JITWAQQAF IL-KUNSILL TAL-KONSUMATUR
Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta-Finanzi u Affarijiet Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo qassam l-ittri tal-ħatra lill-membri tal-Kunsill tal-Konsumatur li se jkun maghmul minn:
Mr. Benny Borg Bonello,
Ms. Barbara Buttigieg,
Mr. Anthony T. Camilleri,
Mrs. Carmen Delia,
Mr. Joseph Mallia,
Dr. Paul Micallef,
Mr. Adrian Muscat Inglott, u
Mr. Marcel Pizzuto.
Fid-diskors tiegħu, l-Onor. Vassallo, filwaqt li awgura ħidma fejjieda lil dan il-Kunsill, enfasizza li l-ħidma ta’ dan il-Kunsill primarjament għandha tkun li tara li tkun iggarantita l-konsultazzjoni u l-għoti ta’ l-informazzjoni rigward id-dmirijiet u d-drittijiet tal-konsumatur u tas-settur kummerċjali.
“Il-Gvern huwa mpenjat li jara li jkun hemm reviżjoni tal-liġijiet li jolqtu l-konsumatur sabiex ikun aċċertat li dawn il-liġijiet, li qegħdin jirregolaw is-suq, huma l-iżjed liġijiet effettivi u effiċjenti li jista’ jkollna. Ħidma oħra li għandkom tagħmlu hija li tevalwaw kontinwament l-effiċjenza li biha qed jinqeda’ l-konsumatur u l-imprenditur mingħand id-Diviżjoni tal-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta. Intom Kunsill b’obbligu speċifiku ta’ kunsill konsultattiv, u għalhekk tridu taraw li kontinwament tevalwaw xi jkun qed isir fis-suq sabiex naċċertaw ruħna li qed ikollna l-aħjar amministrazzjoni tal-liġijiet li għandna."
Is-Segretarju Parlamentari kompla jitkellem dwar il-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur li se jahbat fil-15 ta’ Marzu. F’dawn il-ġranet, qegħdin isiru numru ta’ attivitajiet maħsuba biex jiżdied it-tagħrif rigward dawn id-drittijiet. Is-Segretarju Parlamentari Vassallo wera l-poster li ser jkun qed jintuża għal din il-ġurnata, li fih innifsu, qed jagħti informazzjoni rigward id-dritt tal-konsumatur. Għalhekk, fuq il-poster hemm is-slogan għal din is-sena, li huwa "Itlob l-Irċevuta – Mingħajrha tista’ titlef id-drittijiet tiegħek ta’ konsumatur".
Is-Segretarju Parlamentari ħa l-okkażjoni wkoll biex jagħmel referenza għal Jum Dinji tal-Mara, fejn irrefera għal statistika li turi li 16 fil-mija tas-self-employed huma nisa. Sas-sena 2003 kien irrappurtat li n-nisa fis-suq ilaħħqu 3,396.
GENDER | SEPTEMBER 2003 | % DIST. |
Women | 3,396 | 15.9 |
Men | 17,904 | 84.1 |
Total | 21,300 | 100.0 |
Fl-Unjoni Ewropea il-persentaġġ ta’ nisa li huma self-employed huwa ta’ 28 fil-mija. F’din l-okkażjoni s-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ lill-Kunsill sabiex fil-ħidma tiegħu jara li jagħti pariri kif is-suq jista’ jiġi organizzat aħjar, ħalli jkabbar in-numru ta’ dawk li qegħdin jaħdmu fin-negozju, partikolarment nisa.
GENDER | SEPTEMBER 2003 | % DIST. |
Women | 3,396 | 15.9 |
Men | 17,904 | 84.1 |
Total | 21,300 | 100.0 |
L-Onor. Vassallo ħabbar ukoll l-iskeda tal-programmi fuq l-istazzjonijiet tar-radju u televiżjoni li fihom se jkun hemm diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-konsumatur. Huwa ħabbar ukoll l-iskejjel li fihom se jmorru rappreżentanti tad-Diviżjoni tal-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta.
Fi tmiem din l-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari Vassallo awgura li l-ħidma tal-Kunsill għandha twassal sabiex f’pajjiżna jkollna l-aħjar liġijiet possibli li kapaċi jirregolaw is-suq. "Aktar ma jkollna suq intern organizzat aktar ikollna negozju sostennibli u konsumatur sodisfatt".
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en