KULTURA TA’ KWALITA’ FL-EDUKAZZJONI
"Il-qasam edukattiv jinsab f’punt storiku. Biex nimxu l-quddiem irridu ngħollu l-kwalita’ fl-edukazzjoni. Irridu inlaqqmuha mal-mod kif naħsbu u ngħallmu." Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea meta għalaq seminar ta’ tlett ijiem għall-kapijiet ta’ l-iskejjel fil-livell sekondarju dwar Kultura ta’ Kwalita’ fl-edukazzjoni. Il-Ministru inawgura wkoll l-EXCEL Network – network ta’ skejjel Maltin u barranin li jaħdmu flimkien permezz ta’ teknoloġija moderna.
Il-Ministru qal li riċentament meta iltaqa mal-kapijiet ta’ l-iskejjel kollha kellu l-opportunita’ jitkellem dwar il-mod kif il-qasam ta’ l-edukazzjoni irid jimxi l-quddiem fis-snin li ġejjin. Hu qal li fost affarijiet oħra tkellem dwar tmexxija effettiva, il-verifika li hemm bżonn issir fl-iskejjel, l-irwol edukattiv li jridu jenfasizzaw il-kapijiet ta’ l-iskejjel, l-uffiċjali edukattivi u d-diretturi biex flimkien jaħdmu bħala team nazzjonali fil-qasam edukattiv, u dwar bidla fil-kultura biex titjieb il-kwalita’.
Il-Ministru Galea tkellem dwar l-iżviluppi li jridu jseħħu fuq livell ta’ skejjel l-aktar permezz ta’ l-awtonomija, il-kontabilita’, u l-kontinwita’ biex fuq kollox it-tfal jieħdu esperjenza edukattiva ta’ l-għola kwalita’ għax hekk jixirqilhom u għax huma intitolati għal dan. Hu żied li ma dan irridu naraw kif se noffru edukazzjoni tul il-ħajja kollha.
Fost it-temi li kienu trattati fis-seminar kien hemm il-bżonn li kulħadd jidra jevalwa lilu innifsu u l-istrutturi ta’ madwaru. Louis Galea qal li l-għalliema bħala professjonisti iridu jħaddnu dan il-proċess ta’ evalwazzjoni tagħhom infushom għaliex, bħal fi professjonijiet oħra, din għandha tgħinhom biex ikomplu jiżviluppaw. Il-Ministru qal li anke l-iskejjel iridu jevalwaw lilhom infushom bl-involviment ta’ kulħadd, amministrazzjoni, għalliema, tfal u ġenituri. Dan il-proċess għandu jintuża biex wieħed jidentifika fejn l-iskola hi b’saħħitha u fejn għandha bżonn l-appoġġ, x’opportunitajiet qed tiffaċċa u x’inhuma l-isfidi.
Il-Ministru tenna li dan irriduħ biex inkomplu ntejbu u nifirxu l-kwalita’ ta’ l-edukazzjoni f’pajjiżna għax kull ma jmur aktar hu evidenti li l-edukazzjoni hi ċentrali fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-pajjiż.
Il-Ministru Louis Galea qal li biex nilħqu l-miri li għandna hemm bżonn tlett elementi ewlenin – l-impenn, il-kreattivita’ u komunikazzjoni attiva. “Bħala professjonisti, l-għalliema, l-kapijiet u l-amministarazzjoni iridu jimpenjaw ruħhom b’mod sħiħ, u fejn hemm bżonn anke b’sagrifiċċju, biex flimkien naslu biex noffru lill-istudenti servizz itjeb u li jixirqilhom. Irridu inkunu kreattivi u nieħdu r-riskji fejn hemm bżonn u rridu nikkomunikaw b’mod effettiv kemm bejnietna kif ukoll mad-dinja ta madwarna” temm jgħid Louis Galea.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en