NAĦSDU L-FROTT TA’ L-EKONOMIJA L-ĠDIDA
"Qatt daqs illum ma konna f’pożizzjoni daqstant tajba li naħsdu l-frott mill-ekonomija dinjija. Hekk kif qed ngħixu t-tielet rivoluzzjoni ta’ l-umanita’, l-bniedem, l-intelliġenza tiegħu, l-għerf li għandu u l-kapaċita’ li juża moħħu, saru l-mezz kif individwu u l-pajjiż jiksbu l-ġid u jimxu ‘l quddiem. Għaldaqstant iktar minn qatt qabel, kulħadd irid jara kif se jkompli jinvesti fih innifsu, mhux biss meta jkun fl-eta’ ta’ l-edukazzjoni obbligatorja iżda f’livelli għola u tul il-ħajja kollha. Irridu wkoll inkunu flessibbli kemm jista` jkun għax id-dinja tax-xogħol saret tant dinamika u l-bidliet iseħħu b’tant għaġġla, li lkoll irridu nkunu lesti li nbiddlu x-xogħol u karrieri tagħna tul ħajjitna".
Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni l-Onor. Louis Galea fl-ftuħ ta’ seminar li kien organizzat mill-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ ta’ l-MCAST għall-istudenti li qed isegwu korsijiet li għandhom x’jaqsmu mas-segreterija u l-amministrazzjoni.
Is-Seminar hu maħsub li joffri lill-istudenti l-opportunita’ biex jiltaqgħu ma persuni mid-dinja tax-xogħol u li għandhom esperjenza fil-qasam ta’ l-amministrazzjoni. Is-seminar għandhu wkoll l-iskop li jwassal il-messaġġ li l-edukazzjoni u t-taħriġ ikompli tul il-ħajja u li anke meta l-istudenti jidħlu fid-dinja tax-xogħol għandhom ikomplu jfittxu u jattendu korsijiet, seminars u taħriġ ieħor li jkomplu jiffurmawhom u jaġġornawhom tul il-ħajja.
Il-Ministru qal li l-MCAST qed jiżviluppa f’istituzzjoni edukattiva ta’ l-għola kwalita’ u li għalkemm għadu fl-infanzja tiegħu qed joffri korsijiet u ċertifikazzjoni ta’ kwalita’ u triq alternattiva għall-Universita’. Hu tenna li l-Kulleġġ irid ikun istituzzjoni edukattiva ta’ dawn iż-żminijiet – istituzzjoni flessibbli li tirrikonoxxi l-bidliet li jkunu qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol u li l-ħin kollu tinbidel biex toffri edukazzjoni rilevanti u ta’ kwalita’.
Il-Ministru qal li qed ngħixu f’ ‘Knowledge Society’, soċjeta’ mibnija fuq l-għerf, l-edukazzjoni u t-tagħlim u għalhekk l-ekonomija tagħna hi ukoll ‘Knowledge Economy’ - ekonomija fejn il-prosperita’ ma tiddependix fuq kemm il-pajjiż hu kbir jew kemm għandu riżorsi u minerali, imma fuq kemm il-poplu hu kapaċi jħaddem moħħu. Il-Ministru qal li l-bidliet qed iseħħu b’mod mgħaġġel u jekk m’aħniex se nkomplu nitgħallmu tul il-ħajja mhux se nkunu kapaċi nibqgħu effettivi u kompettitivi biex naħsdu l-opportunitajiet li għandna quddiemna.
Louis Galea semma l-investiment massiv li l-Gvern preżenti għamel fit- telekomunikazzjoni u fit-teknoloġija, partikolarment fil-qasam edukattiv. Hu tenna li llum il-poplu Malti għandu quddiemu diversi għodod u opportunitajiet. "Jeħtieġ li issa kull Malti u Għawdxi jagħraf x’inhuma l-obbligi tiegħu u jidħol għalihom b’impenn. Jeħtieġ ninkoraġixxu u nagħtu servizz sħiħ lill-klijent, lit-turist, lill-imprenditur, lill-pazjent, lill-istudent, lill-passiġġierr, eċċ. Meta s-servizz ikun ħażin, il-klijent imur x’imkien ieħor u nitilfu x-xogħol. Il-futur jiddependi minn kemm ser ngħollu l-kwalita’ f’kollox u malajr", temm jgħid il-Ministru Louis Galea.R
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en