200 GĦALLIEM JIEĦDU L-WARRANT
“Sa l-aħħar ta’ din is-sena jeħtieg li nikkonkludu d-diskussjoni fuq ir-riforma meħtieġa fl-iskejjel tal-Gvern. Il-Ministeru qed jimmira li f’Settembru 2005 ikun intlaħaq ftehim bejn kulħadd dwar sistema ġdida kif ikunu organizzati u mmexxija dawn l-iskejjel. Minflok kull skola tibqa` taħdem għal rasha, ser isiru gruppi ta’ skejjel minsuġa flimkien (school clusters), b’kull grupp ikollu status legali, aktar awtonomija u aktar appoġġ għall-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri.”
Dan ħabbru l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea meta qassam il-Warrant Permanenti lil 200 għalliema ġodda fis-Sala Boffa f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Il-Ministru Galea beda biex qal li fid-dinja tal-lum l-edukazzjoni mhux biss hi ċ-ċavetta ta’ kull futur iżda hi l-mutur, il-qalb, li trid tiġġenera kull żvilupp. Huwa għalhekk li l-edukazzjoni hi l-fus li madwarha jridu jinbnew il-politika u l-istrateġija f’kull qasam tal-ħajja tal-bniedem. Dan hu xi jfissru l-frazijiet ‘Knowledge Society’ u ‘Knowledge Economy’. “Dan ipoġġi sfidi u potenzjal ġdid quddiem il-ġenituri, l-għalliema, u l-edukaturi kollha.”
Il-Ministru Galea fisser li tul din il-leġislatura is-sistema edukattiv trid tiġi riġenerata u aġġornata kompletament. “Fis-snin li għaddew sar ħafna xogħol li diġa` qed jagħti riżultati tajbin. Iżda fadal ħafna x’isir biex edukazzjoni ta’ kwalita` tasal għand kull tifel u tifla u tkun il-kisba tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Louis Galea qal li l-għalliema għandhom sehem speċjali xi jwettqu biex Malta tagħmel l-aqwa suċċess mis-sħubija tagħha fl-ispazju il-ġdid ta’ l-Unjoni Ewropeja. Huwa qal li l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni qed jaħdem biex jagħmel mill-iskejjel tal-gvern skejjel ta’ l-ogħla kwalita` f’kull aspett. Fi żmien qasir ser ikun finalizzat il-pjan strateġiku tal-bini u l-immodernizzar ta’ l-iskejjel tal-gvern. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada diġa` wettqet xogħol importanti u qed tkompli tissaħħah biex tilħaq il-miri tal-Gvern kemm jista` jkun malajr. “Ambjent sabiħ ta’ skola b’faċilitajiet, għodda u tagħmir moderni huma fost l-ingredjenti meħtieġa biex tfal u studenti iħossuhom ferħanin u motivati għat-tagħlim.”
Il-Ministru fisser li riforma kbira li qed jaħdem fuqha hija organizazzjoni u tmexxija differenti ta’ l-iskejjel tal-Gvern. Huwa qal li jrid li l-iskejjel jaħdmu aktar flimkien fl-interess ta’ l-istudenti. Għalhekk qed titfassal proposta għad-diskussjoni biex l-iskejjel primarji u sekondarji jiġu minsuġa fi gruppi (school clusters) biex tinħoloq bażi fattibli għal aktar deċentralizazzjoni u awtonomija. Kull grupp ta’ skejjel ser jorganizza aħjar ir-riżorsi umani amministrattivi, it-teknoloġija ta’ l-informatika, u jassigura appoġġi speċjali għat-tagħlim, għall-iżvilupp tal-persuna, u għal diffikultajiet soċjali u psikoloġiċi li jistgħu jiltaqgħu magħhom it-tfal u l-għalliema.
Louis Galea qal ukoll li dalwaqt jibda djalogu ma’ kulħadd dwar strateġija nazzjonali għal Tagħlim Tul il-Ħajja (Life Long Learning) li qed tipproponi avvanzi fil-mod kif inħarsu lejn l-edukazzjoni. “Illum qed nifhmu li rridu nibdew il-proċess tat-tagħlim hekk kif jitwieldu it-tfal u mhux nistennew sa’ l-eta` ta’ tliet snin meta jibdew il-Kindergarten. It-tagħlim irid ukoll jinfirex b’mod kontinwu fost l-adulti u l-anzjani, b’emfasi specjali fost in-nisa.”
Il-Ministru Galea temm jgħid li huwa jrid jirringrazzja lill-għalliema u lill-MUT għall-kontribut li qed jagħmlu biex iseħħ l-iżvilupp meħtieġ fl-edukazzjoni. “Dan hu l-aqwa kontribut li jista` jsir favur l-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien tax-xogħol, u s-suċċess ta’ Malta fl-UE.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en