AVVIŻI LEGALI DWAR ‘END OF LIFE VEHICLES’ U DWAR ‘PACKAGING AND PACKAGING WASTE’
Il-publikazzjoni ta’ żewġ avviżi legali dwar l-Immaniġġjar ta’ Skart kawżat minn Vetturi fi Tmiem Żmienhom (End of Life Vehicles) u dwar l-Ippakkjar u l-Iskart ta’ l-Ippjakkar (Packaging and Packaging Waste) kienu s-suggett ta’ konferenza ta’ l-aħbarijiet li ngħatat mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino.
Dawn l-avviżi legali kienu pubblikati wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li kien beda’ fl-aħħar ta’ Awissu tas-sena li għaddiet u kienu riveduti biex jinkorporaw fihom dawk il-konsultazzjonijiet.
L-għanijiet ewlenin ta’ dawn ir-regolamenti huma li jonqos l-iskart ikkawżat minn ippakkjar u minn vetturi u jiżdied l-użu ta’ riċiklaġġ u metodi oħra simili u li jonqos il-kwantità ta’ skart li jispiċċa mormi fl-ambjent tagħna.
Meta tkellem fuq l-avviż legali dwar l-End of Life Vehicles, il-Ministru George Pullicino qal li hu kalkulat li f’Malta jkollna ma’ l-4,500 vettura li ma jibqgħux jintużaw fis-sena. Hu qal li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (il-MEPA), se tassigura li kull min hu nvolut biex fis-suq jiddaħħlu vetturi u spare parts tagħhom, jkollhom ukoll sistemi ta’ ġbir effiċjenti biex dawn il-vetturi jittieħdu f’impjanti awtorizzati.
Se tiddaħħal ukoll sistema ta’ “tnehhija mir-reġistrazzjoni” (de-registration) kull darba li jkun preżentat iċ-ċertifikat ta’ distruzzjoni tal-vettura. Dan iċ-ċertifikat jinħareġ meta l-aħħar sid tal-vettura jeħodha, b’xejn, fl-impjant ta’ riċiklaġġ. Ir-regolamenti jgħidu li l-ispejjeż għall-ġbir u d-distruzzjoni tal-vetturi jridu jithallsu mill-importatur jew aġent li jkun daħħal il-karozza fis-suq lokali.
Il-Ministru Pullicino qal li ż-żamma u d-distruzzjoni tal-vetturi huma koperti minn regolamenti stretti. L-impjanti fejn se ssir id-distruzzjoni tal-vetturi se jkunu mitluba jisseparaw dawk il-partijiet tal-vetturi li jistgħu jkunu ta’ dannu għall-ambjent u priorità għandha tingħata għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ partijiet, bħalma huma batteriji, tyres u żjut. Dawn ir-regolamenti għandhom jgħoddu għall-vetturi żgħar u ta’ daqs medju li jkunu ddaħħlu fis-suq mill-1 ta’ Lulju 2002. Dawn ir-regolamenti jibdew jgħoddu għall-vetturi kollha fis-suq lokali mill-1 ta’ Jannar 2007.
George Pullicino qal li dawn ir-regolamenti għandhom iwasslu biex jitnaqqsu l-iscrapyards illegali f’pajjiżna. Hu qal li l-MEPA ħadet azzjoni kontra 25 scrapyard illegali fl-aħħar tlett snin. Kompla jghid illi r-regolamenti dwar Packaging and Packaging Waste huma maħsuba biex ixejjnu jew inaqqsu l-impatt ta’ skart iġġenerat minn pakkettar fuq l-ambjent u b’hekk iwasslu għal protezzjoni ambjentali mingħajr ma jxekklu l-kummerċ jew inaqqsu mill-kompetizzjoni. Ir-regolamenti jkopru l-ippakkettar kollu li jiddaħħal fis-suq Malti u l-iskart kollu ġġenerat minnu.
Hu żied jgħid li r-regolamenti ma jkoprux l-ippakkettar ta’ prodotti li mhux maħsuba għall-konsum lokali. Il-MEPA se tassigura li t-targets negozjati ma’ l-UE għar-riċiklaġġ ta’ dan il-materjal jintlaħqu skond il-prinċipju tal-‘polluter pays’. Matul in-negozjati tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, inkisbu żewġ perjodi ta’ transizzjoni, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tagħna. Bis-saħħa t’hekk, għandna żmien sa’ l-aħħar ta’ l-2005 biex nilħqu l-miri ta’ riċiklaġġ kif imsemmija fid-direttiva; u sa’ tmiem l-2009 biex inlaħħqu l-mira ta’ riċiklaġġ ta’ ‘plastic’.
George Pullicino temm jgħid li l-MEPA se tkun responsabbli li tara li jkun hawn sistemi adekwati għall-ġbir ta’ l-ippakkettar użat, sabiex dan jittieħed f’impjanti ta’ riċiklaġġ skond kif stipulat f’dawn ir-regolamenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en