IMWAQQAF IL-KUMITAT REĠJONALI GĦALL-PROĠETTI F’GĦAWDEX
Il-Ministeru għal Għawdex laqqa’ r-rappreżentanti kollha ta’ organizzazzjonijiet Għawdxin li jaħdmu għal żvilupp fil-qasam soċjali, ekonomiku u kulturali tal-gżira t’Għawdex flimkien ma’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet oħra nazzjonali sabiex il-Ġimgħa waqqaf uffiċjalment il-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti f’Għawdex għall-perijodu 2004-2006.
Il-Kumitat Regjonali għall-Proġetti f’Għawdex huwa kompost minn rappreżentant tal-kunsilli lokali t’Għawdex, tal-Gozo Business Chamber, tal-Gozo Tourism Association, ta’ l-operaturi fl-industrija ta’ l-artiġġjanat, tal-Gozo University Group, tal-koperattivi fil-qasam agrikolu u sajd, tal-Kunsill għall-Għaqdiet mhux Governattivi, li flimkien maċ-Chairperson, Deputy Chairperson u d-Direttur responsabbli għall-Affarijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jiffurmaw il-core group bi dritt tal-vot.
Il-Kumitat Regjonali ghall-Progetti f’Għawdex jinkludi wkoll membri ad hoc: rappreżentant tal-Managing Authority, tlett rappreżentanti tal-Ministeru għal Għawdex li jservu bħala membri ex ufficio, kif ukoll rapprezentant tal-Malta Environment and Planning Authority (MEPA), Malta Tourism Authority (MTA), Awtorita’ Dwar it-Trasport (ADT), Malta Enterprise, Water Services Corporation(WSC), Enemalta Corporation, Maltacom plc, Malta Maritime Authority, Employment and Training Corporation (ETC), Gozo Channel Co Ltd flimkien ma’ rappreżentant mit-Trade Unions.
Il-Kumitat Reġjonali ghall-Proġetti f’Għawdex huwa responsabbli mill-għazla tal-proġetti kollha li jsiru f’Għawdex taħt il-Fondi Strutturali (€8.5miljun). Dan il-kumitat irid jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ l-istess proġetti u miżuri filwaqt li jidentifika kriterji ta’ selezzjoni taħt il-prijoritajiet l-oħra.
Waqt diskors introduttiv, il-Ministru għal Ghawdex, l-Onor Giovanna Debono, Chairperson tal-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti f’Għawdex tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ dan il-kumitat u l-funżjoni tiegħu għall-perijodu 2004-2006. Hija fakkret kif it-twaqqif tal-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti hu akkwist partikolari għall-gżira li Għawdex irnexxielu jikseb waqt il-perijodu ta’ negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ akkwisti oħra fosthom id-Dikjarazzjoni dwar Għawdex annessa mat-Trattat ta’ Sħubija, u l-Prijorita’ ta’ Għawdex fid-Dokument Uniku ta’ Programmar (SPD). Dan kollu jfisser trattament speċjali u partikolari għal Għawdex mill-Unjoni Ewropea li kienet lesta li tagħmel eċċezzjonijiet uniċi għal Għawdex bħal fil-każ tal-Prijorita’ ġeografika u t-twaqqif ta’ l-istess Kumitat Reġjonali għall-Proġetti f’Għawdex.
Il-Ministru Debono spjegat kif minkejja li l-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti f’Għawdex twaqqaf uffiċjalment il-Ġimgħa 20 ta’ Frar, il-Ministeru għal Għawdex kien ilu jaħdem flimkien ma’ l-istess organizzazzjonijiet sabiex identifika l-ħtiġijiet partikolari ta’ Għawdex. Il-Ministru Debono fakkret kif il-Ministeru għal Għawdex iltaqa’ u ddiskuta ma’ l-organizzazzjonijiet rappreżentanti f’dan il-Kumitat waqt it-tfassil ta’ l-iSpecial Needs Assessment Study – studju li ġie kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tindividwalizza l-ħtiġijiet partikolari ta’ Għawdex u tirrakkomanda miżuri adegwati sabiex dawn jiġu ndirizzati bl-aħjar mod possibbli. Il-Ministru għal Għawdex spjegat kif il-Ministeru tagħha ħadem matul din l-aħħar sena sabiex ipprepara dak kollu meħtieġ sabiex fit-18 ta’ Marzu jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għall-kofinanzjament għall-proġetti f’Għawdex ibbażati fuq il-ħtiġijiet u l-miżuri elenkati fl-iSpecial Needs Assessment Study.
Il-Ministru għal Għawdex spjegat ukoll li madankollu, il-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti, fil-fakulta’ tiegħu li jipproponi l-kriterji ta’ selezzjoni għall-proġetti taħt il-Prijorita’ ta’ Għawdex, jista’ jibdel l-għażla ta’ proġetti individwalizzati mill-Ministeru għal Għawdex jekk jidhrilu li l-bżonnijiet partikolari ta’ Għawdex għandhom prijoritajiet oħra. Il-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti approva b’mod unanimu l-għażla tal-Ministeru għal Għawdex sabiex jitwettqu proġetti infrastrutturali u miżuri għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani taħt il-Fondi Strutturali. Il-proġetti għal Għawdex b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea jinkludu l-kostruzzjoni ta’ Training Hotel fil-Qala, Decompression Chamber fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, il-kreazzjoni ta’ iktar siti artifiċjali għall-għaddasa f’Għawdex u l-kostruzzjoni mill-ġdid ta’ diversi toroq f’Għawdex, fost l-oħrajn.
Il-Ministru għal Għawdex stiednet lill-membri tal-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti sabiex jikkonsultaw ma’ l-għaqda jew assoċjazzjoni rispettiva tagħhom u jressqu proposti ġodda, b’mod partikolari anke taħt il-prijoritajiet u l-miżuri l-oħra mhux marbuta b’mod speċifiku ma’ Għawdex. Hija spjegat kif l-istaff tal-Ministeru għal Għawdex lest li joffri kull għajnuna possibbli sabiex jimtlew l-applikazzjonijiet bl-aħjar mod sabiex Għawdex jiggwadanja minn kull opportunita’ li teżisti.
Il-Ministru Debono saħqet fuq l-importanza u r-responsabilita’ li għandhom il-membri ta’ dan il-kumitat fir-rigward ta’ l-iżvilupp ta’ Għawdex għas-snin li ġejjin. Għawdex, minn issa ’l quddiem, ser jgħaddi minn esperjenza ġdida li s-suċċess tagħha jiddependi ħafna wkoll fuq il-ħidma tal-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti.
Il-Ministru għal Għawdex irringrazzjat lill-membri kollha li aċċettaw li joqgħodu fuq dan il-kumitat filwaqt li awgurat iktar ħidma b’rizq Għawdex u l-Għawdxin. Hija appellat sabiex ilkoll flimkien jibqgħu jaħdmu sabiex Għawdex ikun aħjar milli hu llum. Hija rringrazzjat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lil Ronald Gallimore, Kap tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, tas-sostenn li dejjem taw lil Għawdex sabiex irnexxielu jasal sa dan il-mument storiku u b’fiduċja kbira jkompli jħares ’il quddiem.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en