Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, WAQT SEMINAR BIT-TEMA: “IL-KUNSILLI LOKALI U L-LIBRERIJI PUBBLIĊI – INĦARSU ‘L QUDDIEM” – MUZEW MARITTIMU, BIRGU - IS-SIBT, 20 TA’ MARZU 2004

PR389
Date Icon 20/03/2004

Il-ktieb huwa għodda mportanti għat-tagħlim u t-tisħiħ tal-bniedem fis-sens sħiħ tiegħu. Mingħajr il-qari nkunu bnedmin inqas milli aħna llum. Mingħajr ma nkunu kapaċi naqraw, jew agħar, li anki jekk inkunu kapaċi nibqgħu ma naqrawx, inkunu qegħdin effettivament inċaħħdu lilna nfusna minn waħda mill-isbaħ partijiet tal-ħajja. 

Fortunatament għalija trabbejt f’familja fejn il-kotba sibthom diġà fuq l-ixkafef tal-librerija jistennewni nisfuljahom. Kien verament vantaġġ għalija iżda bdejt naqra u nkompli nagħmel dan għax fhimt u ħasset li bil-qari nżid l-informazzjoni u ftit għerf li jippermettili naprezza aħjar il-ħajja, il-valuri veri tagħha u li fuq kollox inkun ta’ servizz aqwa għall-ħuti l-bnedmin. 

Huwa ovvju li ma nistgħux nippretendu li f’kull dar f’pajjiżna ser insibu librerija, però dan ma jfissirx li ma għandniex naħdmu sabiex f’kull belt u raħal ikun hemm librerija pubblika. Jekk irridu nħajru lill-uliedna u liċ-ċittadini kollha tagħna ta’ kull età sabiex jaqraw għandna jkollna libreriji kbar u organizzati.  

Nassiguraw l-ewwel postijiet li ma humiex impossibbli li jintlaħqu u t-tieni li l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom ikunu maħsuba sabiex iħajru u mhux jaqtgħu qalb wieħed li jmur iqalleb u jissellef il-kotba. Hemm bżonn ta’ ħafna aktar xogħol f’din it-triq. Hemm bżonn inħajru lil aktar nies minn dan il-poplu ntelliġenti u ħawtiel sabiex jaqbdu ktieb f’idejhom u jaqraw. Hemm bżonn li nieħdu ħsieb li jkun hemm varjetà kbira ta’ kotba f’kemm jista’ jkun lingwi. Fuq kollox kull possibilità ta’ ftuh u opportunità sabiex ħadd ma jkollu xi raġuni biex ma jaqrax ħlief l-għażż li għal uħud jaf ikun dik s-sibilla tentatriċi.  

Fl-bidu ta’ l-1991 kien hemm ħamsa u ħamsin librerija pubblika u tnejn reġjonali mmexxija mid-Dipariment tal-Libreriji. Fortunatament wara d-dħul tal-liġi tal-Kunsilli Lokali bdejna naraw minn Jannar 1999 id-dħul fis-seħħ ta’ numru ta’ ftehim ta’ devoluzzjoni ta’ dawn il-libreriji għall-idejn il-Kunsilli Lokali. Kien il-Kunsill ta’ Haż-Żebbuġ (Malta) li beda dan il-proċess. Illum għandna erbgħin (40) devoluzzjoni f’kull rokna ta’ pajjiżna. Mhux biss, iżda sas-sena 2001 rajna żieda fil-kotba mislufa bi tmienja fil-mija (8%) minn 165,512 ktieb fl-1998 għall-179,168 fl-2001. Dan huwa pass importanti ħafna. Pass determinanti li hemm bżonn li jiġi ssudat. M’huwiex biżżejjed li dawn il-libereriji jgħaddu f’idejn il-kunsilliera tagħna mingħajr ma nanalizzaw fil-fond is-sitwazzjoni. Nippruvaw naraw fejn kienu, fejn qegħdin u fejn dawn sejrin. 

Hemm Kunsilli li kellhom gwidi tajba dovuti għal numru ta’ sindki u kunsilliera li kienu huma stess motivati. Però dan m’huwiex fil-Kunsilli kollha. Hemm oħrajn li ma tantx għandhom ideja minkejja l-ħeġġa u l-intenzjonijiet tajbin tagħhom. Għax għandna libreriji pubbliċi li żiedu fl-attendenza u l-użu tagħhom u oħrajn ma ċċaqilqux ħafna ‘l quddiem. Huma x’inhuma r-raġunijiet, ma nemmnux li għandu jibqa’ jkollna d-devoluzzjoni mingħajr ma nagħtu direzzjoni aħjar immirata lejn organizzazzjoni w użu tajjeb ta’ dawn il-libreriji. Mhux biss dan iżda hemm bżonn li jkollna laqgħat fejn abbażi ta’ l-esperjenza miġbura tiġi stabbilita b’mod ċar u inekwivoku  x’għandha tkun l-aħjar prattika.  

Irridu nagħtu direzzjoni wkoll fil-kontenut tal-kotba. Hemm bżonn li niggwidaw lill-Kunsilli Lokali fuq x’tip ta’ kotba għandhom jinxtraw.    Mhux biss, iżda bi ftit nistgħu wkoll nottjenu prezzijiet aktar vantaġġjuzi għalihom. Naħseb li nistgħu nagħmlu dan, jiġifieri norganizzaw rwieħna aħjar, nagħtu servizz aħjar u nitgħallmu mill-esperjenzi komuni tagħna. Hemm bżonn li nħarsu bi spirtu ta’ koperazzjoni wkoll lejn prattiċi tajba li permezz tagħhom nies fil-komunità jikkontribwixxu għax-xiri ta’ kotba li huma tajbin u li huma ta’ kontenut.  

Id-donaturi ħafna drabi jitolbu gwida mingħand il-libreriji u għalhekk hemm bżonn li nkunu nafu l-prijoritajiet tagħna sabiex dawn il-fondi privati jiġu użati tajjeb. Għax irridu naċċettaw li żdied ix-xiri tal-kotba għal-libreriji pubbliċi minn mindu dawn ġew f’idejn il-Kunsilli Lokali iżda dan waħdu m’huwiex biżżejjed. Ma jiswiex f’dan il-kamp il-valur tal-kotba. Għax ma hemmx formola matematika li permezz tagħha nistgħu ngħidu li aktar ma ktieb huwa għoli fil-prezz sabiex jinxtara aktar fih valur edukattiv jew ta’ sustanza. Tista’ tixtri ktieb tajjeb bix-xejn u tonfoq flejjes kbar fuq ktieb żbaljat. 

Naħseb li f’dan il-pajjiż għandna naqblu li ma għandniex anqas issa nippruvaw nivvintaw ir-rota. Fortunatament għalina d-Dipartiment tal-Libreriji Pubbliċi u l-Arkivji għandu minjiera ta’ esperjenzi li ġejja mis-snin għoxrin fejn għall-ewwel darba fis-19 ta’ Awissu 1922 kellna seba’  lokalitajiet fosthom Bormla u ż-Żejtun li fetħu l-bibien għall-libreriji pubbliċi. Dan l-għerf u esperjenza hemm bżonn li aħna nużaw. Id-devoluzzjoni fissret responsabbilità akbar għall-Kunsilli Lokali iżda ma kellhiex iġġib il-konsegwenza ta’ separazzjoni mill-omm ta’ dawn il-libreriji.  

Għalhekk huwa mportanti li filwaqt li nisfruttaw aħjar il-vantaġġi li l-Kunsilli Lokali għandhom u nippruvaw nibnu strutturi u sistemi ġodda ta’ ħidma f’dan is-settur daqshekk vitali. Nammettu li tiġi liema forma ta’ teknoloġija tiġi l-ktieb hemm jibqa’ u ma jiċċaqlaqx fil-valur veru li għandu. Għal din ir-raġuni naħseb li rridu nimmotivaw aħjar il-Kunsilli sabiex jifhmu l-ewwel li għandhom dmir morali li jwettqu din il-missjoni li permezz tagħha nżidu l-qari it-tieni li ngħaddulhom l-esperjenza l-iktar moderna f’dan is-settur sabiex jkollhom gwida u direzzjoni ċara u li tħalli l-frott. 

Nemmen li l-kunsilli għandhom ħafna x’jagħtu. Huma kapaċi jaslu ferm aktar milli jista’ jasal l-Gvern Ċentrali.  Huma jistgħu jħajru u jagħmlu l-propaganda t-tajba sabiex il-qari jikber. Nieqfu ftit nħarsu lejn il-Kunsilli Lokali bħala sempliċi post ieħor fejn nagħmlu l-politika u nibdew nagħtu aktar riħ u saħħa għall-għelieqi ġodda ta’ ħidma fejn insibu l-ewwel għaqda fil-kunsilliera,  it-tieni nħajru aktar nies ta’ valur u sustanza jagħtu l-kontribut lill-Kunsilli Lokali u t-tielet li nibdlu l-immaġini mhux tant tajba li għandha ċerta parti mis-soċjeta tagħna tal-Kunsilli Lokali. 

Nittama li dan is-seminarju jkun pass importanti u rikorrenti fl-istaġun tal-Kunsilli Lokali. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow