RISPOSTA TAL-GVERN GĦALL-PROPOSTI TAL-GRTU DWAR IL-LIĠI TAT-TIPJIP
Il-Ministru tas-Saħħa dalgħodu ltaqa’ mal-GRTU u għaddielha r-risposta tal-gvern għall-proposti li għamlet hi, f’laqgħa li saret fit-3 ta’ Marzu.
L-ewwelnett il-Ministru jrid jagħmilha ċara li għall-gvern din hi purament kwistjoni ta’ saħħa u mhux waħda ta’ negozju. Il-gvern hu fl-obbligu li jħares is-saħħa pubblika u hu dan l-obbligu li qiegħed iwassal lill-gvern jagħmel dawn ir-regolamenti dwar it-tipjip fil-pubbliku. Irid jingħad ukoll li l-gvern b’dawn ir-regolamenti bl-ebda mod mhu qed jaqta’ t-tipjip totalment kif xi wħud qegħdin jagħtu l-poplu x’jifhem.
Il-gvern wara li kkonsidra l-proposti tal-G.R.T.U., lest li jagħti xi konċessjonijiet temporanji u għalhekk qegħdin jitħejjew xi emendi fil-liġi. Pero` il-gvern mhux lest li jirtira dawn ir-regolamenti, li hu jħoss li huma ta’ ġid ghal saħħet il-poplu, li fil-maġġoranza kbira tieghu hu favur dawn ir-regolamenti.
Il-gvern ser jagħti sitt xhur żmien fuq il-5 ta’ April, 2004, biex ir-ristoranti u bars ta’ ’l fuq minn 60 metru kwadru jieħdu dawk il-miżuri neċessarji biex ikunu jistgħu jikkonformaw mal-liġi.
Dawk l-istabilimenti ta’ anqas minn 60 metru kwadru, se jingħataw sena żmien biex iwaħħlu apparat għall-purifikazzjoni ta’ l-arja, skond kriterji kif stabbiliti mill-Malta Standards Authority. Postijiet oħra li jidhru fuq l-iskeda annessa ma’ l-Avviż 244 dwar it-tipjip jibqgħu suġġetti għar-regolamenti l-ġodda mill-5 ta’ April li ġej.
Kuntrarjament għal dak li pproponiet il-GRTU, il-gvern qatt mhu se jaċċetta li jħalli f’idejn is-sid li jiddeċiedi hu jekk l-istabbiliment ikunx smoke free jew le. Is-sid jew min inkarigat mit-tmexxija ta’ l-istabiliment hu fl-obbligu li jgħarraf lill-pubbliku bil-miżuri li jkunu japplikaw taħt ir-regolamenti fl-istabiliment tiegħu.
Mhix l-intenzjoni tal-gvern li jhedded lis-sidien tal-ħwienet u postijiet tad-divertiment bit-telf tal-liċenzja tan-negozju, kif qed issostni l-GRTU. F’pajjiż fejn tirrenja l-ordni, kulħadd hu obbligat li josserva l-liġijiet tal-pajjiż inkluz il-proprjetarji ta’ stabbilimenti li huma ċittadini bl-istess obbligi daqs ċittadini oħra. Hadd m’għandu konvenjentement jinterpreta l-provedimenti tal-liġi bħala theddid, imma bħala deterrent biex tkun osservata l-liġi.
Fir-rakkomandazzjonijiet tagħha, l-GRTU għoġobha torbot dawn ir-regolamenti mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Il-GRTU trid li l-impjegati ma’ jkollomx id-dritt li jirrifjutaw li jaħdmu f’ambjent kontaminat mit-tipjip. Dan huwa xi ftit stramb meta tqis li r-regolamenti ġodda jfissru titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, għax iħarsu saħħet il-ħaddiema. Ta’ min jinnota li kemm il-GWU kif ukoll il-UĦM huma favur id-dritt li l-ħaddiema fis-settur tad-divertiment jaħdmu f’ambjent san. Hu żbaljat li tinterpreta dawn il-miżuri bħala tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif qed tagħmel il-GRTU.
Il-Ministru jappella biex kulħadd jifhem il-għan veru ta’ dawn ir-regolamenti. Għall-gvern, is-saħħa tal-poplu tiġi qabel kull interess ieħor.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en