PROGRAMM TA’ TISBIEĦ GĦAL GĦAWDEX
Il-Ministeru għal Għawdex beda’ jahdem fuq programm ta’ tisbieħ għal Għawdex. Dan il-programm, li jikkonsisti f’taħwil ta’ pjanti u fjuri, kif ukoll kura tal-ġonna, soft areas u r-roundaboutsf’diversi nħawi ta’ Għawdex, huwa fdat f’idejn il-ħaddiema tas-Sezzjoni ta’ l-Afforestazzjoni u Ġonna Pubbliċi, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Il-parti l-kbira ta’ fjuri, arbuxelli u siġar li qiegħdin jintużaw sabiex jitħawlu f’roundabouts, ġonna usoft areas ta’ Għawdex qed jitkabbru fiż-żewġ mixtliet li s-sezzjoni għandha, partikularment f’serra li nbniet apposta matul din l-aħħar sena. Huwa stmat li kull sena, din is-serra tipproduċi madwar 25,000 pjanta staġjonali li jkunu tkabbru kemm miż-żerriegħa kif ukoll mill-biċċiet. Bħalissa għaddejjin ukoll il-preparamenti sabiex fi żmien qrib, titwaqqaf it-tieni serra sabiex tkompli ssaħħaħ il-produzzjoni ta’ pjanti staġjonali u oħrajn perrenni.
Dan l-aħħar, is-Sezzjoni ta’ l-Afforestazzjoni u Ġonna Pubbliċi xtrat ukoll numru ta’ pjanti li jagħtu fjuri għal aktar minn sitt xhur fis-sena sabiex isebbħu l-ambjent t’Għawdex għal perjodu relattivament itwal, filwaqt li wettqet esperimenti fit-tkabbir ta’ turf miż-żerriegħa fil-ġonna ta’ Villa Rundle, fejn ħallew riżultati tajbin ħafna. Fil-preżent kwart ta’ dan il-ġnien pubbliku huwa miksi bit-turf. Imiss issa li t-turf jibda’ jinżera’ f’diversi nħawi ta’ Għawdex.
Is-sezzjoni qed tagħmel enfasi kbira biex fejn huwa possibbi jintagħżlu flora indiġeni tal-gżejjer Maltin bħal sagħtar, xkattapitra u klin. Il-programm jinkludi wkoll iż-żbir ta’ siġar fit-toroq u fiż-żewġ imsaġar ewlenin bil-ħsieb li f’perjodu ta’ tlett snin kull siġra f’Għawdex tinżabar ta’ l-inqas darba.
Dan il-programm jinkludi ukoll l-upgrading tal-Villa Rundle fir-Rabat u tal-blokk amministrattiv tas-Sezzjoni tal-Afforestazzjoni u Ġonna Pubbliċi li jinsab fl-istess ġnien.
Il-Ministru għal Għawdex l-Onor Giovanna Debono żaret il-mixtla li din is-sezzjoni għandha fir-Rabat. Hija stqarret li dan il-programm huwa wieħed importanti ħafna għad-dehra ta’ Għawdex. Il-Ministru Debono faħħret l-inizjattiva filwaqt li tkellmet dwar l-importanza ta’ preservazzjoni ta’ ambjent nadif u attrajenti u l-impatt li dan għandu fuq it-turiżmu, industrija vital għall-gżira ta’ Għawdex. Waqt din iż-żjara hija kienet akkumpanjata mid-Direttur għall-Proġetti u Żvilupp fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en