Left arrow Go Back

IT-TAGĦLIM TAL-MALTI FL-ISKEJJEL

PR370
Date Icon 17/03/2004

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea, illum nieda l-proċess ta’ diskussjoni u analiżi dwar it-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel tagħna. Dan huwa parti minn proċess li beda f’Novembru li ghadda, ta’ analiżi kritika tat-tagħlim u r-riżultati tas-suġġetti mgħallma fl-iskejjel. “L-iskop hu li jsir magħruf aħjar fejn sejrin tajjeb, fejn ħażin, u x’jeħtieġ isir biex insaħħu l-ħiliet tal-Maltin fis-suġġett”, tenna Louis Galea.

Fis-seminar, li sar fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, ħadu sehem Uffiċjali Edukattivi mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, rappreżentanti mill-Fakultajiet ta’ l-Arti u l-Edukazzjoni ta’ l-Università ta’ Malta, mill-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti, u rappreżentanti ta’ l-għaqdiet tal-Malti. Is-seminar iddiskuta l-proċess ta’ analiżi kritika dwar it-tagħlim tal-Malti f’pajjiżna.

Il-Ministru Galea emfasizza l-bżonn li niffukaw fuq kull suġġett u li nipprovdu forum fejn dawk li għandhom x’jaqsmu jimpenjaw ruħhom biex intejjbu il-kwalità tat-tagħlim u l-istandard tal-Malti miktub u mitkellem. Fil-jiem li ġejjin se ssir ukoll l-ewwel konferenza nazzjonali dwar it-tagħlim ta’ l-Ingliż.

Il-Ministru Galea sostna li r-relazzjonijiet tal-għalliema u l-esperti huma nkoraġġanti għall-aħħar. “Qed nikkonfermaw kemm hu importanti li nagħtu ħarsa analitika lejn il-mod kif qed ngħallmu u l-metodi li qed nużaw”, qal il-Ministru Galea. “Issa importanti li nfasslu rakkomandazzjonijiet tajbin biex f’kull suġġett ikollna strateġiji u Pjan Nazzjonali li mhux biss ixxejjen l-illitteriżmu, iżda tassigura kwalità u riżultati tajbin fit-tagħlim tas-suġġett.”

Il-Ministru Louis Galea qal li b’din il-laqgħa tal-lum beda l-proċess biex nibdew niddiskutu it-tagħlim tal-Malti, suġġett tant importanti, u nibdew nippreparaw ukoll għall-konferenza nazzjonali dwaru. Fis-seminar saru preżentazzjonijiet minn uffiċjali tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni li fissru ħsibijiethom dwar il-qagħda tat-tagħlim tal-Malti f’pajjiżna. Minn dawk li jagħmlu l-eżami tal-Malti, sew fil-livell ta’ l-eżami għall-iskola sekondarja, dak tal-Junior Lyceum, l-eżami komuni ta’ l-skejjel tal-Knisja, kif ukoll l-eżamijiet ta’ l-‘O’ Level u l-‘A’ Level, il-maġġoranza kbira ħafna jgħaddu. Il-każ ta’ l-eżami għal-livell sekondarji, 90% jgħaddu mill-eżami tal-Malti. Fir-rigward ta’ livell ‘O’ Level jgħaddu 75% mill-Junior Lyceums u 20% mill-iskejjel sekondarji. Iċ-ċifra tinżel jekk teħodha fuq il-grupp kollu tal-popolazzjoni ntitolata li tagħmel dawn l-eżamijiet u mhux biss fuq l-applikanti. Per eżempju fil-każ tal-popolazzjoni tal-Junior Lyceum jgħaddu 93% ta’ dawk li jagħmlu l-eżami, però 60% tal-popolazzjoni.

Il-Ministru Galea irrefera għad-diskussjoni fil-Parlament bħalissa dwar il-liġi ta’ l-Ilsien Malti. Huwa mportanti li mhux biss nippromwovu l-ilsien nazzjonali tagħna, imma rridu naraw ukoll liema hi l-għodda li se twassal għat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-lingwa Maltija.

Il-Ministru Galea wera l-apprezzament tiegħu għad-dedikazzjoni ta’ dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tat-tagħlim tal-Malti u qal li huwa fiduċjuż li f’ambjent ta’ diskussjoni u riflessjoni lkoll flimkien kapaċi nwasslu tagħlim ta’ kwalità tajba lit-tfal Maltin u Għawdxin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow