Left arrow Go Back

AKTAR MINN £30,000 F’DONAZZJONI GĦALL-FONDAZZJONI GĦAL SERVIZZI EDUKATTIVI

PR26
Date Icon 13/01/2004

L-HSBC Group għażel lill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (Foundation for Educational Services - FES) bħala waħda minn sitt organizzazjonijiet mid-dinja kollha li se jingħataw appoġġ fis-sena 2004.  Iċ-Chairman tal-HSBC Group is-Sir John Bond informa personalment liċ-Chief Executive tal-FES is-Sinjura Nora Macelli f’ittra li kienet preżentata lilha miċ-Chief Executive tal-HSBC f’Malta is-Sur Chris Hothersall.  L-Ittra ingħatat fil-preżenza tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor.  Louis Galea. 

Kull Sena, minflok jintbgħatu kartolini tal-Milied, l-HSBC Group jalloka l-ammont ta’ £180,000 li jingħataw lil diversi organizzazjonijiet madwar id-dinja.  Din is-sena intgħażlu sitt organizzazjonijiet, fosthom l-FES li se jingħataw £30,000 kull wieħed.  L-organizzazjonijiet l-oħra li intgħażlu huma: ‘Changing Faces’, ‘The Samaritans’ u ‘John Groom li huma ibbażati fir-Renju Unit; ‘Fundacion Amistad Britanico’ li tinsab fil-Messiku; u Fond li twaqqaf mill-HSBC fit-Turkija għall-vittmi ta’ attakki terroristiċi. 

Waqt il-Preżentazzjoni tad-donazzjoni, is-Sur Chris Hothersall qal li l-ħidma li twettaq l-FES f’kollaborazzjoni mal-HSBC Cares for Children Fund ġibdet l-attenzjoni tal-HSBC Group bħala eżempju tajjeb ta’ kif l-HSBC jista jkun involut b’mod attiv fl-iżvilupp tal-komunitajiet fejn jopera l-bank.  Hu qal li bid-donazzjoni li kienet qed tingħata lill-FES, l-HSBC kienet qed tirrikonoxxi dan il-fatt, u qed tgħin biex il-Fondazzjoni tkompli bil-ħidma tagħha kontra l-illitteriżmu. 

L-‘HSBC Cares For Children Fund’ bdiet tagħti l-appoġġ tagħha lill-FES f’Marzu ta’ l-2001 fejn ingħataw Lm12,000 biex iseħħ il-proġett Ħilti Teżor.  Dan il-proġett kien jinvolvi taħriġ ta’ l-impjegati ta’ l-HSBC biex jgħinu lill-FES fil-programm ta’ wara l-ħin ta’ l-iskola li twettaq f’diversi skejjel. Permezz ta’ dan il-proġett ukoll kienu ppublikati diversi kotba kemm għall-programmi tal-FES kif ukoll biex jinqraw mit-tfal fosthom l-ewwel ‘Big Book’ bil-Malti f’pajjiżna.  Permezz tal-fondi li issa ser jingħataw mill-HSBC Group, il-Fondazzjoni se tkun tista tkompli tiżviluppa u tespandi l-programmi tagħha favur il-litteriżmu.

Is-Sinjura Nora Macelli qalet li tliet snin ilu, Dame Mary Richardson, li tmexxi l-Fondazzjoni Edukattiva tal-HSBC Group, ġiet Malta biex tniedi l-proġett tal-FES Ħilti Teżor.  Minn dak iż-żmien Dame Richardson kompliet turi interess qawwi fil-ħidma tal-Fondazzjoni.  Is-Sinjura Macelli qalet li l-fondi li issa qed jingħataw mill-HSBC Group se jkomplu jgħinu lill-familji u lit-tfal Maltin u Għawdxin li għandhom diffikultajiet fil-qari u fil-kitba.

L-HSBC Cares for Children Fund, inizjattiva tal-bank HSBC f’Malta, ingħatat ħafna attenzjoni f’diversi artikli fil-publikazzjoni interna tal-HSBC li titqassam f’aktar minn 9,500 uffiċju li għandhu l-Bank fid-dinja kollha.  Il-fond ibbenefika mill-interess personali ta’ Lady Elizabeth Bond li dan l-aħħar kienet f’pajjiżna biex iżżur diversi inizjattivi li għandhom l-appoġġ tal-Fond ta’ l-HSBC. 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li l-HSBC qed jagħti l-appoġġ tiegħu lil diversi inizjattivi edukattivi u tul dawn l-aħħar snin flimkien mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni żviluppa u implimenta inizjattivi importanti għal ġid tal-familji Maltin.  Hu qal li bil-fondi li issa qed talloka l-HSBC Group din il-kollaborazzjoni tista tkompli tiżdied.  Il-Ministru qal li fil-kollaborazzjoni li hemm bejn l-HSBC u l-FES kulħadd qed jibbenefika.  Hu semma inizjattiva li twettqet tul is-sena li għaddiet fejn l-HSBC ikkommissjona u ta l-fondi biex jitwettaq proġett edukattiv biex jittejjeb il-livell ta’ l-Ingliż fost it-tfal li qiegħdin f’djar residensjali.  Il-proġett imsejjaħ ‘English for Children in Care’ kien ta’ għajnuna għal madwar 45 tifel u tifla f’żewġ istituzzjonijiet u kien jinvolvi metodi ġodda u innovattivi ta’ tagħlim. 

Louis Galea qal li meta kien ħoloq il-Fondazzjoni għall-Servizzi Edukattivi kien xtaq jara li l-Fondazzjoni mhux biss jirnexxiela tkun ta’ appoġġ edukattiv għall-iskejjel u għat-tfal iżda li tkun pro-attiva u tikseb l-appoġġ ta’ kumpaniji u istituzzjonijiet oħrajn kemm f’Malta kif ukoll fuq livell internazzjonali u reġjonali għall-iżvilupp edukattiv ta’ kull qasam ta’ l-edukazzjoni.  Il-Ministru Galea qal li l-FES fil-fatt irnexxiela tikseb l-appoġġ tal-HSBC kif ukoll ta’ l-Unjoni Ewropeja fost oħrajn.  L-UE għażlet il-proġett PEFaL tal-FES u allokat eluf ta’ liri biex dan il-proġett iseħħ.  Il-Proġett PEFaL hu wieħed mill-proġetti tal-FES biex jitjieb il-litteriżmu fost il-familji.  Dan il-proġett qed jitmexxa minn Malta u jinvolvi diversi pajjiżi mill-UE.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow