ISKORS MILL-E.T. IL-PROF. GUIDO DE MARCO, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TAL-PRANZU STATALI MOGĦTI AD UNUR IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA, L-E.T. IS-SUR ALEKSANDER KWASNIEWSKI U S-SINJURA KWASNIEWSKA – IL-PALAZZ IL-BELT VALLETTA
Eċċellenza u Sinjura Kwaśniewska,
Onorevoli Prim Ministru,
Mistednin Distinti, Sinjuri.
Huwa pjaċir kbir għalija li nilqa’ hawn Malta l-President tar-Repubblika tal-Polonja.
Din il-viżita tagħkom f’pajjiżi ġġibli memorji sbieħ li intom urejtu lejja u lejn il-mara tiegħi meta għamilt il-Viżita Statali lir-Repubblika tal-Polonja fil-Ħarifa ta’ l-2002.
Niftakar tajjeb l-atmosfera ta’ ħbiberija u l-komprensjoni reċiproka li kkaratterizzat it-taħditiet li kellna fil-Palazz Presidenzjali storiku fiċ-ċentru ta’ Varsavja. Dak iż-żmien, l-affarijiet kien għadhom qegħdin jirrealizzaw ruħhom. Konna tajna rendikont lil xulxin ta’ l-esperjenzi rispettivi tagħna tan-negozjati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea. It-triq quddiemna kienet għadha tidher twila, u f’xi mumenti, forsi anke teknikament komplessa.
Illum ħafna affarijiet laħqu l-maturità tagħhom: Malta u l-Polonja m’għadhomx aktar pajjiżi applikanti iżda prattikament Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea. Hija kwistjoni ta’ ftit ġimgħat biss qabel ma l-appuntament mad-destin tal-pajjiżi tagħna jsir realtà, data storika li se tbiddel il-mappa ta’ l-Ewropa. Din id-darba però dan it-tibdil mhuwiex ir-riżultat ta’ gwerra jew aggressjoni iżda hu kkawżat mill-volontà sovrana tal-popli; mhix kaġun ta’ politika eġemonistika iżda ispirata minn unità fid-diversità.
Fl-ewwel ta’ Mejju, il-pajjiżi tagħna se jieħdu posthom f’din il-familja Ewropea li għaliha tant ikkontribwew permezz tal-valuri, tal-kulturi u l-istorja tagħhom. Ninsabu lesti biex nikkontribwixxu attivament fil-kostruzzjoni ta’ din il-maison commune. U minn din il-perspettiva, is-Sħubija tagħna mhijiex fini fiha nfisha, iżda l-bidu ta’ era ġdida fejn permezz tas-sens ta’ appartenenza komuni, nirrealizzaw ħolma li ħadd ma kien jobsor li se titwettaq: il-ħolma ta’ fruntieri miftuħa bejn in-nazzjonijiet, il-ħolma li minn barranin nibnu rabta ta’ familja; li minn nazzjonalitajiet nibnu solidarjetà vera bejn il-popli.
Hu f’dan il-kontest, ir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi tagħna se jiġu approfonditi. Malta hija lesta biex taħdem mill-qrib mar-Repubblika tal-Polonja. Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon ninnota l-intenzjoni tal-pajjiżi tagħna li jiftħu, eventwalment, ambaxxati fil-kapitali tagħna, f’Varsavja u fil-belt Valletta. Jiena ċert li dan l-iżvilupp se jkun strumentali fit-tkattir ta’ l-attività ekonomika li għandha potenzjali kbar u li fil-mument iżda, għadhom ma ġewx sfruttati biżżejjed.
Eċċellenza,
Inti ġejt fiċ-ċentru tar-reġjun tal-Mediterran. Inti ġejt f’pajjiż li ġie determinat kemm f’kontest ġeografiku kif ukoll storiku, f’salib it-toroq ta’ ċiviltajiet. L-istorja ta’ dan l-arċipelagu hija kaledoskopju ta’ dominazzjonijiet, ta’ konflitti bejn il-potenzi għas-supremazija f’dan il-Mare Nostrum.
Din l-istorja żviluppat ġo fina komprensjoni partikolari ta’ dan ir-reġjun Ewro-Mediterranju, komprensjoni li se tgħinna fl-isforzi tagħna biex nassiguraw li r-reġjun tagħna jiġi evalwat sewwa fl-affarijiet Ewropej. Il-Mediterran huwa baħar kompless mil-lati kollha tiegħu. Huwa Baħar, li jżomm ġo fih kontradizzjonijiet, fejn reliġjonijiet ibbażati fuq l-imħabba jeżistu flimkien ma’ kruċjati u gwerer qaddisa.
Il-Mediterran jista’ jkun baħar ta’ paċi u stabbilità jew baħar li jifred popli u kulturi. Malta hija konxja tas-severità tal-konsegwenzi li din il-qasma tista’ tikkaġuna u hu propju għalhekk li pajjiżi jisħaq fuq l-interdipendenza li teżisti bejn l-Ewropa u l-Mediterran.
Il-Politika estera ta’ Malta hija fondata fuq il-prinċipji ta’ djalogu bejn il-popli tar-reġjun tagħna bl-iskop li jiġu mwittija d-differenzi u d-diviżjonijiet. Aħna nemmnu li hu fl-interess kemm tal-pajjiżi Ewropej kif ukoll dawk Mediterranji li nfittxu soluzzjonijiet bbażati fuq il-ġustizzja, il-libertà u l-iżvilupp soċjali-ekonomiku. Malta se tkompli tagħmel dak li tista’ biex tinkoraġġixxi l-komprensjoni bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran, biex tagħmel minn dan il-baħar, żona ta’ paċi u stabilità.
Hija wkoll f’din il-perspettiva li pajjiżi jemmen fis-sħiħ fl-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-kredibilità tan-Nazzjonijiet Uniti tiddependi mill-osservanza tal-prinċipji ddikjarati fil-Karta u l-konformità sħiħa mar-Riżoluzzjonijiet. Kif għidt tajjeb, Eċċellenza, fl-indirizz tiegħek lill-Millennium Summit: ‘Għandna bżonn din l-Organizzazzjoni Dinjija tagħna aktar minn qatt qabel.’
Il-Polonja wkoll tinsab f’pożizzjoni ġeografika strateġika. Miċ-ċentru ta’ l-Ewropa, pajjiżek jestendi sal-Baħar Baltiku. Illum il-Polonja saret nazzjon importanti fir-reġjun tiegħek, nazzjon li jwitti t-triq għat-tkattir tal-valuri u l-prinċipji ta’ l-Unjoni Ewropea lejn il-Lvant u ‘l hinn minnu. Il-Polonja ħallset prezz għoli għal-libertà u l-paċi. Kellha tara annessjonijiet forzati u ssofri obliterazzjoni. Hu forsi dan li ġiegħel Pollakk kbir u Papa kbir Ġwanni Pawlu II, jiddikjara lis-Sejm, il-Parlament Pollakk, li l-Polonja għandha l-obbligu morali li:
‘tagħti kontribut effettiv għall-ġid komuni tal-familja umana kollha, speċjalment billi ssaħħu l-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa’
Il-Polonja hija llum id-dar ta’ poplu kburi bl-istorja twila tiegħu, ta’ nazzjon li qed jibni fuq il-wirt Ewropew tiegħu. Ħieles mid-dell ta’ Ewropa maqsuma, pajjiżek assigura l-futur tiegħu fi ħdan Ewropa ta’ stati u popli li jikkondividu storja ta’ konflitti u gwerer, iżda aktar importanti, jaraw fir-rabta ta’ l-obbjettivi, ideali u l-koperazzjoni, futur komuni fil-paċi u l-prosperità.
Meta żort Varsavja, tajt qima lil dawk il-ħafna Pollakki li mietu jiddefendu art twelidhom kemm f’pajjiżhom kif ukoll barra. F’Malta aħna nonoraw il-fdalijiet ta’ dawk l-uffiċjali żgħażagħ Pollakki li mietu għal-libertà f’artna u jinsabu midfuna fiċ-ċimiterju militari l-Kalkara. Il-memorja tagħhom tgħix għal dejjem.
Eċċellenza,
Malta u l-Polonja tul l-istorja tagħhom ġew ifformati bl-istess spiritwalità u bl-istess tagħlim li joħroġ mill-Kattoliċeżimu li huma jħaddnu. Dan il-Kattoliċeżimu bena l-karattru tagħna, seddaqna fil-fidi u kabbrilna l-fibra morali ta’ poplu. F’dan ċertament aħna viċin xulxin.
B’dawn il-ħsibijiet, nistedinkom Eċċellenzi, Sinjuri, tixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tiegħu l-President Aleksander Kwasniewski u s-Sinjura Kwaśniewska, għall-ħbiberija bejn il-Gvernijiet u l-popli ta’ Malta u tal-Polonja, u l-futur komuni tagħna fl-Unjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en