Left arrow Mur Lura

PJAN STRATEĠIKU GĦALL-ISKEJJEL TA’ L-ISTAT

PR380
Date Icon 18/03/2004

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Louis Galea, nieda proċess ta’ djalogu nazzjonali dwar l-abbozz tal-pjan strateġiku għall-bini, estensjonijiet u modernizzar ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat.  Il-Pjan tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada juri kif se jsir l-investiment ta’ aktar minn 60 miljun lira allokati mill-Gvern għall-iskejjel Primarji, Sekondarji, Speċjali u istituzzjonijiet edukattivi pubbliċi oħrajn.  Fis-Seminar li sar f’Dar il-Meditteran għall-Konferenzi ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet edukattivi.  Meta l-pjan jiġi approvat mill-Gvern, ser jiġi diskuss ukoll fil-Parlament. 

Il-parti l-kbira tax-xogħol se jsir fl-iskejjel sekondarji li bejniethom se jieħdu investiment ta’ madwar 38 miljun lira, filwaqt li investiment ta’ madwar 20 miljun se jsir fl-iskejjel primarji.  Fl-iskejjel sekondarji se jkun hemm emfasi partikolari fuq l-iskejjel tas-subien peress li dawn għandhom aktar bżonnijiet minn dawk tat-tfajliet li huma aktar moderni.  Fil-fatt aktar minn 23 miljun se jmorru għall-iskejjel tas-subien filwaqt li fl-iskejjel tat-tfajliet se jsir investiment ta’ madwar 15-il miljun. 

Dawn huma il-proposti tal-Pjan Strateġiku tal-Fondazzjoni wara li sar eżerċizzju ta’ eżami ta’ kull skola li juri s-sitwazzjoni preżenti u l-bżonnijiet ta’ l-iskejjel, l-istudenti u l-komunitajiet ta’ madwarhom.  Waqt li kien qed isir dan l-eżami, il-Fondazzjoni wettqet programm intensiv ta’ xogħlijiet li ħallew riżultati pożittivi ħafna fl-iskejjel kollha kif jixhdu l-għalliema, istudenti u l-ġenituri tagħhom. 

Fl-2003 il-Ministru Louis Galea nieda l-proċess biex jitfassal Pjan Strateġiku li jagħti viżjoni ċara b’mod li x-xogħol li jsir ikun aktar organizzat, proattiv u preventiv u b’nefqa pjanata, effettiva u kontrollata.  Wara li nġabru l-verifiki ta’ kull skola u wara li kienu studjati x-xejriet demografiċi, l-aspetti kurrikulari u l-bżonnijiet li joħorġu minnhom, kif ukoll aspetti soċjo-ekonomiċi oħrajn, il-Fondazzjoni għamlet profil għal kull skola – x’inhu l-istat preżenti, x’inhuma l-bżonnijiet tal-iskola, u x’investiment hemm bżonn biex l-iskola issir skola ta’ għada (tomorrow’s school). 

L-ewwel fażi, u l-aktar importanti, tal-Pjan Strateġiku tkopri sitt snin sa’ l-2010. Hu għalhekk li l-Pjan Strateġiku hu wieħed flessibbli u se jkun rivedut regolarment biex jibqa jiżviluppa tul is-snin u jagħti każ ta’ bidliet li jistgħu ikunu meħtieġa. 

Parti importanti mill-istudju sar fuq x-xejriet demografiċi s’issa u dawk li qed nistennew għas-snin li ġejjin.  Għalkemm bħala pajjiż għandna popolazzjoni li qed tixjieħ u n-numru ta’ tfal qiegħed jonqos, il-bżonnijiet ta’ l-iskejjel tagħna qed jikbru minħabba l-esiġenzi l-ġodda u l-firxa usa ta’ edukazzjoni li qed tkun offruta, fl-istess ħin filwaqt li f’xi lokalitajiet in-numru tat-tfal qed jonqos f’oħrajn qed jiżdied. 

In-numru ta’ tfal li qed jitwieldu naqas ħafna f’dawn l-aħħar snin biex minn 5474 tfal li twieldu fl-1992 dawn naqsu għal 3805 fl-2002 tnaqqis ta’ madwar 30% f’għaxar snin.  Madankollu  fl-1984 u fl-1988 l-iskejjel ta’ l-istat bdew jaċċettaw tfal ta’ erba’ u tlett snin rispettivament fil-kindergarten u b’hekk il-popolazzjoni fl-iskejjel żdiedet b’mod konsiderevoli.  Fil-fatt fl-2002 kien hemm aktar minn 6,000 tifel u tifla fil-kindergarten li bejniethom jużaw mal-500 klassi. 

Fattur ieħor ta’ importanza hu l-bidliet li qed iseħħu fil-qasam edukattiv bil-kurrikulu li joffru l-iskejjel. Il-Kurrikulu Nazzjonali, ippublikat fl-2001, qed iġib miegħu bidliet kemm fil-mod kif inħarsu lejn it-tfal u l-istudenti, kif ukoll fil-mod kif inħarsu lejn l-iskejjel.   

Minbarra li l-Kurrikulu jeżiġi li l-iskejjel għandhom joffru ambjenti sbieħ li jimmotivaw it-tagħlim, il-Kurrikulu jdaħħal suġġetti ġodda u jgħid li hemm bżonn aktar faċilitajiet għal ċerti suġġetti bħal ma huma l-PSE, Home Economics, mużika, arti u crafts kif ukoll l-introduzzjoni ta’ l-laboratorji tal-kompjuters, tax-xjenza, tat-teknoloġija eċċ.  Fil-livell primarju illum kull klassi għandha wkoll numru ta’ kompjuters.  Il-Kurrikulu jgħid ukoll li l-iskejjel iridu jkunu ċentri ta’ tagħlim tul il-ħajja fil-kommunita’, li jrid ikollhom faċilitajiet sportivi, u swali għal attivitajiet differenti.  Dawn u aspetti oħra jkomplu jagħmlu pressjoni fuq l-ispazji li għandhom iskejjel. 

Hu għalhekk li l-Gvern iddeċieda li jibda programm intensiv biex fi ftit snin l-iskejjel kollha ta’ l-Istat jiġu modernizzati, biex dawk l-iskejjel li ma jistgħux joffru ambjent tajjeb jingħalqu, u biex jinbnew l-iskejjel ġodda li hemm bżonn.  Il-Pjan Strateġiku fil-fatt jiddetermina liema skejjel se jinbnew ġodda, liema se jingħalqu u x’inhu l-grad ta’ xogħol li għandha bżonn kull skola.  Fil-fatt minbarra l-iskola l-ġdida li diġa’ qed tinbena fil-Karwija, se jinbnew 5 skejjel ġodda oħrajn - erba’ sekondarji u skola primarja.  Hemm ukoll pjanat li jsir: xogħol fuq diversi estensjonijiet għal skejjel eżistenti partikolarment biex ikun hemm faċilitajiet għall-kindergarten; xogħol fuq faċilitajiet sportivi ġodda; xogħol u installazzjoni ta’ apparat biex l-iskejjel ikunu kollha aċċessibbli; xogħol fuq diversi swali għal użu differenti (multi-purpose halls); xogħol fuq is-sigurta’ ta’ l-iskejjel; titjib ta’ l-ispażji miftuħa fl-iskejjel, titjib tal faċilitajiet għall-għalliema u ħafna aktar. 

Fil-ftuħ tas-seminar, il-Ministru Louis Galea faħħar lill-Fondazzjoni għax-xogħol li wettqet s’issa u għall-ħidma fuq dan il-pjan, partikolarment biex isir l-istudju skola skola u biex jiġu determinati l-bżonnijiet b’mod komprensiv.  Hu qal li dan hu pass storiku fl-istorja ta’ l-Edukazzjoni f’Malta.   

Mill-ħidma tal-lum se jgawdu t-tfal Maltin u Għawdxin għall-ħamsin sena li ġejjin.  Hu qal li meta twaqqfet il-Fondazzjoni kellha missjoni ċara, dik li tagħti appoġġ lid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni fil-bini, immodernizzar u manutenzjoni ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat biex dawn isiru “Skejjel ta’ Għada” – skejjel li jipprovdu ambjenti ta’ kwalita’ għat-tagħlim ta’ llum u ta’ għada, kif indikat mill-Kurrikulu Nazzjonali.  Hu qal li l-Pjan Strateġiku għalkemm iħares fit-tul għandhu mibni fiħ flessibilita’ biżżejjed biex ikompli jiżviluppa u jirrispondi għall-ħteġijiet kif jinbdlu tul is-snin.   

Il-Ministru qal li l-Fondazzjoni trid tkompli bil-missjoni tagħha u taħdem mill-viċin ma’ l-awtoritajiet edukattivi tal-pajjiż kif ukoll mat-tmexxija ta’ l-iskola.  Hu qal li l-missjoni tal-Fondazzjoni issa trid tibda taħseb biex tiffoka wkoll ħalli tieħu f’idejjha l-organizazzjoni tal-manutenzjoni ta’ l-iskejjel kollha.  Dan ifisser ristrutturar tal-ħaddiema tal-Gvern li jaħdmu f’dan il-livell. 

Louis Galea temm jgħid li l-Pjan Strateġiku irid ikun pjan nazzjonali, ta’ l-istakeholders kollha fil-qasam edukattiv, u jkun implimentat bl-appoġġ kontinwu tagħhom.  Hu beħsiebu jgħaddi l-informazzjoni kollha lill-Oppożizzjoni biex il-Pjan ikun jista’ jiġi mgħarbel mill-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Parlament qabel il-vaganzi tas-Sajf.  B’hekk il-Fondazzjoni tkun tista tkompli twettaq il-missjoni tagħha, kif kulħadd irid f’pajjiżna, bħala aġent ta’ bidla fil-provvediment ta’ edukazzjoni ta’ kwalita’ għolja, li minnha jibbenefikaw it-tfal, ż-żgħażagħ u l-adulti tal-lum u ta’ għada. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow