eEUROPE+ U MALTA …. FIL-QOSOR
Fl-ahhar tal-gimgha li ghaddiet, il-Kummisjoni Ewropea ppublikat it-tieni rapport ta’progress ta’ l-‘eEurope+’. L-‘eEurope+’ huwa pjan ta’ azzjoni għall-pajjiżi kandidati għall-Unjoni Ewropea. Il-pjan, li tnieda fis-sena 2000, poġġa numru ta’ oġġettivi għat-twettiq ta’ soċjetà u ekonomija bbażati fuq it-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u l-kommunikazzjoni.
Il-Gvern f’dawn it-tlett snin, wettaq numru ta’ inizijattivi biex jilħaq il-miri ta’ l-eEurope+ u oħrajn adattati biex pajjiżna jkollu s-sisien ta’ soċjetà u ekonomija diġitali. Malta ħadet sehem attiv fil-proċess ta’ l-Europe+ mill-bidu nett ta’ dan il-proċess.
Fit-tieni rapport dwar il-progress tal-pajjizi li hadu sehem fl-Europe+, Malta żammet il-pożizzjoni tagħha fost l-aqwa pajjizi li mexjin lejn soċjetà u ekonomija bbażata fuq l-għerf u t-teknoloġija. Malta kienet klassifikata fost l-aqwa f’diversi indikaturi li juru l-progress tal-pajjiżi fil-mixja tagħhom lejn soċjetà diġitali.
Ir-rapport huwa maqsum f’numru ta’ partijiet fosthom l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, il-firda diġitali, is-sigurtà, taħriġ u kwalifikazzjonijiet, l-aċċess pubbliku għall-Internet, l-użu ta’ l-Internet, kummerċ elettroniku u Gvern elettroniku.
Ir-rapport juri biċ-ċar il-pożizzjoni ta’ l-għaxar pajjiżi li f’Mejju li ġej ser isiru membri ta’ l-Unjoni Ewropeja kif ukoll tat-tlett pajjiżi li ghadhom kandidati – ir-Rumanija, il-Bulgarija u t-Turkija.
L-Infrastruttura tat-Telekomunikazjoni
- Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi li ser jissieħbu, li rnexxielhom ibiddlu n-networks kollha taghħom f’forma diġitali. Il-pajjiżi l-oħra huma Ċipru, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovenja.
- Malta ghandha wkoll penetrazzjoni qawwija fid-djar, ta’ linji fissi tat-telefonija. 96% tad-djar Maltin għandhom linja fissa li kolla huma kapaċi jipprovdu servizzi ADSL, jigifieri tip ta’ servizz ta l-Internet broadband li jippermetti aċċess ta’ b’veloċita kbira.
- Malta għandha waħda mill-ogħla penetrazzjonijiet broadband, b’21% tad-djar għandhom aċċess għall-Internet permezz tat-teknoloġija broadband.
- Malta hija waħda mill-pajjiżi bl-akbar penetrazzjoni tat-telefonija ċellulari.
Il-Firda Diġitali
- In-numru ta’ kompjuters żdiedu fil-pajjiżi kollha li ser jissieħbu. Il-penetrazzjoni ta’ kompjuters f’Malta hija viċina għal dik ta’ Ċipru u s-Slovenja. Għas-sena 2003 Malta kellha 44 kompjuter għal kull 100 persuna.
- Kompjuter f’Malta jqum inqas minn nofs tad-dħul ta’ darba f’xahar. Dan huwa kejl interessanti hafna ghax juri li familja bid-dħul medju tista’ tixtri kompjuter b’nofs id-dhul ta’ xahar. L-istess kejl f’hafna pajjizi li deħlin fl-Ewropa juri li l-prezz ta’ kompjuter huwa perċentwali aktar għoli tad-dhul fix-xahar.
- B’49%, Malta għandha l-ogħla persentaġġ ta’ penetrazzjoni ta’ l-Internet fid-djar, fil-waqt li 58% mid-djar għandhom kompjuter. Malta ghandha penetrazzjoni ogħla mill-percentwali medja ta’ dawk li se jissieħbu fl-Unjoni.
- L-ispiża f’Malta għall-aċċess għall-Internet permezz tat-teknoloġija ‘dial-up’ hija waħda mill-orħos fl-Ewropa. Ċipru għandha l-orħos spiża għal din it-tip ta’ konnessjoni.
Sigurtà
- In-numru ta’ servers sikuri f’Malta jaqbeż il-medja Ewropea. Malta għandha wkoll l-anqas perċentwal ta’ individwi li ltaqgħu ma’ problemi ta’ sigurtà teknoloġika fost il-pajjiżi li ser jissieħbu.
- Il-pubblikazzjoni tal-Green Paper fuq l-iSpam, mill-Gvern, li tinkludi numru ta’ rakkomandazzjonijiet fuq kif għandha tiġi indirizzata l-problema, ġiet użata fir-rapport bħala eżempju ta’ ‘best practice’.
Taħriġ u Kwalifikazzjonijiet
- Malta għandha wieħed mill-ogħla percentwali ta’ kompjuters b’aċċess għall-Internet fil-livell primarju u terzjarju.
- Ir-rapport jaghmel ukoll referenza ghall-Portal Malti Schoolnet u jsemmi li l-istituzzjonijiet edukattivi kollha għandhom aċċess għall-Internet permezz tat-teknoloġija broadband, u li għalliema u studenti għandhom indirizz ta’ l-email u spazju fuq il-web għall-użu personali.
Access Publiku ghal-Internet
- Ir-rapport ifaħħar l-inizjattiva tal-Gvern li jinstalla numru ta’ webphones fl-irħula u l-ibliet madwar il-pajjiż. Il-webphones jipprovdu aċċess kontinwu għall-Internet u huma mgħammra b’software apposta għall-protezzjoni minn kontenut illegali u dak li jista’ jkun ta’ dannu ghat-tfal.
- Malta hija wahda mill-aktar pajjizi bl-akbar numru ta’ ‘public Internet access points’ għal kull 100 persuna. L-Estonja għandha l-ikbar numru ta’ public Internet access points.
L-Użu ta’ l-Internet
- Il-programm ‘myWeb’ huwa mniżżel bħala eżempju ta’ best practice biex jiżdied l-għarfien fit-teknoloġija u biex tingħeleb il-firda diġitali.
- L-aċċess għall-Internet mid-dar huwa l-ewwel preferenza mill-Maltin.
- L-ikbar użu ta’ l-Internet mill-Maltin isir għall-fini ta’ komunikazzjoni, imbagħad għall-fini ta’ riċerka u wara ghall-fini ta’ divertiment u fl-aħħar għal servizzi bankarji elettroniċi.
Kummerc Elettroniku
- Il-konsumaturi Maltin qed jużaw aktar l-Internet biex ifittxu fuq il-prodotti, kif turi ċ-ċifra ta’ 67% mill-popolazzjoni, li hija ikbar mill-medja tal-pajjiżi li ser jissieħbu. Iżda, simili għall-pajjiżi l-oħra Ewropej il-perċentwali tal-konsumaturi li jagħmlu t-tranżazzjonijiet tagħhom ‘on line’ għadu relattivament baxx. 14% tal-poplu Malti biss ghamel tranżazzjonijiet permezz ta’ l-Internet.
- Malta qegħda mal-pajjiżi bl-akbar penetrazzjoni ta’ Internet fost l-intrapriżi. Malta għandha wkoll l-ogħla perċentwal ta’ intrapriżi b’website. Iż-żewġ ċifri huma akbar mill-medja tal-pajjiżi kandidati u li ser jissieħbu.
- Malta tista’ tiftaħar bil-perċentwal ta’ intrapriżi li għamlu x-xiri tagħhom ‘on line’ matul l-2002. Bi 22% ta’ dawn l-intrapriżi ssegwi r-Repubblika Ċeka li għandha l-ogħla perċentwal ta’ 32%.
Gvern Elettroniku
- L-avvanz fil-proviżjoni tas-servizzi pubbliċi ‘on line’ issemma wkoll fir-rapport. Il-Gvern Malti għandu 13-il servizz elettroniku mill-20 servizz li jagħmlu parti mill-oġġettiv ta’ l-eEurope għall-Gvern Elettroniku. Is-sistema eletronika ġdida tal-passaporti, li ser titnieda fil-ġimgħat li ġejjin hija msemmija bħala best practice li pajjiżi Ewropej oħra għandhom jimitaw. Ir-rapport jgħid ukoll li l-Estonja, Malta u l-Polonja huma l-aktar pajjizi li għamlu żvillup f’dan is-settur.
- Malta għandha wkoll l-ogħla persentaġġ ta’ intrapriżi li jikkomunikaw mal-Gvern permezz ta’ l-Internet. Dan huwa kkunsidrat bħala riżultat tal-perċentwali għolja ta’ intrapriżi Maltin li għandhom aċċess għall-Internet.
L-Użu ta’ l-Internet
- Il-prezz ta’ kompjuter ma jidhirx li huwa ta’ ostaklu għall-użu tat-teknoloġija f’Malta, minħabba l-fatt li 2% biss mill-popolazzjoni taħseb li dan jostakolhom milli jużaw l-kompjuter. L-anqas ma jidher li l-prezzijiet ta’ konnessjoni għall-Internet huwa ta’ ostaklu, għaliex 3% biss stqarrew li dan huwa l-ostaklu maġġuri għalihom. Iż-żewġ ċifri, li huma taħt il-medja tal-pajjiżi li ser jissieħbu, juru li dawn iż-żewġ indikaturi m’humiex l-akbar kontributuri għall-firda diġitali f’Malta.Ikkumparati mall-pajjiżi l-oħra Ewropej, il-Maltin qed jakkwistaw il-kapaċitajiet neċessarji, minħabba li 11% biss minn dawk intervistati qalu li n-nuqqas ta’ għarfien fuq kif tuża l-kompjuter huwa l-ikbar ostaklu mill-użu ta’ l-Internet.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en