DISKORS MILL-E.T. PROF. GUIDO de MARCO, PRESIDENT TA’ MALTA, WAQT ĊENA MOGĦTIJA AD UNUR TIEGĦU MILL-PRIM MINISTRU – BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – 09 MARZU 2004
Onorevoli Prim Ministru, Sinjura Fenech Adami, Sur Prim Imħallef u s-Sinjura De Gaetano, Sur President tal-Kamra tad-Deputati u s-Sinjura Tabone, Onorevoli Kap ta’ l-Oppożizzjoni, Eċċellenzi, Sinjuri, Sinjuri Ministri, hawn kulħadd preżenti.
Kont qed ngħid lill-Prim Ministru, li ilni ħames snin ma nidħol hawn ġew. Meta spiċċajt mill-Cabinet, l-aħħar seduta tal-Cabinet; u ltqajna hawnhekk, kien mument illi rriżenjajt mill-Cabinet, minnMinistru.
Għalija l-aktar biċċa li weġġajt, għaliex tinqata’ mill-Kamra tad-Deputati li jiena tant ħabbejt f’ħajti, hija, għalija kien ‘strap’, diffiċli. Imbagħad tibda l-ħajja ta’ President. Kienet ħajja u hi ħajja fejn trid tirbaħ dejjem lilek innifsek, biex tkun dejjem President tal-Maltin kollha. President illi tgħaqqad il-pajjiż. President illi temmen fil-ħajja demokratika ta’ l-opinjonijiet differenti fil-pajjiż. Kif id-demokrazija tagħti s-saħħa lill-pajjiżna. Imma trid li minn dis-saħħa tad-demokrazija jfisser id-dibattitu, id-djalogu, u d-deċiżjoni li mbagħad tiġi rispettata minn kulħadd. U jekk għaddejna minnżminijiet interessanti, naħseb illi kulħadd ħareġ mill-aħħar provi li għaddejna minnhom bil-konvinċiment illi d-demokrazija f’Malta hija demokrazija b’saħħitha u prinċipalment dan huwa dovut lill-partiti politiċi Maltin, illi għarfu jirrikonoxxu dejjem is-supremazija tal-volontà tal-poplu.
U ta’ dan jien irrid ngħid grazzi lill-kapijiet tal-partiti politiċi hawn Malta ; lilek Onorevoli Prim Ministru, lilek Onorevoli Kap ta’ l-Oppożizzjoni u l-membri kollha tal-Parlament illi taw eżempju ċar lejn ir-rispett, lejn il-volontà tal-poplu.
Jiena kelli l-vantaġġ illi għext ħafna viċin il-Presidenti kollha ta’ qabli. Minn Sir Anthony Mamo, illi kien il-professur tiegħi l-Università u tieghek Sur Prim Ministru, imbagħad wara ma’ Sir Anthony, naturalment nafuh għall-korrettezza tiegħu, għall-istil tiegħu, għas-sinjorilità tiegħu.
Dr Anton Buttigieg għall-entużjażmu tiegħu, għall-mod kif huwa kien iħares b’ħerqa lejn il-funzjoni tiegħu.
Għal Agatha Barbara li f’mument ħafna diffiċli għad-demokrazija, kienet ċertament, jiena sibtha persuna, interlokutur importanti ħafna f’ħajjitna. Sinċerament irrid ngħid illi Agatha Barbara fiż-żmien li jiena kont qed niddiskuti ħafna magħha ċertu tibdiliet li kienu qed isiru, sibna fiha, il-Prim Ministru jaf ukoll, interlokutur importanti għas-soluzzjonijiet ta’ diversi kriżijiet li konna għaddejjin minnhom.
Niftakar ukoll meta kien se jsir Aġent President Pawlu Xuereb. Jiena u Dr Fenech Adami konna, niftakar, morna nitkellmu l-House of the Four Winds, u ħareġ bl-isem ta’ Pawlu Xuereb, dakinhar kien Speaker tal-Parlament. Niftakar, aħna għidna Pawlu Xuereb kien bniedem mill-aktar serju li kellna fil-parlament u għidna żgur li ngħidu iva. U Pawlu Xuereb ma tantx kien jaf bl-istorja li kienet qegħda tiġri. Niftakar mort fejnhu. Jien inħobb naqsam il-kamra l-ħin kollu, minn banda ghal ohra, għax kien ikolli ħbieb iż-żewġ naħat kostantement. U mort fuq Pawlu Xuereb, li ma riedx jemmen għal mument dak li konna qegħdin ngħidulu. Pawlu Xuereb fil-perjodu ta’ transizzjoni qeda dmiru b’mod mill-aktar eżemplari.
Imbagħad naturalment kellna ħabib ta’ tant snin li aħna ngħożżu l-ħbiberija tiegħu dejjem li huwa Ċensu Tabone. Ċertament Ċensu Tabone ta eżempju ta’ kif ikun President popolari u President ben aċċettat.
Imbagħad kellna lil Ugo Mifsud Bonniċi, li jiena u Ugo ilna flimkien kif għidna dakinhar, madwar ħamsin sena flimkien. Immaġina xi tfisser ħbiberija li ddum daqshekk snin, mill-Università l-ħin kollu flimkien. Però Sur Prim Ministru, miegħek aktar, għaliex kif fakkartni int aħna konna San Alwiġi. Jiena kont sentejn qablek. L-aktar li kelli miegħi kien lil ħu Dr Fenech Adami, Joseph Fenech Adami, konna flimkien. U jiena u l-Prim Ministru ilna ħbieb minn meta konna San Alwiġi. Immaġina xi tfisser ħbiberija ta’ dan it-tul kollu ta’ żmien. Tkun għaddejt voldieri ħajtek. Minn meta jkollok tnax-il sena, bejn wieħed u ieħor, dejjem taf il-bniedem illi tant kellna naħdmu ħajja flimkien, sitwazzjoni issa diffiċli, issa ta’ ferħ, issa ta’ inkwiet, issa ta’ sitwazzjonijiet illi tara x’inhuma, issa tegħleb diffikultajiet, issa ssib diffikultajiet li ma tkunx ipprevedejthom.
Però fit-tul, naħseb Sur Prim Ministru, kienu żmien ta’ sfida imma żmien illi naħseb ilkoll kbirna, b’konvinċiment importanti: kemm hu essenzjali li dan pajjiżna jibqa’ magħqud. Kemm hu essenzjali li pajjiżna jkollu ideali komuni. Kemm hu importanti li pajjiżna fid-diversità ta’ l-opinjonijiet, kemm għandu affarijiet fondamentali li jgħaqqduh. Jien naħseb illi hawnhekk, kulħadd kemm aħna, emminna ħafna f’dan il-poplu tagħna. Emminna ħafna fil-futur ta’ Malta . Emminna ħafna fid-destin ta’ Malta .
Il-kariga ta’ President titlob distakk sħiħ mill-politika tal-partiti politiċi. Għal min bħali ġej minn ħajja f’partit politiku, u naħseb anke għall-predeċessuri kollha tagħna bl-eċċezzjoni ta’ Sir Anthony, kien diffiċli tagħmel dan id-distakk. Nagħmlu żball min jaħseb li hi ħaġa faċli tagħmel dan id-distakk. Però probabilment, għal min jemmen li l-kariga ta’ President trid tiddistakkaha mill-kwalitajiet ta’ partiti politiċi, min ikun fil-partit politiku aktar iħoss din ir-responsabiltà li jkollok dan id-distakk u jħoss allura illi hu għandu jagħti eżempju aktar ta’ distakk mill-passat tiegħu. Anke dan hu importanti. Mhux kulħadd forsi jifhimha. Min forsi ma jkunx għadda minn din is-sitwazzjoni isibha diffiċli li jifhem. Però min għandu s-sens tal-kariga, min għandu s-sens ta’ l-Istat jifhem illi jekk se jimbarka l-kariga ta’ President, għandu jifhem li l-aqwa awtorità li għandu bħala President huwa l-awtorità́ morali, li għandu jeżerċita fil-pajjiż.
L-awtorità Kostituzzjonali li għandu President, dik li għandha s-saħħa, tidderiva ruħha minn kemm għandu awtorità morali l-President fil-pajjiż. U din l-awtorità morali trid tigwadanjaha; u kull President għandu jirbaħha hu. Hu għandu jirbaħha din l-awtorità morali fil-pajjiż.
Jien naħseb dik hija lezzjoni oħra li tgħallimt jien kemm ilni dal-ħames snin President; illi trid tkabbar din l-awtorità morali fil-pajjiż, trid tifhem illi int President tal-Maltin kollha. Int trid tagħti każ ta’ l-opinjonijiet tal-Maltin kollha, u trid tassigura li fil-kliem li tgħid u fl-għemil tiegħek, dan tagħraf tirrispettah. Dawn huma l-esperjenzi ta’ ħames snin. Esperjenzi pożittivi, esperjenzi li kulħadd tgħallimna xi ħaġa minnhom, esperjenzi li jien irrid ngħid grazzi lil ħafna nies, li rnexxieli ngħaddi dal-ħames snin, nispera, skond dak li emmint li għandu jkun kariga ta’ President.
Int Sur Prim Ministru kont dejjem tirrelatali dwar x’inhu jiġri fil-pajjiż. Għandek skruplu kostituzzjonali int, fis-sens illi inti taf illi bħala Prim Ministru, trid iżżomm skond il-Kostituzzjoni stess, informat lill-Kap ta’ l-Istat b’dak kollu li jiġri fil-pajjiż; ħaġa li inti dejjem għamilt b’attenzjoni. U l-vantaġġ li kellna jien u int, li konna nistgħu niddjalogaw anke kważi kważi mingħajr ma nitkellmu, inkunu nafu l-ħsibijiet tagħna ta’ xulxin x’ikunu.
Għall-grazzja t’Alla mxejna ’l quddiem. J’Alla dan il-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem. Nemmnu fih dal-pajjiż, inħobbuh dal-pajjiż, ngħixu għalih dal-pajjiż. Naħsbu illi l-politika hija servizz. Il-politika hija li tagħti lilek innifsek għal dan il-poplu li aħna tant nemmnu fih. Tant nemmnu li dan il-poplu ħaqqu jimxi aktar ’il quddiem. Ta’ dan, anke jekk imxejna aktar ’il quddiem, ngħid grazzi għal darba oħra lill-partiti politiċi tagħna. Sibt komprensjoni kbira, sibt attenzjoni kbira, sibt rispett kbir. Grazzi ħafna.
Imma forsi ippermettuli ngħid grazzi anke lill-mara tiegħi, għaliex kienet determinanti, hi li ma tħobbx il-politika biex nibdew l-ewwel premessa, hi li ma tħobb xejn fil-politika, però li kienet dejjem viċin tiegħi fl-aktar żminijiet diffiċli u fil-perjodu ta’ dal-ħames snin ta’ President, kienet ċertament għajnuna valida, ħafna valida u għamlet tant biex affarijiet li magħhom normalment hi assoċjata l-mara tal-President, qed ngħid partikolarment għall-Community Chest Fund, Violet qegħdet l-impronta tagħha bħalma ħalliet anke fil-palazzi tal-President, li għamlithom naħseb postijiet verament sbieħ.
Grazzi ħafna lil kulħadd. Grazzi lilek Sur Prim Ministru għaliex fik dejjem sibt ħabib sinċier, bniedem li qsamna tant affarijiet flimkien u nawguraw lil xulxin il-futur. Kemm hi sabiħa dil-kelma ‘futur’. Kemm m’għandix grazzja man-nostalġiċi jien, in-nostalġiċi li jitkellmu dejjem fuq il-bieraħ, sempliċiment m’għandix grazzja magħhom. M’inhix bniedem nostalġiku. Jien dejjem inħares lejn għada. Il-bieraħ huwa parti mill-istorja. Illum diġà kważi sar il-bieraħ. Għada jiswa għalina lkoll u aktar ma jkollna das-sens ta’ l-għada, aktar naħseb nimxu ’il quddiem kollha kemm aħna.
Grazzi ħafna. Bis-saħħa tiegħek Sur Prim Ministru, bis-saħħa tiegħek Sinjura Fenech Adami, bis-saħħa tal-mistednin kollha hawnhekk. U grazzi ta’ l-appoġġ li tajtuni tul dal-ħames snin li naħseb kienu ħames snin importanti fil-ħajja ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en