Left arrow Go Back

AKTAR TITJIRIET LEJN MALTA MINN 14 IL-KUMPANNIJA TA’ L-AJRU

PR255
Date Icon 29/02/2004

Meta kien qed jipprezenta l-premjijiet lil dawk li waslu l-ewwel fil-BMW Malta Marathon u Hal Marathon , il -Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Francis Zammit Dimech ħabbar li erbatax-il kumpanija ta’ l-ajru kienu se joperaw titjiriet ġodda, jew iżidu t-titjiriet tagħhom lejn Malta matul din is-sena.

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li anke jekk marġinalment, in-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna f’Jannar kien akbar minn dak ta’ Jannar tas-sena l-oħra, li wkoll kien wera żieda fuq l-2002. Hu qal li dan kollu jikkonferma l-previżjonijiet tal-Gvern u tas-settur turistiku li t-turiżmu f’Malta kien mistenni jibda jirpilja f’din is-sena.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-lista ta’ kumpaniji ta’ l-ajru barranin li kienu mistennija jibdew joperaw lejn Malta , jew iżidu n-numru ta’ titjiriet lejn pajjiżna, kienet waħda li tatina kuraġġ:

·     LUFTHANSA se joperaw erba’ titjiriet fil-ġimgħa bejn Stuttgart u Malta minn April sa’        Ottubru.

·     AUSTRIAN AIRLINES se topera żewġ titjiriet chartered bejn April u Ottubru, li jitilgħu għal tlieta f’Lulju u Awissu.

·     GERMANIA se topera ħames titjiriet fil-ġimgħa għal Frosch Touristik.

·     SNOWFLAKE SAS se topera żewġ titjiriet fil-ġimgħa minn Stokkolma u titjira oħra fil-ġimgħa minn Copenhagen .

·     SAS (Charter) se topera titjira fil-ġimgħa minn Stokkolma u Gothenburg bejn April u Ottubru. Hu mistenni li l-istess kumpannija topera titjira oħra minn Oslo u Malmo fl-istess xhur.

·     AIR POLONIA se topera titjira fil-ġimgħa minn Varsavja.

·     EU JET se topera servizz fil-ġimgħa minn Shannon Airport .

·     LUXAIR żiedu is-servizz minn Lussimburgu minn titjira għal tnejn fil-ġimgħa.

·     SPANAIR se tibda topera żewġ titjiriet fil-ġimgħa bejn Lulju u Settembru, waħda minnMadrid u l-oħra minn Barcelona .

·     BRITISH AIRWAYS (GB AIR) se jżidu titjira fil-ġimgħa mill-ajruport ta’ Gatwick biex hekk ikabbru l-iskeda tagħhom għal 12-il titjira fil-ġimgħa.

·     AEROFLOT se jżidu titjira fil-ġimgħa bejn Moska u Malta .

·     AER LINGUS se joperaw titjira fil-ġimgħa bejn Dublin u Malta minn Mejju sa’ Ottubru.

·     EURALAIR se topera titjira fil-ġimgħa minn Pariġi bejn April u Ottubru.

·     EXCEL AIRWAYS se jkollha żewġ titjiriet ġodda minn Londra u Manchester bejn Lulju u Ottubru.  

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li sadattant MY TRAVEL ikkonfermaw li kienu se jibdew l-operazzjoni tagħhom ‘cruise and fly’ f’April b’żewġ giti li jibdew u jispiċċaw Malta, filwaqt li bejn Mejju u Settembru, dawn se jiżdiedu għal erba’.  Hu qal li kien infurmat li MY TRAVEL kellhom rispons tajjeb għall-programm tagħhom ta’ cruises u l-bookings kienu nkoraġġanti. Il-kumpanija se topera sitt titjiriet bl-ajru kull nhar ta’ Ħadd, bil-possibilta’ li testendihom għal tmienja. Is-settur turistiku, li kien il-mutur ewlieni ta’ l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiż, kien għaddej minn żminijiet interessanti. Hu awgura li kulħadd jagħti sehemhu biex dan is-settur jikber u jaqla’ aktar flus għall-pajjiż.  

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-attivitajiet sportivi wkoll kienu jikkontribwixxu biex jikber u jissaħħaħ is-settur turistiku. Hu qal li kien hemm attivitajiet li kienu jinvolvu direttament barranin, li jiġu apposta f’pajjiżna biex jissuktaw bl-attivitajiet sportivi tagħhom. Dan  fi żmien meta t-temp f’pajjiżhom ma jkunx tajjeb, u ghalhekk, attivitajiet li kienu jsiru għall-Maltin u l-barranin, bħalma hija  l-BMW MaltaMarathon , huma wkoll ta’ attrazzjoni turistika.  

Din il-maratona kienet tattira ’l fuq minn 600 parteċipant, fosthom  madwar 300 barrani, l-aktar mill-Ġermanja u l-Ingilterra li minbarra li kienu jieħdu sehem, kien ikollhom ukoll l-okkażjoni li jiskopru lil Malta billi tul ir-rotta tal-maratona jgħaddu minn postijiet storiċi u b’xenarju mill-isbaħ. Hu qal li anke attivitajiet bħal dawn kienu jgħinu biex intejjbu l-prodott li noffru u biex nattiraw aktar turisti lejn pajjiżna.  

Francis Zammit Dimech qal li ried jifraħ lir-rebbieħa tal-BMW MaltaMarathom u tal-Half Marathonkif ukoll lill-parteċipanti kollha f’din il-maratona. Hu qal li ried jirringrazzja lill-isponsors kollha, lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, u  lill-organizzaturi. Hu qal li mingħajr l-appoġġ u l-ħidma  ta’ dawn kollha  attivita’ bħal din ma setgħetx tiġi organizzata.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow