IL-KONSUMATUR GĦANDU JKUN DEJJEM MGĦARRAF BID-DRITTIJIET U D-DMIRIJIET LI GĦANDU
“Id-Divizjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta minn dejjem ħadmet biex taqdi lill-konsumaturi, u mil-lum qed jiġi offrut servizz ġdid. Fil-fatt, fil-kumpless ta’ l-Embassy, il-Belt, se jkun hemm uffiċċju għal dawk il-konsumaturi li għandhom xi lmenti x’jagħmlu. Dan l-uffiċċju se jkun immexxi minn uffiċjal ta’ l-Embassy, b’kollaborazzjoni diretta mad-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo waqt attivita’ li saret għal Jum Dinji tal-Konsumatur.
Il-kumpless ta’ l-Embassy ilu jopera tliet snin u f’dan il-kumpless wiehed isib kemm ħwienet, kif ukoll żoni ta’ divertiment u l-ikel. Bil-ftuħ ta’ uffiċċju ta’ l-ilmenti, klijenti ta’ dan il-kumpless ikunu jistgħu jagħmlu l-ilmenti tagħhom f’uffiċċju fil-kumpless stess.
Dan l-uffiċċju, li jinsab fit-tieni sular (taħt l-art), se jkun miftuħ bejn it-8.30 ta’ filgħodu u l-5.30 ta’ fil-għaxija. Il-klijenti jistgħu jagħmlu l-ilmenti tagħhom, u minn hemm dawn l-ilmenti se jintbagħtu lid-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta kif ukoll lil Dipartimenti governattivi oħra. Il-klijenti jistgħu wkoll jiġbru fuljetti bl-informazzjoni dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-konsumaturi li ġew imħejjija mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta. Dawn il-fuljetti għandhom informazzjoni dwar il-liġijiet li jolqtu lill-konsumaturi.
“Ix-xogħol li sar u li qed isir mill-Kumpless ta’ l-Embassy huwa siewi ħafna, u din it-tip ta’ kollaborazzjoni bejn id-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta ser issir mhux biss ma’ l-Embassy iżda wkoll ma’ ċentri oħra ta’ xiri, bil-għan li dawn it-tip ta’ uffiċċji ta’ informazzjoni jkunu preżenti fiċ-ċentri kollha tax-xiri, kif ukoll fis-supermarkets.”
Is-Segretarju Parlamentari tkellem fuq l-impenn favur it-tixrid ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur. Ta’ kull sena, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta tirċievi numru ta’ ilmenti. Numru kbir minn dawn l-ilmenti jiġu solvuti mill-uffiċċju stess, oħrajn jintbagħtu lit-Tribunal tal-Konsumatur.
Is-Segretarju Parlamentari Vassallo ta statistika dwar ilmenti li waslu l-Uffiċċju tal-Konsumatur. B’kollox, fis-sena 2003 daħlu total ta’ 1277. Kien hemm ukoll 98 każ mhux solvuti mis-sena ta’ qabel, li ġew proċessati mal-każijiet li daħlu ġodda. Minn dawn, 485 ġew solvuti bil-medjazzjoni tad-Diviżjoni, 266 każ ġew irtirati u 529 intbagħatu t-Tribunal tal-Konsumatur. 95 każ għadhom pendenti. Is-Segretarju Parlamentari ta d-dettalji ta’ kif inhuma mqassmin dawn il-każijiet skond it-tip ta’ prodott li kien hemm ilment fuqu.
L-Onor. Edwin Vassallo tkellem ukoll fuq il-Kunsill tal-Konsumatur li l-membri tiegħu ngħataw l-ittri tal-ħatra l-ġimgħa l-oħra u qal li fil-fatt, dan il-Kunsill għandu jieħu sehem b’mod parteċipattiv fil-proċess ta’ konsultazzjoni fil-ħidma sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-konsumaturi filwaqt li d-Diviżjoni tal-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta tibqa’ responsabbli għall-evalwazzjoni ta’ l-effiċjenza ta’ l-istess Diviżjoni.
Is-Segretarju Parlamentari temm jghid illi għalkemm illum huwa l-Jum Dinji tal-Konsumatur, id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumaturi jridu jiġu mħarsa s-sena kollha u mhux ġurnata waħda biss. Għalhekk, huwa mportanti li kulhadd ikun jaf x’inhuma dawn id-drittijiet, u dan qiegħed isir permezz ta’ informazzjoni li kontinwament qed tingħata lill-konsumaturi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en