjar sistema elettorali, iżda ukoll fuq l-aspetti kollha tal-Kostituzzjoni. Jiena ċert li kulħadd hawnhekk jaqbel miegħi li għad hemm ċerti oqsma fejn ikun jaqbel li mingħajr ma neqirdu d-diversità tal-fehmiet, niżirgħu ftit aktar għaqda.

Sadattant, jiena nixtieq inrodd ħajr minn qalbi għal dak kollu li tgħallimt mhux biss mill-mexxejja anzjani tal-Partit Nazzjonalista, imma anki mill-konfront ma’ avversarji, sew ikbar u sew iżgħar minni fl-età. Dawn kollha servew biex illum jiena nista’ ngħaddi lilkom il-bakketta ta’ dan l-impenn li nagħmlu suċċess mill-Ewropa. Biex inwettqu dan l-impenn, fil-fehma tiegħi, għandna tliet għajnuniet mill-aktar siewja.

L-ewwelnett, għandna l-memorja ta’ l-istorja. Tajjeb li din il-memorja tkun selettiva, biex ma noqogħdux nimirħu f’imkejjen mnejn aktarx ma joħroġ xejn ta’ siwi. Imma jiena naħseb li kulħadd għandu għalfejn iqawwi qalbu, għal raġuni jew oħra, meta nqisu t-triq twila li kellna nimxu biex wasalna fl-Ewropa.

Irrid ngħid li, fid-dawl ta’ fejn wasalna llum, it-triq lejn l-Indipendenza tidher bħala l-ewwel parti kważi preliminarja tat-triq lejn l-Ewropa. Mill-fondazzjoni tiegħu, il-Partit Nazzjonalista rabat flimkien il-kisba mixtieqa ta’ l-indipendenza ma’ l-irkupru kulturali tal-wirt Ewropew fl-integrità tiegħu. U f’dan, anke b’nuqqas ta’ qbil magħna dwar metodi u anke xi minn daqqiet dwar is-sustanza, kien hemm il-kontribut konverġenti tan-naħa l-oħra tal-Kamra. Mhuwiex aktar iż-żmien li nibqgħu nitlewmu aktar min kiseb xiex. Wasal iż-żmien li nkunu kburin b’ta’ xulxin, bil-ġid komuni.

Madankollu, ma nistgħux ma nibqgħux inqimu bl-akbar għożża lil dawk kollha li ikkontribwew b’mod personali għar-rebħiet demokratiċi ta’ pajjiżna. Jiena nsellem illum lill-vittmi kollha li mietu b’atti ta’ terroriżmu u vjolenza. Jisgħobija li l-ħatja tal-martirju ta’ nies bħal Karen Grech u Raymond Caruana baqgħu ma nstabux. Huwa ċar li jiena bl-ebda mod ma nixtieq vendetta. Ma naqbel ma’ ebda vendetta fi kwalunkwe każ. Naqbel ma’ kastigi li jkunu tagħlima. Kulħadd jaf li ġieli din il-vjolenza kienet diretta kontra l-familja u d-dar tiegħi, u li kien hemm min fittex joqtol lill-assistent personali tiegħi.

Jiena grat ukoll għall-kotra kbira ta’ dawk li għamlu sagrifiċċji inqas spettakolużi, iżda veri biex seħħet din il-mixja ta’ pajjiżna lejn l-Ewropa, għax hekk biss tista’ tisseddaq bl-aħjar mod l-identità tagħna bħala poplu. Din il-mixja hija l-vera sinsla ta’ l-istorja moderna ta’ gżiritna fi żmienna. Irrid inroddilhom ilkoll ħajr, b’mod speċjali lill-familja u l-ħbieb tiegħi li kellhom ibatu mhux biss mit-tiġrib ta’ kull min iħaddan il-ħajja politika, kif għamilt jien, iżda wkoll mit-temperament esiġenti tiegħi.

It-tieni mezz importanti, Mr Speaker, li għandha f’idejha din il-Kamra bħala appoġġ għall-impenn biex nagħmlu suċċess mill-preżenza tagħna fl-Ewropa hija, fil-fehma tiegħi, l-għożża tal-valuri.

Kelli okkażjoni dan l-aħħar li ninnota li għal diversi drabi l-Partit tagħna fassal slogan elettorali fil-forma ta’ trepied: Xogħol, Ġustizzja, Libertà; Solidarjetà, Dejjem, Kullimkien; Ġid, Fiduċja, Direzzjoni; Xogħol, Ġid, Serjetà; u innotajt ukoll li anki l-Partit l-ieħor jimitana fl-adozzjoni ta’ formoli ta’ din ix-xorta. Tolqtok, f’din l-ispeċi ta’ ‘Litanija tal-Valuri’ li tinstema’ fil-programmi elettorali tagħna, ir-ripetizzjoni ta’ ‘xogħol’ u ta’ ‘ġid’. Il-ġid li nitkellmu fuqu hawn huwa l-ġid komuni. Dawn mhumiex valuri li huma b’xi mod monopolju tagħna. Huma dawk il-valuri li nistgħu naqblu fuqhom biex is-soċjetà tagħna tkompli tikber mhux biss ekonomikament, iżda wkoll fl-inklussività, isem ġdid tas-solidarjetà.

Kelli ħafna esperjenzi li tawni sodisfazzjon fis-snin li għamilt bħala Prim Ministru. Fl-ewwel leġislatura għarafna ndawru l-ekonomija magħluqa tagħna f’waħda ħajja, miftuħa u b’saħħitha. Tajna spazju wiesa’ għall-intrapriża privata billi naqqasna l-indħil żejjed tal-gvern fl-ekonomija. Inħoloq il-ġid fil-pajjiż li minnu gawda kulħadd. Fit-tieni leġislatura tajna spazju liċ-ċittadin sabiex ikollu vuċi fit-tmexxija tal-lokal tiegħu. Illum kulħadd jaqbel li l-Kunsilli Lokali huma ġeneratur ta’ ħidma, inizjattivi u proġetti li qegħdin iġibu titjib fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna. Irrid illum nirringrazzja lill-kunsilliera kollha li servew u qegħdin iservu b’mod volontarju għax-xogħol tagħhom.

Iżda fost l-esperjenzi li tawni l-aktar sodisfazzjon fis-snin li għamilt bħala Prim Ministru, kien hemm bla dubju dawk l-okkażjonijiet meta assistejt għal-lawrja ta’ l-istudenti ta’ l-Università. Mhux biss bdejt narahom jirċievu l-lawrja bil-mijiet, kif jixraq f’soċjetà fejn l-aqwa ġid m’għadux il-propjetà ta’ l-art, jew id-deheb, jew il-bjar taż-żejt, imma sar l-għerf, ix-xjenza, l-għarfien. Imma wkoll kont nara l-ġenituri tagħhom, ħafna drabi ħaddiema li kienu qed jirfsu f’dawk l-inħawi għall-ewwel darba f’ħajjithom, japprezzaw l-orizzonti ġodda li ftaħna għal uliedhom. Dan huwa terren, l-edukazzjoni, fejn ukoll imxejna, imma għad baqa’ ħafna iżjed fejn nimxu, lejn il-mira li nerfgħuha ’l fuq minn kull politika partiġgjana. Imxejna sew ukoll lejn il-ħolqien tal-pluraliżmu, anki fil-livell terzjarju, u għandna nkunu kapaċi, l-poplu Malti kollu kemm hu, li naffrontaw in-Knowledge Society b’wiċċna minn quddiem.

Barra mill-edukazzjoni, is-saħħa hija wkoll valur ta’ importanza fundamentali. Dwarha wkoll il-ħolma tiegħi kienet li nisbqu għal kollox f’dan il-qasam kull riħa ta’ partiġgjaniżmu. L-edukazzjoni, ħteġilha tilbes libsa ġdida, biex tkun mhux biss għal kulħadd, imma għall-ħajja kollha; hekk ukoll, fil-qasam tas-saħħa, il-programm tagħna jrid iġib bidla fl-enfasi. Nisħqu l-aktar fuq li nevitaw il-mard milli fuq li nikkurawh. Din hi triq oħra li bdejna mexjin fiha flimkien, imma meħtieġa sforzi kbar biex inkomplu sakemm dan il-valur tal-ħajja jirċievi r-rispett kollu li jistħoqqlu.

Intqal, bis-sewwa, li l-ikbar problemi politiċi li għandha d-dinja quddiemha llum huwa dawk morali, aktar preċiżament bio-etiċi. Huma problemi li jmissu fil-fond il-futur tal-bniedem. Huma l-probemi tal-cloning, tal-kontroll tal-fertilità, tal-forom tal-familja. Huma problemi li għandna wkoll aħna quddiemna bħall-bqija tad-dinja u jeħtiġilna naffrontawhom fi ħdan l-Ewropa. Jiena dejjem sħaqt fuq l-importanza tal-valuri, għax huma s-sies ta’ kull progress veru. Għaddejjin minn kriżi li minnha nistgħu noħorġu msaħħin. Jiddependi ħafna mill-orjentament li minn din il-kamra nkomplu nagħtu lil artna.

Mr Speaker,

It-tielet mezz meħtieġ biex l-impenn Malti għal suċċess fl-Ewropa jkompli jseħħ bir-rankatura li qbadna matul żmienna, hija viżjoni tal-futur ta’ pajjiżna fid-dinja.

L-unika elezzjoni li tlift fil-medda ta’ snin li ilni l-mexxej tal-Partit Nazzjonalista seħħet fl-elf disa’ mija u sitta u disgħin, meta konna addottajna slogan bil-kelma waħda “Futur”. Kienet tfisser din it-telfa li l-Maltin iridu jagħlqu għajnejhom għall-Futur? Żgur li le! Aktarx li ġara biss li l-poplu ried jagħtina tbeżbiża, iwissina kontra l-periklu li jitrabba fina mqar l-inqas ħjiel ta’ arroganza tal-poter. Infatti, malajr, qabel iż-żmien programmat, erġajna fit-triq storika li wasslitna fejn aħna.

Pajjiżna ġie magħżul biex ikun il-post simboliku li fl-ibħra tiegħu, Bush u Gorbachiov difnu l-gwerra l-bierda. Il-Papa innifsu qalilna li Malta tassew għandha sejħa speċjali x’taqdi fl-Ewropa. Kulħadd jaqbel li Malta tista’ tkun pern fid-djalogu EuroMediterranju. Fuq kollox, Malta tista’ tagħti sehem biex, sewwasew bil-qadi tal-vokazzjoni tagħha fiċ-ċentru tal-baħar Mediterran, tgħin biex l-Ewropa jirnexxilha tagħti xejra ġdida lill-globalizzazzjoni.

Biex dan iseħħ, jeħtieġ li nkomplu inġeddu wiċċ artna, kif tagħmel in-natura fir-rebbiegħa. Irridu nagħrfu sewwasew it-tifsira taċ-ċokon ta’ artna. Irridu nagħrfu nużaw bl-aħjar mod l-ispazju li għandna. Irridu nsalvaw l-ambjent bl-użu ta’ kull xorta ta’ enerġija alternattiva. Irridu li pajjiżna jkun tassew fuklar ta’ kultura u kreattività. Irridu poplu kollu kemm hu entużjasta ta’ l-innovazzjoni xjentifika u t-teknoloġiji ġodda ta’ l-informazzjoni. Irridu nikxfu mill-ġdid x’jiġifieri li l-bniedem huwa x-xbiha u iben Alla. Irridu nibnu futur fuq is-sisien sodi li tawna l-qawwa u l-grazzja li ngħixu fi preżent kritiku imma mimli tama.

Mr Speaker,

Irrid nagħlaq b’żewġ ħsibijiet. Ir-radd ta’ ħajr kien bħal ħajta li qatt ma nqagħtet tul dan id-diskors li bih qiegħed insellem lill-membri ta’ dan il-parlament għażiż li fih qattajt ħafna ħin minn ħajti u fih ġarrabt uħud mill-waqtiet l-aktar għonja kemm b’tensjoni kif ukoll bi sliem fl-esperjenza tiegħi. Jien għamilt l-apprentisaġġ politiku tiegħi fil-ġurnaliżmu, għal seba’ snin, bħala editur tal-gazzetta ‘Il-Poplu’. Waħda mill-kisbiet demokratiċi li jien kburi bihom huwa l-pluraliżmu li għandna llum fix-xandir. Irrid nirringrazzja b’mod speċjali lin-nies kollha li jaħdmu fil-mezzi tal-komunikazzjoni għal sehemhom, u fosthom mhux l-inqas il-karikaturisti, li jżewqu l-ħajja politika billi ma jħalluniex nitilfu s-sens tar-ridikolu, anki fl-aktar mumenti solenni.

Fl-aħħarnett, mar-ringrazzjamenti, irrid ukoll nitlob maħfra, kulfejn stajt inqast lil xi ħadd, kien min kien. Il-Griegi kienu jgħidu li tad-daħq huwa kull żball li minnu ma joħroġx wisq deni. Nittama li l-iżbalji li għamilt jien kienu aktar tad-daħq milli tal-biki u nitlob li Alla li jaf jikteb dritt bis-sinjali mgħawġin jinqeda bihom għall-ġid.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow