ŻIEDA TA’ SERVIZZI DIRETTI BL-AJRU BEJN IL-ĠERMANJA U MALTA
Meta l-Ministru għat-Turiżmu, l-Onor. Francis Zammit Dimech kien qed iżur il-Lukanda Juliani f’San Ġiljan, huwa ħabbar li l-kumpannija Ġermaniża Lufthansa se tniedi servizz dirett minn Stuttgart għal Malta mill-aħħar ta’ Marzu sa Ottubru ta’ din is-sena. Hu qal li dan is-servizz se jiġi operat erba’ darbiet fil-ġimgħa: it-Tlieta, il-Erbgħa, il-Ħamis u s-Sibt.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li din kienet operazzjoni kompletament ġdida mill-kumpannija Lufthansau se tnaqqas xi ftit mill-pressjoni li hemm fuq ir-rotta ta’ kuljum Franfurt-Malta li hi patronizzata ħafna tul is-sajf kollu. Il-linja ta’ l-ajru Lauda Air ukoll se topera tliet titjiriet fil-ġimgħa minn Vjenna għal Malta dan is-Sajf.
Francis Zammit Dimech qal li għas-settur turistiku, dawn kienu aħbarijiet tajba għaliex ma jistax jikber in-numru ta’ turisti li jżuruna jekk ma jkunx hemm il-postijiet fuq l-ajruplani. Hu qal li t-turiżmu mill-Ġermanja f’dawn l-aħħar snin ħa daqqa kbira. Hu qal li minn peak ta’ 212,430 turist fl-1999, is-suq Ġermaniż niżel għal 204,749 fl-2000, 160,262 fl-2001, 142,106 fl-2002 u 125,811 is-sena l-oħra. Hu qal li dan kien nuqqas ta’ 86,619 jew 40.8 fil-mija.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li jidher li s-suq Ġermaniż issa kien qed jirpilja. Hu fakkar li f’Diċembru li għadda kien hemm żieda ta’ 7.1 fil-mija fuq in-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna fl-istess xahar is-sena ta’ qabel.
Fakkar ukoll li Dietmer Gunz, flimkien ma’ azzjonisti oħra, xtara mill-ġdid l-ishma tal-FTI minn Airtours plc. Il-Ministru qal li Gunz tant għandu fiduċja fis-suq Malta illi f’Diċembru li għadda, nieda l-brochures tas-sajf tal-Frosch Touristik f’Malta, fejn ġab 770 aġent ta’ l-ivvjaġġar mill-Ġermanja u l-Awstrja. Kollox jindika li l-bejgħ għal Malta mill-FTI tjieb.
Francis Zammit Dimech qal li l-lukandi 4 Star kienu qasam importanti tas-settur turistiku Malti. Hu qal li ried jirringrazzja lill-imprendituri Maltin tal-fiduċja li għandhom fis-settur turistiku. Hu qal li bħalissa hemm tmien proġetti ta’ lukandi 4 Star li seba’ minnhom qed jitwettqu, filwaqt li x-xogħol fuq oħra mistenni jibda f’qasir żmien. Hu qal li dawn il-proġetti jinvolvu investiment ta’ Lm36 miljun.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li wara tliet snin li matulhom is-settur turistiku naqqas, jekk nahdmu lkoll flimkien u bil-ghaqal, jista’ jkun hemm żminijiet interessanti li fih naraw dan is-settur jirpilja billi, mhux biss jiżdied in-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna, iżda wkoll id-dħul.
Francis Zammit Dimech qal li l-indikazzjonijiet huma li mis-sajf li ġej is-settur turistiku se jieħu xejra ahjar. Hu ħeġġeġ lil-lukandiera u lil dawk kollha li jmexxu ristoranti u stabbilimenti marbuta mas-settur turistiku biex jagħtu l-aħjar servizz għaliex m’hemmx riklam akbar minn dak li, min iżurna, jmur lura u jitkellem tajjeb dwar pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en