IT-TAXXA FUQ IMPORTAZZJONI FUQ IL-PRODOTTI TA’ L-IKEL SER TITNEĦĦA B’EFFETT MILL-1 TA’ MEJJU 2004
Il-Gvern permezz ta’ Avviz Legali numru 100 tas-sena 2004, qed jikkonferma d-deċiżjoni tiegħu, li tħabbret fid-diskors ta’ l-aħħar Budget, rigward it-tneħħija tal-levies li baqa’ fuq l-importazzjoni tal-prodotti ta’ l-ikel u x-xorb.
Din it-taxxa fuq l-importazzjoni, magħrufa aħjar bħala levy kienet iddaħħlet mill-Gvern bl-iskop li l-produzzjoni tal-prodotti lokali tkun protetta. Din il-protezzjoni kienet tingħata permezz ta’ taxxa li l-importatur kien iħallas lid-Dwana fuq il-prodotti mpurtati. Din it-taxxa kienet tkun riflessa wkoll fil-prezz li jħallas il-konsumatur.
Hekk, permezz ta’ din it-taxxa (li kienet tgħolli l-prezz tal-prodott impurtat), kienet effettivament qed tgħin biex il-prodott impurtat ikun għola mill-prodott manifatturat lokalment, u dan kellu jwassal biex il-konsumatur jippreferi li jixtri l-prodott lokali minn dak barrani, li kellu l-prezz tiegħu għola mill-prodott lokali. Is-sena li għaddiet, id-dħul għall-Gvern minn din it-taxxa, li hija magħrufa bħala levy, kien mas-7 miljun lira.
Dan l-Avviż Legali qed ikun ippubblikat issa, qabel ma jidhol fis-seħħ, proprju biex is-settur kummerċjali jkollu l-konferma u s-serħan tal-moħħ rigward id-data ta’ meta attwalment din il-levy ser tkun imneħħija, u hekk, kull importatur ikun jista’ jagħmel il-kalkoli tiegħu u jippjana l-importazzjoni tiegħu aħjar.
La darba titneħħa din il-levy, qed nistennew li naraw roħs fil-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti. Dan ir-roħs għandu jkun riżultat dirett tat-tneħħija ta’ din it-taxxa, li issa ser ikun qed joffri opportunita’ aħjar lill-importatur biex joħroġ prezz irħas għall-prodotti tiegħu, billi issa ser ikollhom ‘cost price’ irħas milli jiswew fil-preżent. Dan ir-roħs ser jkompli jwassal biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni fis-suq, fejn il-konsumatur ser ikun jista’ jixtri l-istess prodotti ta’ llum bi prezz irħas.
F’dan il-kuntest, il-Gvern ser jara li r-roħs fil-prezzijiet li huwa dovut direttament għat-tneħħija tal-levies, isir. Il-Gvern ser jiggarantixxi li jinvestiga kull każ fejn jista’ jsir ftehim ta’ prezz bejn importaturi bil-għan li l-prezzijiet ma jonqsux. Għalhekk wara l-ewwel ta’ Mejju, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta ser tkun qed tissorvelja s-suq u tassigura li l-liġijiet tal-kompetizzjoni jkunu qegħdin jaħdmu biex dan ir-roħs ikun rifless fil-prezz finali li l-konsumatur qed iħallas.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en