INVESTIMENT TA’ LM700,000 MILL-GVERN F’XOGĦOL INFRASTRUTTURALI F’ŻEWĠ ŻONI INDUSTRIJALI
“Irridu nkomplu ntejbu l-ambjent li qed jaħdmu fih is-sidien tan-negozji żgħar u oħrajn li jaħdmu f’żoni ndustrijali li m’humiex proprjetà ta’ l-MDC, illum magħrufa bħala l-“Malta Enterprise”, u għalhekk illum fil-Gazzetta tal-Gvern, qed tiġi ppubblikata sejħa għaż-żewġ offerti (tenders) għal xogħol infrastrutturali li jinkludi bini tat-toroq mill-ġdid, kompluti bis-servizzi ta’ ilma, u dranaġġ.
Fil-Mosta, fiż-żona magħrufa bħala ż-żona ndustrijali ta’ Triq il-Fortizza, il-Gvern qed jinvesti b’LM285,000 f’xogħol infrastrutturali.
F’din iż-żona ndustrijali, bħala parti minn dan il-proġett, diġà tlesta xogħol fuq installazzjoni ta’ dawl ġdid fit-toroq, kif ukoll bil-ħidma tad-Dipartiment tad-Dranaġġ, u issa wkoll bil-ħidma tal-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta’ l-Ilma, qed jitlesta xogħol fuq pompa tad-dranaġġ.
“Fl-Imrieħel, fiż-żona ndustrijali magħrufa bħala ż-żona ta’ wara l-Joinwell, il-Gvern qed jinvesti LM395,000 oħra, f’xogħol ta’ bini ta’ toroq, ħitan, u sistema ta’ lqugħ ta’ l-ilma tax-xita.”
B’hekk f’żewġ żoni ndustrijali, il-Gvern ser ikun qed jinvesti mas-Lm700,000. Din kienet l-aħbar ewlenija li s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo ta meta kien qiegħed jindirizza lill-ġurnalisti, f’Konferenza Stampa li saret fiż-żona ndustrijali fil-Mosta, fil-prezenza tal-Ministru ghat-Trasport u Komunikazzjoni, l-Onor. Ċensu Galea.
Fl-Imrieħel, fil-ġimgħat li għaddew, waqt laqgħat mal-kumitat t’azzjoni mwaqqaf apposta fuq inizjattiva tas-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, kienu għaddejjin diversi konsultazzjonijiet ma’ diversi Awtoritajiet u Dipartimenti Governattivi, sabiex jitwettaq programm ta’ xogħol biex jitjieb l-ambjent ta’ din iż-żona ndustrijali.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ħabbar kif, “fost l-azzjonijiet li diġà ttieħdu, tajjeb insemmu, ix-xogħol ta’ irranġar fuq l-uċuh eżistenti tat-toroq, tindif taż-żona, twaħħil ta’ CCTV cameras, tneħħija ta’ diversi karozzi abbandunati, u l-approvazzjoni għan-nefqa totali ta’ LM12,000, sabiex jiġi nstallat dawl ġdid f’diversi toroq f’din iż-żona ta’ l-Imrieħel, u dan kollu b’riżultat ta’ konsultazzjoni mal-kumitat t’azzjoni magħmul minn imprendituri li jaħdmu fl-istess żona.”
Dan l-investiment kollu qed isir b’deċiżjoni meħuda fl-aħħar Budget fejn il-Gvern alloka fondi, taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarjat responsabbli għas-self employed u negozji żgħar, fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi, sabiex jiggarantixxi li dan l-investiment isir b’risq is-self employedu negozji żgħar.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo irrimarka li din il-ħidma qed issir bl-għajnuna u b’koordinazzjoni mal-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni, flimkien ma’ l-Awtorità dwar it-Trasport Pubbliku (ADT).
Ix-xogħol ta’ infrastruttura li ser ikun qed isir f’dawn iż-żewġ żoni, huwa kontinwazzjoni fil-programm ta’ ħidma favur is-settur tan-negozju, wara li diġà twettaq xogħol simili fiz-żoni ndustrijali fil-Ħandaq, Ħaż-Żebbuġ u l-parti l-oħra ta’ l-Imrieħel.
“F’dawn iż-żoni ndustrijali tal-Mosta u ta’ l-Imrieħel, bħal ma nsibu f’żoni oħra mifruxa madwar Malta u Għawdex, hemm mijiet ta’ mprendituri,u oħrajn li jaħdmu fis-settur ta’ manifattura u servizzi. B’ħidmithom qed jaqilgħu l-għejxien ta’ kuljum u joħolqu mpjiegi ġodda, u għalhekk il-Gvern determinat li jkompli jgħinhom sabiex filwaqt li n-negozju tagħhom ikun aktar u aktar sostenibbli, nkomplu noħolqu mpjiegi ġodda.
“Nemmnu f’dawk kollha li jaħdmu fis-settur tan-negozji ż-żgħar. Irridu nkomplu ninvestu fl-imprenditorija. It-titjib fl-ambjent ta’ fejn jaħdmu dawn is-sidien tan-negozju, il-Gvern ser jibqa’ jagħtih prijorità. Fl-istess waqt li titkompla l-hidma kontra l-burokrazija żejda, jien determinat li nibqa’ noffri kull għajnuna lil sħabi fin-negozju sabiex inkomplu nagħtu kontribut fl-iżvilupp ta’ l-ekonomija ta’ pajjiżna, issa li qed ikompli joqrob iż-żmien li n-nies fin-negozju f’Malta ser ikunu qed jaħdmu f’suq akbar u aktar kompetittiv, li hu s-Suq Ewropew.” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en