Left arrow Go Back

€1 MILJUN F’GĦAJNUNA MILL-UNJONI EWROPEA GĦALL-IŻVILUPP RURALI TA’ PAJJIŻNA

PR225
Date Icon 23/02/2004

Waqt in-negozjati għal-sħubija fl-Unjoni Ewropea, l-Gvern Malti rnexxielu jiskeb pakkett ta’ għajnuniet għall-iżvilupp rurali ta’ pajjiżna. DIN L-GĦAJNUNA TLAĦĦAQ IL-€1 MILJUN U L-FLUS ĠEJJIN KOLLHA MINN FONDI EWROPEJ BĦALA GRANTS TA’ QABEL IS-SĦUBIJA.

Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li matulha ta aktar dettalji dwar żewġ skemi ġodda. Parti minn din l-għajnuna qed tingħata għat-twaqqif ta’ Skema għar-Restawr ta’ Ħitan tas-Sejjieħ ta’ Lqugħ u hemm allokati €850,000 għal din l-iskema. Is-somma ta’ €150,000 hi allokata bħala għajnuna għat-twaqqif u t-tisħieħ ta’ Għaqdiet tal-Produtturi.

George Pullicino qal li l-iskema għar-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ ta’ lqugħ għandha l-iskop li ġġib ‘il quddiem il-ħarsien, il-manteniment u t-tisbiħ ta’ l-ambjent rurali tradizzjonali taż-żoni kollha tal-gżejjer Maltin. Il-bdiewa ser jingħataw fondi ta’ għajnuna skond obbligi u kriterji sabiex jintlaħaq dan l-iskop.

Hu qal li l-iskop ġenerali ta' l-iskema l-oħra huwa li jgħin lis-setturi kollha ta' l-agrikoltura Maltija fit-twaqqif u t-tisħieħ ta' Għaqdiet tal-Produtturi. Dawn jikkonsistu f’għaqdiet ta' bdiewa jew raħħala li jaħdmu flimkien, biex jipproduċu prodotti agrikoli ta' kwalita’ aħjar u b'inqas spejjeż, isibu swieq ġodda u b'hekk iżidu l-bejgħ tagħhom.

Il-Ministru George Pullicino fakkar fil-ħidma li għaddej biha l-Ministeru biex jassigura l-aħjar vantaġġi għas-settur agrikolu ta’ pajjiżna. Minkejja s-sħubija imminenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, l-Ministeru għadu għaddej bin-negozjati. Hu fakkar li fil-jiem li għaddew kienet akkwistata deroga li permezz tagħha l-bdiewa Maltin se jibbenefikaw minn għajnuna ta’ madwar €4 miljuni fuq perjodu ta’ disa’ snin meta jagħżlu li jserrħu r-raba’ tagħhom b’mod volontarju.

In-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea għadhom għaddejjin ukoll f’oqsma oħrajn, bħalma huma l-klawsola ta’ salvagwardja u t-tikketti ta’ l-inbid.

Intant, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ħejja wkoll fuljetti u spots għat-televiżjoni biex jagħtu aktar informazzjoni dwar dawn l-iskemi.

Għal aktar informazzjoni u fuljetti bit-tagħrif wieħed għandu jirrikorri fl-uffiċċji tad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura fl-Għammieri, Haż-Żabbar, il-Mosta, is-Siġġiewi, ir-Rabat u fl-uffiċċju t’Għawdex. Wieħed jista’ wkoll iċempel lid-Diviżjoni tas-Servizzi Agrikoli fuq in-numru 2590 4169.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow