MODERNIZZAR FIS-SALA TAL-MATERNITÀ U FTUĦ TA’ GYNEACOLOGY UNIT FL-ISPTAR ĠENERALI T’GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex l-Onor Giovanna Debono żaret is-sala tal-Maternità fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara 2004.
Filwaqt li tkellmet ma’ l-ommijiet fis-sala, il-Ministru Debono spjegat il-pjan tal-Ministeru għal Għawdex li jwettaq proġett ta’ żvilupp f’din l-istess sala. Il-Ministru Debono spjegat kif spazju żejjed f’parti mis-sala ser jiġi żviluppat biex ikun hemm żona riservata għall-każijiet ġinekoloġi. Permezz tat-twaqqif ta’ Gyneacology Unit, f’din is-sala ser jinħoloq spazju separat għal madwar 8 sodod oħra li jkun iktar komdu u attrezzat għal pazjenti b’każijiet simili. Fl-istess ħin, jiżdiedu kmamar ġodda għall-użu ta’ l-istess pazjenti filwaqt li jsir modernizzar ta’ din il-unit ġdida.
Fl-istess ħin, il-Ministeru għal Għawdex ser iwettaq proġett ta’ modernizzar fil-bqija tas-sala tal-Maternità fejn jitneħħa s-suffit tal-asbestos u jsir upgrading komplet ta’ l-ambjent ta’ din is-sala.
Il-ħtieġa ta’ dan il-proġett inħasset minħabba li s’issa, pazjenti bi bżonn ta’ interventi ġinekoloġi qed jiġu rikoverati fis-sala ġenerali tan-nisa, għal perijodu li jista’ jvarja minn lejl sa ġimgħa. Matul is-sena 2003, kien hemm 227 każ simili li ġew rikoverati f’din is-sala. Pazjenti b’każijiet ġinekoloġi s’issa qed jokkupaw spazju tant meħtieġ f’sala li tilqa’ pazjenti nisa bi ħtiġijiet differenti filwaqt li s-sala tal-Maternita’, minħabba l-kobor tagħha u n-numru ta’ trabi li jitwieldu f’Għawdex, mhix qed tiġi utilizzata sal-kapaċità tagħha.
Il-Ministeru għal Għawdex flimkien ma’ l-amministrazzjoni ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għalhekk wettqu eżerċizzju fejn individwalizzaw il-bqija tal-ħtiġijiet ta’ l-isptar u fasslu l-pjani għal kif dawn il-ħtiġijiet jistgħu jiġu ndirizzati. Dan il-proġett, li hu l-ewwel prijorità għall-amministrazzjoni ta’ l-isptar f’din il-leġiżlatura l-ġdida, huwa ħolqa oħra fil-katina ta’ proġetti li twettqu hawnhekk matul il-ħames snin li għaddew, fosthom l-immodernizzar tad-dipartiment ta’ l-emerġenza, l-out patients, is-swali ġenerali tan-nisa, irġiel u rġiel anzjani, Residenza Sant’Anna, operating theatre, id-dipartiment tal-medical records u l-ftuħ ta’ l-ewwel Renal Unit, Isolation Unit, Central Sterile Supplies Department u l-introduzzjoni ta’ numru ta’ servizzi mediċi ġodda.
Bħalissa qed jitħejjew il-pjanti għal dan l-iżvilupp filwaqt li huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin, jinħarġu s-sejħiet għall-offerti għal xogħol marbuta mas-servizzi meħtieġa.
Waqt iż-żjara fis-sala tal-Maternità, il-Ministru għal Għawdex kienet akkumpanjata minn Dr Anthony A Livori, Supretendent Mediku ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u s-Sur Emanuel Grech mill-Ministeru għal Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en