LAQGĦA MA’ L-UFFIĊJALI TAL-G.R.T.U.
“Sabiex nagħmlu l-bidliet meħtieġa, kemm fiċ-ċivil kif ukoll fost dawk li qegħdin fin-negozju, ħafna ser ikun jiddependi minnkom. L-għaqdiet li jirrappreżentaw lil min qiegħed fin-negozju ser ikollhom jgħaddu minn tibdil fil-mentalita’. Intom għad tridu ssiru parti mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Għandna ħafna x’inbiddlu, irridu nibdew nagħmlu l-politika flimkien, nikkonsultaw u nieħdu deċiżjonijiet u naraw li nrażżnu l-burokrazija żejda. Xejn m’hu ser jinbidel minn lejl għal nhar, iżda rridu nibdew naħdmu.” Dawn kienu l-kummenti li permezz tagħhom, il-Ministru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi, l-Onor. John Dalli beda l-laqgħa tiegħu ma’ l-uffiċjali ġodda tal-GRTU.
Il-Ministru Dalli kompla jghid li: “Jiena mpenjat li nara illi fil-Ministeru tagħna nibdew dan il-proċess. Jiena għandi fiduċja li ’l quddiem, dan il-proċess għandu jkun l-eżempju li permezz tiegħu, Dipartimenti u Awtoritajiet oħra jintebħu li l-konsultazzjoni fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tgħin biex id-deċiżjonijiet meħuda jkunu mill-aktar effiċjenti u bl-inqas impatt negattiv fuq min qiegħed fin-negozju.
Fil-Ministeru bdejna eżerċizzju fejn qegħdin nitgħallmu mill-esperjenza, iżda impenjati li naslu, li jkollna proċess li jgħaddi kull talba ta’ bidla f’tariffi li jkunu mitluba minn entitajiet oħra, mill-għarbiel ta’ eżerċizzju ta’ “impact assessment”. Dan qed nagħmlu biex nara li kull avviż legali li napprova bħala Ministru tal-Finanzi ma jkunx jolqot negattivament lil min qiegħed fin-negozju.”
Il-Ministru Dalli tkellem ukoll dwar il-ġejjieni tal-kummerċ f’pajjiżna. ”Dawn li qed insemmi huma bidliet li jidhru żgħar, iżda emmnuni li l-effett tagħhom huwa pożittiv għal min qiegħed fin-negozju u ser jagħmel bidla għat-tajjeb. Meta taħdmu intom u nies li tirrapreżentaw, inkunu qed noħolqu mpjiegi ġodda. Inkunu qegħdin insaħħu l-ekonomija tagħna u meta jikber il-ġid li kapaċi noħolqu flimkien, allura l-Ministeru tal-Finanzi jkun jista’ jqassam aktar għall-edukazzjoni, l-politika soċjali u s-servizzi nfrastrutturali.”
Din il-laqgħa għalqet bi kliem ta’ awguri għall-ħidma fejjieda b’risq l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż. “Jien nemmen f’kummerċ organizzat. F’aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ iżda mhux liberalizzazzjoni tal-valuri. Is-suq għandu jitħalla ħieles. Is-suq isuq, iżda min qed jaħdem fis-suq għandu jkollu min jagħtih direzzjoni” temm jgħid il-Ministru Dalli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en