MALTA FUS TAD-DJALOGU FIL-MEDITERRAN
L-Universita’ ta’ Malta ingħatat madwar € 500,000 biex tkun tista toħloq ‘network’ tematiku (thematic Network) li jinvolvi l-pajjiżi kollha tal-UE, pajjizi mill-Mediterran u pajjiżi ġirien. Mill-Universitajiet kollha ta’ l-UE, hemm 52 universita’ li tmexxi xi ‘network’ tematiku u l-Universita’ hi waħda minn dawn l-universitajiet. L-Universita’ hi ukoll involuta fi 42 minn dawn in-‘networks’.
In-‘Network’ tematiku li qed tmexxi l-Universita’ ta’ Malta hi daqsxejn differenti minn oħrajn peress li mhix ristretta biss għal istituzzjonijiet akkademiċi biss, iżda hi miftuħa wkoll għall-kommunita’ bl-involviment ta’ l-imsieħba soċjali.
It-tema magħżula għal dan in-network hi d-djalogu bejn il-pajjiżi tal-mediterran u pajjiżi fix-xlokk ta’ l-Ewropa. In-network se jkun qed jiffoka fuq seba’ oqsma li jinkludu:
1. Storja, Arkeoloġija, kultura u wirt kulturali, tradizzjonijiet u lingwi
2. Kwalita’ tal-ħajja, protezzjoni ta’ l-ambjent, turiżmu, saħħa, ekoturiżmu u żvilupp sostenibbli.
3. Liġi, leġislazzjoni fil-qasam turistiku, ambjent u kwalita’ tal-ħajja.
4. Kompetizzjoni u suq ħieles: l-impatt tat-trasport, l-enerġija u l-politika fiskali u ta’ self.
5. Żvilupp u użu ġdid ta’ prodotti tipiċi; żvilupp lokali u l-globalizzazjoni.
6. Ix-xlokk, politika dwar internazzjonalizzazjoni ta’ l-UE; Jean Monnet network-research, riżorsi u sħubija ta’ “I Mediterranei”
7. Informazzjoni, Statistiċi, Komunikazzjoni u Teknoloġija.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea inawgura dan in-network f’laqgħa li saret mill-Universita’ ta’ Malta għal dawk kollha li se jkunu qed jipparteċipaw f’dan in-network. Fid-diskors tiegħu il-Ministru tkellem dwar l-irwol ġdid u importanti li Malta għandha issa bħala l-pajjiż li sar il-fruntiera l-ġdida fin-nofsinhar ta’ l-Ewropa. Hu qal li pajjiżna irid ikun il-fus tad-djalogu fir-reġjun u jinseġ xibka ta’ komunikazzjoni u kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi tal-mediterran u ta’ l-Ewropa. Il-Ministru qal li s-solidarjeta’ trid tibqa l-prinċipju ewlieni biex niksbu bilanċ soċjali ibbażat fuq il-parteċipazzjoni u mhux fuq il-konflitt u l-vjolenza. Irid ikun il-prinċipju tal-kooperazjoni internazzjonali li jwassalna biex niksbu l-paċi fid-dinja, biex b’hekk nitbegħdu minn kultura ta’ sopravvivenza u nersqu aktar lejn kultura ta’ parteċipazzjoni u paċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en