PASS ‘L QUDDIEM LEJN KOSTA AKTAR NADIFA GHAL GHAWDEX
Waħda mill-inizjattivi mportanti li dan il-Gvern qiegħed jaħdem fuqha bħalissa hija il-master plan tad-drenaġġ għal gzejjer Maltin.
Għal Għawdex, dan il-proġett ifisser l-egħluq ta’ l-outfalls f’San Blas, (limiti tan-Nadur) u Wied il-Mielaħ, (limiti ta’ l-Għarb) u l-kostruzzjoni ta’ impjant għat-trattament tad-drenaġġ f’Ras il-Ħobż (limiti tax-Xewkija). Dan il-proġett ser jassigura li fis-snin li ġejjin l-kosta kollha ta’ Għawdex tkun waħda nadifa.
Dan l-impjant ser iwassal biex id-drenagg kollu ta’ Għawdex ikun trattat qabel ma jintrema. B’hekk Għawdex jigi konformi kemm mal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kwalita’ tal-ilma, kif ukoll biex jigu onorati obligazzjonijiet reġjonali u internazzjonali fosthom il-konvenzjoni ta’ Barċellona. Dan il-progett ser iwassal biex titjieb b’mod sostanzjali l-kwalita’ tal-baħar madwar il-kosta kollha ta’ Għawdex, għall-gid ta’ l-ambjent naturali kif ukoll it-turizmu f’Għawdex.
Il-Progett jinvolvi l-bini ta’ l–impjant innifsu, triq ġdida li twassal għal dan l-impjant, kif ukoll ġibjun kbir li fih jinħażen l-ilma li jipproduċi l-impjant. Dan l-ilma ikun jista’ jintuża’ għal xi oqsma fl-industrija ta’ l-agrikoltura.
Is-sejħa għall-offerti għall-bini ta’ l-impjant ħarġet u huwa mistenni li l-bini jinbeda aktar tard matul is-sena wara li l-MEPA tapprova l-pjanti kif sottomessi. Huwa mistenni li l-impjat jibda jiffunzjona fil-bidu tas-sena 2006.
B’konnessjoni ma’ dan il-proġett, matul dawn l-aħħar ħames snin twettaq xogħol ta’ estensjoni u titjib fis-sistema tad-drenaġġ fl-irħula kollha ta’ Għawdex fejn saru xogħlijiet fuq pumping stations u tqiegħdu rising mains u pompi ġodda. B’hekk giet imtejba is-sistema kollha tad-drenaġġ f’Għawdex filwaqt li qegħda tiġi ppreparata biex taqdi il-funzjonijiet neċessarji fir-rigard tal-impjant tad-drenaġġ. Saru xogħlijiet f’diversi inħawi madwar il-gżira Għawdxija. Bħalissa qegħdin jitkomplew ix-xogħlijiet fiż-żona magħrufa bħala San Blas fin-Nadur li ser iwasslu għall-egħluq ta’ l-outfall f’din iz-zona. Dawn jigu fi tmiemhom bil-bini ta’ pumping station u l-kisi ta’ triq San Blas. Qegħdin ukoll jitħejjew il-pjanijiet għall-egħluq ta’ l-outfall ta’ Wied il-Mielaħ.
Meta d-Direttur Generali fid-Direttorat għat-Tkabbir ta’ l-Unjoni Eworpea żar Ras il-Ħobz fejn ser jinbena l-impjat, f’Mejju tas-sena 2002, huwa kien ikkonferma li l-Unjoni Ewropea hija konxja mill-problemi partikolari tal-gżira Għawdxija u għalhekk hija lesta sabiex tgħin u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ Għawdex. Fil-fatt l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ, li huwa stmat li ser jiswa’ madwar 8.5 Miljun Ewro, 50% minnhom jiġifieri Lm1.7 miljun, ser jingħataw lilna mill-fond ta’ pre-adezjoni ta’ Unjoni Ewropea. Ta’ min jinnota li dan huwa l-uniku proġett infrastrutturali li l-Unjoni Ewropea qed tiffinanzja f’Malta permezz tal-fond ta’ pre-adesjoni.
L-Onor. Giovanna Debono Ministru għal Għawdex stqarret li dan il-proġett ser itejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta’ kull min jgħix f’Għawdex. Huwa mistenni wkoll li ser jiġi reġistrat titjib fl-industrija tat-turizmu permezz tat-titjib f’dak hekk imsejjah il-prodott ‘Għawdex’. Hija qalet li hija sodisfatta bir-ritmu tax-xogħol u l-progress li ġie reġistrat s’issa li jawguraw tajjeb għat-tlestija ta’ dan il-progett kif ppjanat.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en