Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-GUSTIZZJA U L-INTERN, WAQT SEMINAR ORGANIZZAT MID-DIPARTIMENT TAL-GVERN LOKALI BIT-TEMA "DATA PROTECTION AND THE LOCAL COUNCILS" – QAWRA – 18 TA’ MARZU 2004

PR384
Date Icon 18/03/2004

Sinjuri,

Illum il-ġurnata nisimgħu spiss fuq dan is-suġġett. Huwa wieħed attwali ħafna però wieħed għandu jgħid li dan ma seħħx bi sforz uniku iżda b’numru ta’ passi. Fil-fatt għandu jingħad li kien sa mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ l-1948. Dikjarazzjoni mportanti li rat lil bnedmin ta’ din d-dinja jridu jibnu pediment u qafas ġdid fl-esperjenza kiefra u diżumana li t-Tieni Gwerra mondjali ġiebet. F’dik d-dikjarazzjoni nsibu li l-Artikolu Tnax tagħha jiddikjara b’mod ċar u inekwivoku li ħadd ma għandu jiġi assoġġettat għall-interferenza arbitrarja fil-ħajja privata tiegħu, f’daru, fil-korrispondenza tiegħu u anzi ħarġet minn triqitha sabiex tagħmel ċar li kull persuna għandha d-dritt tal-protezzjoni tal-liġi minn tali inġerenza.

Minn dik il-ġurnata ’l quddiem il-kunċett ġie żviluppat sew u fil-fond. Għax ma huwiex aċċettebbli li d-dinjità ta’ ebda ċittadin tagħna tiġi disprezzata mill-Istat u ridotta għal sempliċi numru. L-att li qed nitkellmu fuqu llum fetaħ toroq ġodda sabiex jiġi assigurat li n-nies li qed jgħixu f’dan il-pajjiż ikunu protetti minn użu żbaljat ta’ l-informazzjoni u d-dati personali tagħhom.

Ma hemmx dubbju li ġejna nfluenzati sew l-ewwel bil-Kunsill ta’ l-Ewropa bid-diversi rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet tagħha kif ukoll aktar tard bid-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropeja. U dan speċjalment bl-Artikolu Tmienja tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni li jgħid l-ewwelli kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni ta’ data li tikkonċerna l-karattru personali, t-tieni li din id-data għandha tiġi ttrattata b’mod ġust għal skopijiet determinanti u fuq il-bażi tal-kunsens tal-persuna nteressata jew fuq bażi oħra leġittima prevista mil-liġi, li kulħadd għandu d-dritt ta’ aċċess għal data miġbura li għandha x’taqsam miegħu jew magħha u d-dritt li jirretifikaha, u t-tielet li l-osservanza ta’ dawn r-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.

Pajjiżna ma qagħadx lura. Anzi permezz ta’ numru ta’ Atti tal-Parlament li llum jiffurmaw il-Kapitolu 440 tal-Liġijiet ta’ Malta għandna korp sħiħ ta’ normi li jieħdu ħsieb jirregolaw dan is-settur interessanti u mportanti. Fl-artikoli ta’ dan il-Kapitolu hemm elenkati l-prinċipji li għandhom jiggwidawna sabiex naħdmu aħjar. Bihom aħna għandna nieħdu ħsieb li jkollna bilanċ tajjeb u li jista’ jaħdem fil-prattika bejn d-dritt tad-divulgazzjoni ta’ l-informazzjoni u dak tal-protezzjoni tal-ħajja privata. Dan huwa konflitt legali ta’ kull ġurnata f’diversi setturi u li issa aktar minn qatt qabel qiegħed jingħata attenzjoni speċjali.

Ma hemmx dubbju li l-proċess tagħna lejn d-dħul fl-Unjoni Ewropea għen konsiderevolment sabiex dawn il-liġijiet isiru. Mhux biss iżda sibna għajnuna fl-esperjenza u l-għaqal li mxew biha tul dawn l-aħħar snin l-istituzzjonijiet u numru ta’ pajjiżi Ewropej.

Minkejja dan l-avvanz irid jingħad li għad ma hemmx biżżejjed informazzjoni fuq din il-liġi u kif topera fil-kamp u x-xenarju Malti. Għax irridu naċċettaw li fis-snin ta’ qabel ma kienx hemm l-għarfien u nformazzjoni neċessarja sabiex ma jkunx hemm leżjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali. Il-Gvern huwa determinat li jibdel dan kollu u jieħu ħsieb li l-ewwel ixerred il-fatti ma’ l-irkejjen kollha tal-pajjiż u t-tieni li b’dan il-proċess jinbidlu numru sew ta’ prattiċi żbaljati. Għalhekk illum għandna din l-opportunità unika sabiex inxerrdu din l-informazzjoni fil-kamp tal-Kunsilli Lokali.

Il-Kunsilli Lokali jkollhom ħafna nformazzjoni personali tar-residenti taghhom f’idejhom. Data li tajjeb li jkunu attenti kif għandhom l-ewwel jieħdu ħsieb jipproteġu dan u t-tieni li jqisu x’jista’ jinġabar u dak li ma għandux jiġi miġbur. Il-liġi hija ntenzjonata sabiex tieħu ħsieb li ma jkunx hemm abbużi f’din il-linja u għalhekk tajjeb li l-Kunsilli Lokali jkollhom stampa ċara. Dan huwa proċess li nisperaw l-ewwel li nidħlu f’aktar fond sabiex naslu għand l-għalqa sħiħa tal-Kunsilli Lokali u t-tieni sabiex kull parti mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jkun huwa wkoll preparat għall-konsegwenzi u effetti ta’ tħaddim tajjeb ta’ din il-liġi.

Għax huwa dmir tagħna bħala pajjiż li nieħdu ħsieb li l-informazzjoni personali tingħata fejn huwa permess mill-liġi però fejn ma għandhiex tingħata, għandha tigi miżmuma. L-informazzjoni hija poter li ma għandhiex tiġi abbużata, sija jekk din hija f’idejn il-Gvern Ċentrali jew l-Kunsilli Lokali. Aktar u aktar illum meta t-teknoloġija moderna qiegħda tagħti aċċessi diretti u veloċi għall-informazzjoni li qabel ma kienetx tagħti. F’soċjetà attwali fejn proprju kaġun tat-terrorizmu nternazzjonali s-sorveljanza għall-iskopijiet ta’ sigurta qiegħda tikber u dan sija fit-toroq tagħna sija fuq il-post tax-xogħol u dan għalhekk għandna nieħdu ħsieb li nirregolaw sabiex id-dinjità u d-drittijiet fundamentali ta’ kull ċittadin jiġu ppreservati.

Il-Gvern Malti ħa ħsieb li l-liġi tkun marbuta ma’ erba’ prinċipji għat-tħaddim tajjeb ta’ dan is-settur u dawn huma: il-parteċipazzjoni, it-trasparenza, l-akkontabilità u dak tal-Rule of Law. Dawn iggwidawh fit-tfassil tal-liġi u għadhom jagħmlu dan fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji. Ma hemmx dubbju li s-suċċess tagħha jiddependi minn kemm ikun hemm għarfien ta’ dan u kemm jitħaddmu tajjeb.

Nagħlaq billi nawgura l-ħidma t-tajba.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow