IL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN IWIEGEB GHALL-ALLEGAZZJONIJIET LI GHAMLET L-ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO
B’referenza għad-diskors ta’ l-Onor. Marie Louise Coleiro fl-Aġġornament tat-Tnejn 7 ta’ Marzu 2004 rigward allegata mġieba ħażina ta’ xi membri tal-Korp tal-Pulizija, il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jixtieq jgħid dan li ġej:
Fit-3 ta’ Frar 2004, l-istess Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, fil-Parlament kien wieġeb għall-ewwel diskors ta’ l-Onor. Coleiro tad-29 ta’ Jannar 2004 dwar il-każ imqajjem mill-istess Onor. Coleiro. Huwa kien qal li l-Pulizija kienet għamlet investigazzjoni qabel ma’ l-każ tqajjem mill-Onor. Coleiro, liema’ investigazzjoni ma wasslet għal ebda riżultat li jindika li xi pulizija kkommettew reat fuq il-provi li nġiebu. Dawn l-allegazzjonijiet kienu saru minn persuni nvestigati dwar reati serji. Minkejja dan, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Tonio Borg kien qal ukoll :
"jekk hemm xi provi oħra jew xi ħjiel ieħor li għadhom ma ġewx fil-pussess tal-pulizija, nistieden lil min għamel dawn l-allegazzjonijiiet biex jgħaddi din l-informazzjoni lili privatament jew pubblikament jew inkella jgħaddiha lill-Kummissarju tal-Pulizija."
Minkejja li għadda xahar minn din l-istedina, l-Onor. Coleiro, flok għaddiet xi informazzjoni li seta’ kellha, reġgħet irrepetiet l-allegazzjoni u qalet li ħadd ma kkomunika magħha. Jidher li l-istess Onor. Coleiro ma ndunatx li l-Ministru kien wieġeb fl-Aġġornament ħamest ijiem wara.
Il-bieraħ 9 ta’ Marzu 2004, il-Kummissarju tal-Pulizija ikkommunika ma’ l-Onor. Coleiro sabiex tgħaddi kull informazzjoni li seta’ kellha, iżda dan sal-lum, hi għadha m’għamlitux.
Kif dejjem għamel fl-imgħoddi, il-Korp tal-Pulizija jieħu passi bla distinzjoni kontra membri tiegħu li jistgħu jabbużaw; il-Gvern ukoll waqqaf Bord presedut minn ex-Imħallef sabiex jinvestiga b’mod indipendenti kull allegazzjoni kontra xi membri ta’ l-istess Korp.
Fi kwistjonijiet bħal dawn, Deputat li jixtieq il-ġid u l-interess komuni, meta jkollu informazzjoni li tista’ tgħin f’xi investigazzjoni, għandu jgħaddiha lill-Pulizija; biex ma jiġix akkużat li qed jilgħab xi logħba politika.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en