Left arrow Mur Lura

LIFT BEJN ID-DWANA U L-BARRAKKA TA’ FUQ

PR317
Date Icon 10/03/2004

F’Konferenza ta’ l-ahbarijiet li ta dal-ghodu l-Ministru għat-Turiżmu, l-Onor.  Francis Zammit Dimech qal lil-Gvern iddeċieda li joħroġ offerti għal ‘lift’ li jgħaqqad ix-xatt tal-Belt Valletta mal-Barrakka ta’ Fuq. Il-lift se jkun fl-istess post fejn kien hemm il-lift l-qadim, li waqaf jopera fl-1973 u li ġie żmantellat fl-1983. 

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li bl-iżvilupp tal-Cruise Liner Passenger Terminal kien hemm il-ħtieġa ta’ aċċess aħjar bejn ix-xatt tal-Belt u ċ-ċentru tal-kapitali. Hu qal li llum, biex jaslu fiċ-ċentru tal-Belt, il-passiġġieri li jaslu Malta fuq il-cruise liners – li s-sena l-oħra n-numru tagħhom kien qrib il-400,000 – riedu jitilgħu t-Telgħa tal-Kurċifiss, minfejn  jaqbdu madwar 100 tarġa u jkomplu jitilgħu tul Vjal Ġirolomo Cassar. Hu qal li bla dubbju ta’ xejn, il-lift joħloq aktar kummerċ billi aktar passiġġieri li jżuru Malta fuq cruise liners, ikunu nkoragġiti jżuru l-Belt kapitali.  

Francis Zammit Dimech qal li l-bini tal-lift mistenni wkoll iħajjar aktar nies li jżuru l-belt Valletta, fosthom ħafna Maltin, biex iżuru l-inħawi tal-Port il-Kbir u l-iżvilupp li qed jitwettaq mill-konsorzju VISET.  Kien ukoll il-ħsieb tal-Gvern li dan il-proġett ikun appoġġjat minn servizz bil-laneċ minn ħdejn id-Dwana għat-tliet ibliet. Hekk  niffaċċilitaw it-trasport bejn it-tliet ibliet u l-belt Valletta u jingħata kontribut ieħor għar-riġenerazzjoni tal-Kottonera. Il-Ministru għat-Turiżmu fakkar ukoll li bħalissa kien qed jitwettaq il-proġett għat-tisbiħ u r-riabilitazzjoni tal-Barrakka ta’ Fuq,  li darba jitlesta fi żmien ftit ġimgħat oħra, kien se jikkontribwixxi bis-sħiħ biex dawk kollha li jużaw il-lift, jingħataw l-ewwel impressjoni tajba ta’ pajjiżna u dehra panoramika tat-tliet ibliet. 

Il-Ministru Francis Zammit Dimech  qal li kienet l-intenzjoni tal-Gvern li dan il-proġett jitwettaq u jiġi finanzjat mis-settur privat bi dħul għall-Gvern. Hu qal li kien għalhekk li l-Gvern kien se jagħmel sejħa għal offerti għal dan il-proġett. 

Il-proġett jikkonsisti fid-disinn, il-kostruzzjoni, l-operazzjoni u l-immaniġġjar tal-lift tal-Barrakka ta’ Fuq, fl-istess sit li kien qabel u t-titjib u t-tisbiħ ta’ l-inħawi tal-parti t’isfel tal-Belt minn fejn tasal għal-lift minn ħdejn id-Dwana. Hu qal li l-proġett jinkludi

·     Id-disinn tal-lift u tal-faċilitajiet u tagħmir anċillari,

·     Disinn komprensiv għar-riabilitazzjoni u tisbiħ tan-naħa t’isfel mnejn tasal għal-lift, li tinkludi l-mina li twassal għat-triq.

·     Il-permessi meħtieġa ta’ l-ippjanar u kwalunkwe permessi jew liċenzji meħtieġa bil-liġi biex jitwettaq il-proġett,

·     Il-permessi u l-liċenzji meħtieġa bil-liġi għall-operazzjoni minn jum għal jum tal-proġett hekk kif dan jitlesta,

·     Xiri u mmuntar tal-materjal, makkinarju u tagħmir,

·     Twettiq tal-proġett fuq is-sit li jinkludi

a.     il-kostruzzjoni u l-istallazzjoni tal-lift, il-partijiet u l-faċiltajiet anċillari tiegħu,

b.     l-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ tisbiħ u riabilitazzjoni fil-parti t’isfel tal-proġett u tal-mina,

·     L-ittestjar u l-ikkummisjonar tal-lift,

·     L-operazzjoni u l-immaniġġjar ta’ kuljum tal-proġett għal perijodu ta’ 25 sena,

·     Il-manutenzjoni tal-lift, it-tagħmir, l-aċċessorji u faċilitajiet anċillari kif ukoll l-areas li se jiġu landscaped u msebbħa għat-tul kollu tal-kuntratt. 

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li fuq in-naħa tax-xatt, il-lift se tkun tista’ tasal għalih mill-mina faċċata tad-Dwana. Hu qal li se jkun hemm żewġ lifts panoramiċi wieħed ħdejn l-ieħor. Hu qal li l-iżviluppaturi qed ikunu mħeġġa biex jaraw li d-disinni jirriflettu iż-żminijiet u l-kultura tal-lum, mingħajr ma’ - b’xi mod - titnaqqas l-importanza, li ma jkunx hemm xi impatt viżwali negattiv fuq l-istrutturi storiċi ta’ madwaru.  Hu qal li għalhekk il-proposti għad-disinn kellhom jirriflettu ħsieb modern u ta’ teknoloġija għolja li juru bl-aktar mod ċar li l-intervent li sar – sew f’dik li hi struttura, materjal u forma fizika – hu wieħed modern tas-Seklu 21. Fl-istess waqt irid jinstab bilanċ mal-fortifikazzjonijiet storiċi. 

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien maħsub li l-programm ta’ żvilupp jinqasam hekk:

1.   Fis-16 ta’ Marzu 2004 issir  sejħa għar-reġistrazzjoni ta’ l-interess,

2.   l-iżviluppaturi nteressati jingħataw 16-il ġimgħa biex jissottomettu l-proposti tagħhom,

3.   il-Kumitat ta’ Aġġudikazzjoni, li se jinħatar mill-Ministru għat-Turiżmu bl-approvazzjoni tal-Kabinett, jtemm l-evalwazzjoni tiegħu sa l-aħħar ta’ Settembru 2004.

4.   L-iżviluppatur magħżul ikun mistenni jissottometti l-applikazzjonijiet neċessarji lill-Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sa l-4 ta’ Novembru 2004. 

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-bini tal-lift kien ħolqa mportanti fl-iżvilupp ta’ xibka ta’ komunikazzjoni bejn ix-xatt tal-belt Valletta u ċ-ċentru ta’ l-istess belt kif ukoll bejn it-tliet ibliet tal-Kottonera u l-Belt. Hu qal li dan il-proġett kien mistenni li jwassal biex aktar turisti, u anke Maltin, jiffrekwentaw ix-xatt tal-Belt u t-tliet ibliet u għalhekk igħin biex aktar negozju jersaq lejn  dawn l-inħawi u jingħata kontribut qawwi għar-riġenerazzjoni tagħhom.  

Il-Ministru Zammit Dimech temm jghid li l-Gvern iqis dan il-proġett bħala wieħed ta’ priorita’ u kien għalhekk li qed jiġu ffissati timeframes biex  min jintagħżel jimxi skond dati stabbiliti minn qabel.             

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow