DISKORS MILL-ONOR. EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, WAQT ĊENA MOGĦTIJA MILL-PRIM MINISTRU AD UNUR IL-PRESIDENT TA’ MALTA U S-SINJURA de MARCO – BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – 09 MARZU 2004
Sur President, imiss lili l-kompitu mhux faċli imma feliċi, illi peress li ż-żmien ma jaħfirha lil ħadd, wasalna fit-terminu tal-kariga tiegħek ta’ President ta’ Malta . U jien bħala l-Prim Ministru, f’ismi u f’isem il-gvern, kif ukoll m’għandix dubju f’isem il-poplu Malti, irrid illum nirringrazzjak. Nirringrazzjak talli qdejt din il-funzjoni tant importanti għal pajjiżna bid-dinjita’, bl-intelliġenza, b’mod li ċertament ġbidt l-ammirazzjoni ta’ kulħadd.
Naħseb li nista’ ngħid illi, inti wkoll kont President bħall-Presidenti li kellna qabel, li għamilt ġieħ u unur lil pajjiżna u lill-poplu tagħna. Jiena tmissni r-raba’ darba illi qed nagħmel diskors simili, però naħseb illi għalkemm kelli diskorsi oħra tal-Presidenti li spiċċaw qablek; Pawlu Xuereb, Alla jaħfirlu; Dr Ċensu Tabone, Ugo Mifsud Bonniċi, din id-darba hemm xi ħaġa aktar partikulari fis-sentimenti tiegħi. Għax lill-President, jiena ilni nafu miż-żminijiet ta’ l-iskola sekondarja, meta konna fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi flimkien. Naturalment, il-President ftit akbar minni, għalkemm ma jidhrulux is-snin, però niftakru sew lil xulxin f’dawk iż-żminijiet ta’ l-iskola.
Terraqna ż-żmien ta’ l-Università, hu il-kors ta’ qabli, però kienu snin ta’ viċinanza: viċinanza fl-istudji, fil-kamp legali, viċinanza fil-ħsibijiet u d-diskussjonijiet perenji li konna nagħmlu. Qed nitkellem fuq is-snin ħamsin meta pajjiżna kien għaddej mill-ewwel - nghidlu - żvilupp politiku importanti ta’ wara l-gwerra. Konna niddiskutu, konna viċin xulxin, sirna avukati u d-destin reġa’ laqqagħna mill-viċin ħafna għal perjodu twil fil-politika, fis-servizz lejn pajjiżna.
Illum lill-President jiena ngħidlu, naħseb li inti sodisfatt, kuntent, kif konna ngħidu bil-Latin, fuctus opere, qdejt dmirek, mission accomplished, dak li kellek tagħmel f’ħajtek għaraft li tagħmlu, billi tajt l-aħjar servizz li stajt għal pajjiżna. Mhux se noqgħod nirreferi għall-merti oħra kbar, mhux fil-kamp politiku, bħalma huwa fil-qasam ġuridiku, però ċertament dawn l-aħħar ħames snin, int kont ta’ ispirazzjoni għalina lkoll.
Kont ukoll il-punt li għaqqad dejjem aktar lil dan il-poplu Malti. U allura nħoss illi huwa d-dmir tiegħi illi ngħidlek grazzi. Grazzi ħafna għal dak li għamilt bħala President ta’ Malta.
Jiena ġieli tkellimt miegħek. Huwa dover Kostituzzjonali li kont inżommok infurmat bl-andament tal-pajjiż, fis-sens ġenerali tal-ġestjoni ta’ pajjiżna. Però ġieli tkellimna wkoll fuq livell personali u jiena naf li għalkemm issa huwa l-mument li inti se tirtira, naħseb il-kelma ‘tirtira’, inti ma tistax tniżżilha; u naf li l-impenn tiegħek, tibqa’, sa l-aħħar darba li kellimtek u tgħidli: “irrid nara kif se nokkupa ruħi u nokkupa ruħi mhux biss biex ngħaddi ż-żmien jew naħli ż-żmien, imma b’mod utli.” U jiena nawguralek illi meta se tispiċċa mill-kariga ta’ President, ikollok ħajja dinamika kif kellek sal-lum u kif naf illi tixtieq int.
Grazzi minn qalbi lilek. Nirringrazzja wkoll lis-Sinjura de Marco illi ppermettili ngħid, ħadet ħafna paċenzja bik u bl-oneri illi inti kellek iġġorr u żgur kienet ta’ sostenn u ta’ ispirazzjoni wkoll fil-ħidma tigħek. Grazzi ħafna u issa Sinjuri, nixtieq illi nixorbu flimkien bis-saħħa tal-President de Marco u s-Sinjura de Marco.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en