XOGĦOL TA’ RESTAWR FIL-KNISJA TAL-VITTORJA
Bħalissa fil-Knisja tal-Madonna tal-Vittorja fil-belt Valletta, qiegħed jitwettaq wieħed mill-proġetti prinċipali li qed jagħmel il-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta, fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Waqt li kien qed iżur dan il-proġett, il-Ministru ghar-Rizorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit, spjega li dan il-proġett għandu diversi fażijiet u x-xogħol fuqu miexi b’ritmu mgħaġġel ħafna. It-tlett fażijiet tar-restawr tal-Knisja tal-Vittorja jinkludu r-Restawr tal-faċċata, ir-Restawr tal-Pittura kif ukoll ir-Restawr tal-Bust, li hemm fil-faċċata tal-knisja.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li filwaqt li bħalissa qed isir ir-restawr ta’ parti kbira tal-faċċata, diġa` ġie finaliżżat ir-restawr fuq il-faċċata tad-Dar Parrokjali ta’ din il-knisja, kif ukoll il-kampnar; liema proġett huwa stmat madwar Lm15,000. Ninu Zammit kompla jispjega li l-faċċata kellha diversi problemi fosthom li kienet estetikament kerha minħabba s-swidija kaġunata mit-tniġġis u problemi oħra relatati ma’ żmien.
Rigward it-tieni fażi jiġifieri l-proġett ta' restawr tal-pittura, il-Ministru Zammit qal li din il-fażi qegħda titkompla b’restawr delikat u partikolari, wara li fil-passat din il-pittura kien sarilha restawr ħazin. Il-pittura kienet tinsab ukoll fi stat ħażin minħabba l-ammont ta’ umdita` li hemm fil-knisja. Dan ir-restawr qiegħed isir bl-għajnuna tal-Courtauld Institute of Art ta’ l-Universita' ta' Londra kif ukoll bl-għajnuna tal-kumpanija PriceWaterhouseCoopers li offrew finanzjament għal parti ta’ dan il-proġett.
Il-Ministru Zammit ta dettalji wkoll dwar ir-restawr ta' bust tal-bronz u rħam tal-faċċata ta’ din il-knisja. Dan il-proġett li issa tlesta, sar minn Sante Guido b’nefqa ta' Lm8,000. Ġie spjegat li dan il-bust huwa wieħed importanti ħafna u ta’ ċertu preġju, tant, li ġie deċiż li ssir kopja tiegħu ħalli l-oriġinal jitpoġġa f'Mużew jew fil-knisja stess. L-investiment totali fuq dan il-proġett li mistenni jieħu ammont ta’ snin, hu stmat li jlaħħaq madwar Lm75, 000.
Ninu Zammit faħħar l-impenn kontinwu tal-Valletta Rehabilitation Project li bħalissa b’koordinament mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura għaddejja bi proġetti oħra fil-Belt, fosthom il-proġett tal-Barrakka ta’ Fuq, ir-restawr tal-Palazz tal-President, kif ukoll ir-restawr ta’ diversi opri fil-Knisja tal-Ġizwiti.
Intant, preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Koordinatur Ezekuttiv tal-VRP, Dr. Ray Bondin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en