Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-FTUĦ TAĊ-ĊENTRU APPOĠĠ FIL-GWARDAMANGIA - IL-ĠIMGĦA 27 TA’ FRAR 2004

PR248
Date Icon 27/02/2004

Meta kont inawgurajt il-Kumpless Vajrita għal persuni b’diżabilità kont għidt li, l-effettività ta’ kull Gvern, hi marbuta ma’ kemm il-Gvern jirnexxilu jwieżen lil dawk li fis-soċjetà jeħtieġu l-għajnuna. Jekk irridu npoġġu fil-prattika l-prinċipju tal-Ġustizzja Soċjali, allura rridu nħaddmu politika soċjali li tiżgura li kulħadd ikollu l-opportunità li jipparteċipa b’mod sħiħ fil-ħajja soċjali ta’ pajjiżna. 

Biex dan isir, pajjiżna żviluppa diversi istituzzjonijiet u servizzi, kemm tal-Gvern u kemm dawk ta’ għaqdiet mhux Governattivi.  L-Aġenzija APPOĠĠ hi ċertament fil-qalba tal-ħidma soċjali f’pajjiżna speċjalment f’dawk is-servizzi favur it-tfal u dawk li jieħdu ħsiebhom.  Għalhekk huwa pjaċir tiegħi li nkun hawn illum, ninawgura dan il-post ġdid li jilqa’ fih diversi persuni fosthom tfal li jirrikjedu appoġġ soċjali. 

Dan il-post huwa s-simbolu tas-Solidarjetà Maltija fl-aqwa tagħha.  Is-soċjetà Maltija hi msawra fuq diversi valuri iżda forsi l-aktar li jispikkaw huma l-interess ġenwin f’dawk li jeħtieġu għajnuna u l-impenn biex intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ min għandu xi diżabilità jew kundizzjoni oħra.  Dawn huma valuri li jispikkaw fis-soċjetà tagħna u bla dubju kienu fost il-valuri li l-aktar li kkontribwew għall-iżvilupp ta’ pajjiżna anke dak ekonomiku.  Dawn il-valuri sawru mhux biss kuxjenza soċjali fil-poplu tagħna iżda kienu strumentali biex f’pajjiżna niggarantixxu l-paċi u l-progress.  

Illum hu evidenti li l-progress ekonomiku u dak soċjali jimxu id f’id għaliex ma jistax ikun hemm wieħed mingħajr l-ieħor.  Għalhekk il-Gvern dejjem ħaseb li fil-miżuri li jieħu, fl-investimenti li jagħmel u fil-prijoritajiet li jistabbilixxi, iżomm bilanċ bejn it-tnejn biex kulħadd f’pajjiżna jkun inkluż. 

Jiena nieħu din l-okkażjoni biex insellem lill-ħaddiema kollha li jaħdmu f’dan il-qasam, mhux biss ħaddiema ta’ l-APPOĠĠ iżda lill-ħaddiema kollha tas-settur soċjali f’pajjiżna.  Nirrikonoxxi li x-xogħol li twettqu mhux wieħed faċli.  Nifraħ lill-ħaddiema ta’ l-APPOĠĠ li bl-impenn tagħhom, waslu għal ħafna żviluppi importanti, fosthom il-ftuħ ta’ dan il-post. 

Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li qed nitkellem fil-preżenza ta’ dawn it-tfal kollha għaliex is-solidarjetà tibda miċ-ċokon. Is-servizzi għat-tfal u għal min jieħu ħsiebhom huma parti mill-ħidma tas-soċjetà Maltija sabiex tassigura d-drittijiet tat-tfal, fosthom id-dritt għall-familja, id-dritt li tgħix f’ambjent san u d-dritt li tkun kuntent.  Inħossni sodisfatt meta nara t-tfal fiċ-ċentru tal-politika soċjali f’pajjiżna għaliex mhux biss hekk hu sewwa u xieraq, iżda wkoll għaliex dan jawgura tajjeb għall-futur ta’ pajjiżna. 

Għalhekk huwa l-pjaċir tiegħi li niddikjara dan il-post uffiċjalment miftuħ.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow