APPROVAT MILL-M.E.P.A. L-BINI MILL-ĠDID TAL-VILLAĠĠ TA’ L-ARTIĠJANAT F’TA’ QALI
Il-bieraħ it-Tnejn 12 ta’ Jannar 2004, il-MEPA approvat l-iżvilupp għall-bini mill-ġdid tal-Villaġġ ta’ l-Artiġjanat f’Ta’ Qali u l-ġonna tal-madwar.
Dan il-proċess t’applikazzjoni għall-iżvilupp komprensiv jinkludi s-servizzi kollha infrastrutturali u l-bini ta’ aktar minn 87 plot u t-toroq kollha meħtieġa fil-Villaġġ ta’ l-Artiġjanat.
It-talba għal dan il-permess kien proċess ta‘ simplifikazzjoni kemm għall-Gvern li ħa r-responsabbilita’ ta’ l-ippjanar, kif ukoll għall-istess sidien tal-plots, li kollha ffrankaw il-ħin u l-ispejjeż konessi mat-talba ta’ żvilupp u l-pjanta tal-plots.
Għall-MEPA, din it-talba ta’ żvilupp kienet ukoll eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni fejn saret applikazzjoni waħda u kienet kontinwament ittrattata bħala applikazzjoni unika. B’hekk minkejja li xorta waħda kien hemm xi ftit ta’ dewmien, il-MEPA iffrankat ħafna żmien fil-verifikazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, u ġie evitat għal kollox kull inkonvenjent għas-sidien, li kieku kien ikollhom joqogħdu japplikaw individwalment.
Li kieku din l-applikazzjoni ma saretx b’dan il-mod, fil-MEPA kienu jidħlu mas-87 applikazzjoni għal 87 binja differenti, li kienu jdumu ferm aktar biex jiġu pproċessati, milli ħadet din l-applikazzjoni.
Hekk kif kien ġie mwiegħed, issa jistgħu jibdew jiġu ffirmati l-konvenji mis-sidien fuq l-allokazzjonijiet il-ġodda.
F’Konferenza Stampa li kien ta ftit tal-jiem ilu, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo, kien żvela li ħafna mix-xogħol kien lest, u kien qed jistenna biss il-permess tal-MEPA, sabiex minn l-għada stess jibda l-proċess ta’ l-iffirmar tal-konvenji fuq is-siti l-ġodda. Dawk kollha li ser jiġu allokati spazju f’dan il-Villaġġ, qed jiġu offruti kuntratti ta’ ċens ghal 65 sena.
Fil-fatt, kif kien ġie mwiegħed, wara li l-bieraħ ħareġ il-permess mill-MEPA, illum f’inqas minn 24 siegħa wara, bdew jinġabru l-kopji tal-konvenji mis-sidien li ser joperaw minn dan il-Villaġġ.
Madwar 87 sid qed jiltaqgħu individwalment u personalment mas-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo sabiex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa, u jipproċedu għall-fażi ta’ l-iffirmar tal-kuntratt.
Hekk kif jispiċċa dan il-proċess, ikun jista’ jinħareġ it-tender għall-offerti ta’ ċens għall-art biswit dan il-Villaġġ u jkun jista’ jibda’ l-iżvilupp.
Ta’ min isemmi wkoll li t-tenants bejniethom ukoll iffrankaw mal-Lm120,000 Building Development Fee, li ġiet ukoll imħallsa mill-Gvern.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en