INSAĦĦU L-ISTRUTTURI LI JSOSTNU S-SETTUR KUMMERĊJALI
"Il-Gvern huwa mpenjat li jkompli jsaħħaħ l-istrutturi li kapaċi jgħinu l-organizazzjoni tas-suq intern. Dawn l-istrutturi huma d-Divizjoni tal-Kummerċ, il-Malta Standards Authority u d-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta. B’dawn l-entitajiet flimkien, anke bl-għajnuna tal-Malta Enterprise, qegħdin jiġu organizzati aħjar l-istrutturi li kapaċi jgħinu u jsostnu s-settur kummerċjali li jifforma s-suq intern. Iżjed ma jkollna suq intern organizzat, iżjed ikollna konsumaturi sodisfatti u moqdijin tajjeb. Aktar ma jkollna negozju sostenibbli, iżjed ngħollu l-kwalita’ tal-ħajja u l-varjazzjoni tal-prodotti u servizzi offruti lill-konsumatur bl-iżjed prezzijiet kompetittivi.
Kull entita’ governattiva f’dan il-pajjiż għandha l-obbligu primarju li toffri servizz. Għalhekk il-konsumatur għandu jitqies bħala l-klijent ta’ kull servizz li hemm offrut, kemm jekk f’entita’ kummerċjali, kif ukoll jekk f’entitajiet tal-Gvern. Iżda kull servizz għandu prezz. Xejn m’hu b’xejn u għalhekk kull entita’ għandha toffri l-aħjar servizz possibbli. Għalkemm servizz jidher b’xejn, dan is-servizz qed ikun imħallas permezz tat-taxxi. Dan ifisser li kull servizz mogħti jiswa’ l-flus, u għalhekk għandu jitqies bħala servizz li qed ikun imħallas. Għal din ir-raġuni kull klijent għandu dritt jitlob l-aħjar servizz possibbli. Irid ikun hemm bidla fil-mentalita’, u għaldaqstant mhux aktar negozjant kontra konsumatur, konsumatur kontra negozjant, iżda kif dawn it-tnejn flimkien jistgħu isostnu l-interessi ta’ xulxin."
B’dawn il-kummenti s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fetaħ is-seminar li sar mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta. Is-suġġett ta’ dan is-seminar kien “Negozjanti u konsumaturi għandhom bżonn ta’ aktar effiċjenza b’inqas burokrazija". Minn meta s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomici, beda hidma kontra l-burokrazija, sar hafna xoghol mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi. F’dan il-kuntest, is-Segretarju Parlamentari semma’:
- Aġenda Kompetittivita’ fejn qal li finalment, l-Aġenda Kompetittivita’ għandha tkun il-hidma tal-Gvern kollu. "Aġenda Kompetittivita’ għandha twassal biex il-Gvern u l-Ministri jibdew ikunu konxji ta’ rapporti, ilmenti u suġġerimenti li jingħataw minn settur kummerċjali rigward burokrazija żejda u ineffiċjenza.
- Qegħdin jiġu analizzati l-Avviżi Legali u r-regolamenti li d-Dipartimenti u l-Awtoritajiet jibgħatu għall-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi u kull talba għal żjieda ta’ spiżi jew tariffi qed tintalab ġustifikazzjoni.
- Qed isir eżerċizzju ta’ identifikazzjoni ta’ ‘work practices’ li kapaċi jnaqqsu l-burokrazija u jżidu l-effiċjenza fid-Dipartimenti tal-Gvern. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju, entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ politika tas-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, identifikaw inizjattivi ta’ ħidma li jaċċertaw l-impenn tagħhom għal anqas burokrazija. F’dan l-eżerċizzju, dawn l-entitajiet irrispondew dawn il-mistoqsijiet: X’tista’ tagħmel l-entita’ tiegħek biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tas-settur kummerċjali biex dan ikun jista’ jaħdem aħjar? Xi proċeduri u spejjeż burokratiċi jistgħu jkunu mneħħija sabiex titnaqqas il-burokrazija żejda u tiżdied l-effiċjenza? X’jista’ jsir biex tingħata aktar informazzjoni dwar regoli u liġijiet li jaffettwaw lil min qiegħed fin-negozju u hekk aktar sidien ta’ negozji jkunu mgħarrfa bid-drittijiet u obbligi li huma għandhom? Huwa l-ħsieb tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi, li dan l-eżerċizzju jkun mifrux mad-Dipartimenti kollha tal-Ministeru.
- Tressqu wkoll proposti ghall-White Paper dwar is-Servizz Pubbliku, riżultat ta’ eżerċizzju ta’ konsultazzjoni li nkluda lill-GRTU, l-Kamra tal-Kummerc, il-Federazzjoni ta’ l-Industrija u l-Malta Institute of Management.
Din l-informazzjoni ingħatat mis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo lil rappreżentanti ta’ diversi Entitajiet governattivi sabiex dawn ir-rappreżentanti jifhmu aħjar il-ħtieġa ta’ l-impenn li kull entita’ għandha jkollha fil-ħidma kontra l-burokrazija żejda li fuq kollox tnaqqas l-effiċjenza tas-servizz mitlub, iżżid l-ispejjes tan-negozju u toħloq xkiel lil ħolqien tal-ġid.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo għamel enfasi rigward il-ħtieġa fil-ħidma kontra l-infieq meta qal: “Kif qed naħdmu fil-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi, hekk nistenna li fuq dan l-eżerċizzju nkompli nixpruna lil Dipartimenti u Ministeri oħra biex jagħmlu l-istess.”
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en