REVIŻJONI TAL-MATSEC
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni irid li ż-żgħażagħ kollha fl-eta` ta’ sittax-il sena jiksbu ċertifikazzjoni ta’ l-iżvilupp edukattiv u l-ħiliet tagħhom wara ħdax-il sena ta’ edukazzjoni obbligatorja. Dan iċ-ċertifikat nazzjonali irid ikun rikonoxxut għal finijiet ta’ aktar studju u taħrig. Il-Ministru irid ukoll it-tibdil meħtieġ fil-livell avvanzat tal-MATSEC biex niffaċilitaw il-mira li 85% ta’ dawk fl-eta’ ta’ tnejn u għoxrin sena jiksbu xi forma ta’ edukazzjoni post-sekondarja. Ir-riforma trid iġġib magħha standards ta’ l-ogħla kwalita` u tisħiħ tal-fiduċja ta’ kulħadd f’dawn l-eżamijiet.
Dan ħabbru l-Onor. Louis Galea, Ministru tal-Edukazzjoni meta dalgħodu nieda proċess li biħ is-sistema tal-MATSEC se titpoġġa taħt il-lenti biex issir analiżi kritika u reviżjoni tas-sistema preżenti.
Is-sistema tal-MATSEC inħolqot fl-1991 bl-iskop li tissostitwixxi l-eżamijiet tal-GCE fil-livelli ordinarji (‘O’) u avvanzati (‘A’) ta’ Bordijiet mir-Renju Unit, b’sistema ta’ eżamijiet lokali mfassla għall-istudenti Maltin u Għawdxin. L-eżamijiet tal-MATSEC għandhom isegwu il-prinċipji tal-Kurrikulu Nazzjonali.
Il-Ministru Galea spjega kif gew żviluppati ż-żewġ sistemi ta’ eżamijiet. L-eżami tas-SEC (Ċertifikat ta’ Edukazzjoni Sekondarja) li kien joffri ċertifikat f’kull suġġett sal-livell li wieħed jilħaq hekk kif jispiċċa l-edukazzjoni obbligatorja. Il-Matrikola, min-naħa l-oħra, hi s-sistema li twassal lill-istudenti biex ikomplu studji f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għola, inkluż l-Universita’.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-iskop ewlieni tar-reviżjoni tal-MATSEC hu li tissaħħaħ is-sistema preżenti u li ssir aktar rilevanti għad-dinja tax-xogħol ta’ llum u ta’ għada. Il-Ministru fisser li għandu jkun ta’ sodisfazzjon għal kulħadd li s-sistema MATSEC kisbet rispett u rikonoxximent kemm lokalment, kif ukoll fuq livell internazzjonali. Madankollu issa wasal iż-żmien li ssir verifika u evalwazzjoni bl-iskop li ntejjbu dak li hemm.
Il-Ministru qal li f’dawn l-aħħar snin l-ammont ta’ kandidati li joqgħodu għall-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC, żdiedu sostanzjalment, biex minn ftit aktar minn 3,500 fl-1992, is-sena li għaddiet għamlu l-eżamijiet mal-11,000 persuna.
Louis Galea qal li l-Kurrikulu Nazzjonali tas-sena 2000, irid li s-sistema edukattiva tagħna tiżviluppa b’mod li toffri edukazzjoni ta’ kwalita` lil kulħadd skond il-bżonnijiet tax-xogħol illum. Il-Kurrikulu joffri viżjoni cara għall-edukazzjoni obbligatorja f’pajjiżna. Barra minn hekk waħda mill-miri tal-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni għall-Impjiegi hu li sal-2010, 85% taż-żgħażagħ ta’ 22 sena iridu jkun waslu sal-livell post-secondarju. Għaldaqstant hemm bżonn li naraw x’inhuma il-bżonnijiet tagħna illum, u l-istandards li rridu nilħqu.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni ħatar grupp ta’ esperti, li se jkun koordinat minn Dr. Grace Grima, u jinkludi lill-Professur Salvu Chircop, il-Professur Frank Ventura u s-Sur Ray Camilleri, Direttur tal-Kurrikulu fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Dan il-grupp mistenni jagħmel evalwazzjoni tas-sistema tal-MATSEC u jagħti r-rakkomandazzjonijiet dwar il-futur taċ-ċertifikazzjoni fil-livell sekondarju u post-sekondarju. Din ir-reviżjoni trid timxi fl-istess direzzjoni li jagħti l-Kurrikulu Nazzjonali u tkun gwidata minn dak li qed jiġri f’pajjiżi Ewropej u oħrajn.
Il-Ministru Galea ser jassigura li ssir konsultazzjoni mifruxa ma’ kull min hu involut, inkluż għalliema, kapijiet ta’ skejjel, uffiċċjali fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, l-Universita` u l-MCAST, is-setturi ekonomiċi privati u pubbliċi, kif ukoll l-Unjons. Ix-xogħol fuq din ir-riforma hu mistenni jieħu sena u nofs. Minħabba in-natura ta’ dawn l-eżamijiet, l-ebda rakkomandazzjoni li tiġi aċċettata ma tidħol fis-seħħ, jekk mhux b’avviz ta’ għal anqas sentejn. F’xi każijiet dan l-avviz ser ikun meħtieġ li jkun ta’ perjodu itwal.
Il-Ministru Galea temm jgħid li waħda mill-isfidi l-kbar hi li nagħtu edukazzjoni ta’ kwalita` lil kulħadd. Dan ifisser kwalita’ mhux biss fil-kontenut tas-suġġetti iżda fil-mod tat-tagħlim u kif nagħmlu l-eżamijiet u l-assessjar; għaliex it-tnejn jiddependu minn xulxin. “Jeħtieġ nevalwaw l-impatt ta’ l-eżamijiet fuq it-tfal tagħna, il-familji tagħhom, l-iskejjel u s-suq tax-xogħol. Irridu t-titjib li hemm bżonn fis-sistema biex il-poplu tagħna joħrog mis-sistema edukattiv b’għodod aħjar u b’ħiliet itjeb biex kulħadd jieħu sehem sħiħ fil-ħidma tas-soċjeta` u fil-frott li din iġġib magħha,” temm jgħid Louis Galea.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en