APPREZZAMENT GĦALL-ĦIDMA TA’ L-GĦAQDIET VOLONTARJI AMBJENTALI
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jixtieq għal darb’oħra jirriafferma l-apprezzament tal-Gvern għall-ħidma volontarja li ssir mill-għaqdiet ambjentali u dan hu kkonfermat mill-flus li jingħataw lill-għaqdiet għall-immaniġġjar ta’ riservi u siti oħra ta’ importanza ambjentali.
Dan l-apprezzament jistgħu jikkonfermawh l-istess għaqdiet ambjentali, li qed jingħataw spazju dejjem akbar u qed ikunu nvoluti fi proġetti bi sħab mal-Gvern.
Madankollu, il-Ministeru mhux dispost li jaċċetta kritika bħalma saret minn xi għaqdiet ambjentali, wara l-inċident deplorabbli tal-qtil tal-palettuni fl-Għadira.
Il-fatti huma li l-Gvern qed iħallas il-pagi għal erba’ gwardjani u spettur ambjentali, kemm għar-riserva ta’ l-Għadira, kif ukoll erba’ gwardjani oħra u spettur ambjentali għal dik tas-Simar. Il-Ministeru jiċħad li sar xi attakk fuq il-Birdlife (Malta), iżda b’reazzjoni għall-kummenti li għamel il-President tal-Birdlife, il-Gvern semma bl-aktar mod ċar l-għajnuna diretta li qed tingħata lill-Birdlife għat-tmexxija tar-riservi fl-Għadira u dik tas-Simar, xi ħaġa li l-President tal-Birdlife (Malta) naqas milli jsemmi.
Il-Ministeru kkummenta wkoll fuq dak li qalet il-Birdlife (Malta) li l-Gvern għad fadallu jagħti Lm10,000. Il-kummenti tal-Ministeru saru biss biex ikun spjegat għalfejn kienu għadhom ma tħallsux dawn il-flus. Il-ħarsien tar-regolamenti finanzjarji mhuwiex xi kapriċċ ta’ dan il-Ministeru, iżda jassigura serjeta’ u trasparenza fl-immaniġġjar ta’ fondi pubbliċi. Mhux ġust li l-Gvern jispiċċa jeħel b’kollox, anke meta r-responsabbilta’ tat-tmexxija hija ta’ ħaddieħor u l-Gvern ikun qed jgħin biex dan iseħħ.
Il-Ministeru se jkompli jfittex is-sehem tal-għaqdiet ambjentali biex jirnexxi f’dan il-għan u l-awgurju hu li nkomplu nsaħħu l-koperazzjoni magħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en