JITĦABBAR IL-PROGRAMM SĦIĦ TA’ ATTIVITAJIET FL-OKKAŻJONI TAD-DĦUL TA’ MALTA FL-UNJONI EWROPEA
Il-Gvern illum ħabbar il-programm sħiħ t’attivitajiet li ser jittellgħu bejn is-16 t’April u d-9 ta’ Mejju biex jitfakkar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004.
Waqt konferenza ta' l-aħbarijiet, il-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li l-programm t’attivitajiet ser jiċċelebra l-importanza ta’ dan il-pass storiku li ser jieħu pajjiżna fl-1 ta’ Mejju. Hu qal li l-24 ġurnata tal-programm ser ikunu miżgħuda b’attivitajiet varji li jinkludu esibizzjonijiet, kunċerti, festivals u performances minn bosta artisti Maltin mill-oqsma tal-kant, żfin u mużika. Dawn ser jiżdiedu mal-attivitajiet għas-16 t’April, it-30 t’April u d-9 ta’ Mejju li diġà tħabbru aktar kmieni.
“L-importanza ta’ dan l-avveniment madanakollu kienet titlob li jittella' programm sħiħ ta’ attivitajiet li ser jieħu l-forma ta’ mini arts festival li l-qofol tiegħu tkun l-identità u l-kultura tal-poplu Malti, kif ukoll l-identità u l-kulturi tal-pajjiżi li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea,” qal il-Ministru Mugliett.
Ewlenin fost dawn l-attivitajiet hemm dak li ser jissejjaħ "European Village". Dan ser jittella' bejn it-2 ta’ Mejju u t-8 ta’ Mejju f’Bieb il-Belt u ser jieħu l-forma ta’ fiera b’rappreżentanza minn 14 pajjiż membru ta’ l-Unjoni, pajjiż applikant u ħames entitajiet oħrajn. Il-pajjiżi li ser ikunu qed jipparteċipaw fil-European Village ser jibgħatu wkoll artisti f’Malta biex jipparteċipaw fil-programm t’attivitajiet. Hemm il-hsieb ukoll li l-attivitajiet imtellghin mill-partecipanti ta' dawn l-14-il pajjiz, jigu mifruxa f'diversi lokalitajiet f'Malta u Ghawdex. Ghal dan il-ghan ser isir appell lill-Kunsilli Lokali kollha sabiex isiru thejjijiet biex dawn il-partecipanti jigu milqugha fil-lokalitajiet rispettivi taghhom.
Il-Ministru Mugliett qal li l-parti l-kbira tal-bqija tal-attivitajiet ser iservu ta’ vetrina għat-talent Malti. Hu żied jgħid li filwaqt li qed jintegra fih attivitajiet stabbiliti bħall-Festival ta’ l-Għana u l-Fireworks Festival, ser jittellgħu ukoll kunċerti li ser jaraw il-parteċipazzjoni ta’ artisti ta’ fama internazzjonali Maltin bħal Joseph Calleja.
Il-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura kompla jgħid li dawn l-attivitajiet qed iqajjmu interess kbir fost l-artisti Maltin. Hu qal li dan jidher speċjalment minn kemm nies u organizzazzjonijiet li kkuntattjaw lill-Ministeru biex jaraw kif jistgħu jieħdu sehem. Hu semma wkoll li f’dan il-programm hemm bosta attivitajiet li qed jittellgħu mill-privat bl-għajnuna tal-Ministeru.
“Il-programm li qed nippreżentaw illum jinkludi fiħ firxa ta’ ġeneri ta’ arti u attivitajiet oħra bħal funzjonijiet reliġjuzi, manifestazzjonijiet letterarji, esibizzjonijiet sportivi, attivitajiet għaż-Żgħażagħ. Barra minn hekk ippruvanjna inferrxu l-attivitajiet kemm jista’ jkun ma’ Malta u Għawdex. L-għan tagħna kien li l-programm jolqot lil kulħadd b’xi mod jew ieħor,” kompla jgħid il-Ministru Mugliett.
Hu qal ukoll li l-attivitajiet huma immirati biex jiġbdu l-parteċipazzjoni mill-pubbliku kollu. Il-parteċipazzjoni fil-parti l-kbira tal-attivitajiet tkun b’xejn, filwaqt li għal xi wħud ser jintalab ħlas nominali. Il-Ministru qal ukoll li inkisbu bosta sponsors mis-settur privat li qed ikunu ta’ għajnuna siewja biex jittellgħu l-attivitajiet.
Intant, il-website uffiċċjali tal-programm t’attivitajiet biex jitfakkar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea qed tkun aġġornata kontinwament bl-aħħar dettalji dwar dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. L-indirizz tal-website huwa www.malta-celebrates-eu.com
“Aħna konxji ukoll minn dak li qed jorganizzaw pajjiżi oħra li ser jidħlu u konvinti li Malta ser ikollha programm li jagħti ġieħ u jħabbatha sew ma dawk tal-pajjiżi l-oħra. Tant hu hekk li tlieta mill-attivitajiet f’dan il-programm ser jingħataw coverage minn stazzjonijiet tat-televiżjoni internazzjonali,” żied jgħid il-Ministru Mugliett.
L-esibizzjonijiet, wirjiet, attivitajiet li ser ikun hawn huma intenzjonati wkoll biex jiġġeneneraw dibattitu dwar l-identità tagħna, li huwa suġġett topiku ħafna.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en