DISKORS MILL-ONOR. JOHN DALLI, MINISTRU TAL-FINANZI U AFFARIJEIT EKONOMICI WAQT PREZENTAZZJONI TA’ CERTIFIKATI LIL PARTECIPANTI LI ATTENDEW GHAL ‘GENERAL FINANCIAL AND COST MANAGING ACCOUNTING COURSE’ – IL-BELT VALLETTA – 18 TA’ FRAR 2004
Ftit taż-żmien ilu, il-Gvern ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jimplimenta l-metodoloġija ta’ l-Accrual Accounting fil-Ministeri. Biex din-ix-xewqa tinbidel f'realta', twaqqfet Task Force, li l-funzjoni ewlenija tagħha hija li tħares il-proċess ta' implimentazzjoni ta' l-Accrual Accounting u tassigura li l-bidla għal metodoloġija l-ġdida ta' Accrual Accounting, issir mingħajr wisq diffikultajiet.
Fil-present il-metodoloġija finanzjarja li jħaddan il-Gvern hija bbażata fuq dik li tissejjaħ cash based accounting. Dan ifisser li bħalissa l-metodoloġija tiffoka l-aktar fuq id-dħul jew il-ħrug ta' flus. Għalhekk, kunċetti bħal debtor and creditor managementdepreciation u asset replacement planning qed jingħataw importanza sekondarja.
L-accrual accounting jipprovdi stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern, u informazzjoni estensiva biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet kumplessi mill-Gvern. Għaldaqstant f'dawn l-aħħar għaxar snin żdiedu ħafna l-pajjizi membri ta' l-OECD li mplimentaw l-accrual accounting. Pajjiżi li diġa bdew jimplimentaw l-accrual accounting jinkludu: ir-Renju Unit, Svezja, l-Istati Uniti, il-Germanja, l-Irlanda, l-Olanda, l-Awstralia, New Zealand, Izlanda, il-Kanada, u l-Finlandja fost oħrajn. Il-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea wkoll ħabbret l-intenzjoni tagħha li timplimenta l-metodoloġija tal-accrual accounting sas-sena 2005 biex tassigura l-aħjar metodi fit-tmexxija finanzjarja tagħha.
L-Accrual Accounting hija l-metodoloġija wżata fis-settur privat. Hija bażata fuq erba' stqarrijiet finanzjarji ewlenin li jinkludu: rendikont tal-posizzjoni finanzjarja (financial position), rendikont ta' xogħol finanzjarju (financial performance), rendikont ta' tibdil fl-assi/equity, u l-cash flow statement. L-accrual accounting tenfasizza l-asset management u l-użu effettiv tar-risorsi, tmexxija dinamika tad-debituri u kredituri, u management effettiv tal-cashflow u tinkorpora kunċetti bħal depriciation, distinzjoni bejn self u dħul, u ppjanar ta’ tibdil ta’ assi.
L-introduzzjoni ta' l-accrual accounting hija bidla kbira fil-mod kif jiġi amministrat ix-xogħol finanzjarju tal-Gvern. Din ir-riforma se tinfirex ‘l hinn mill-Ministeri u Dipartimenti, u se jkollha mpatt qawwi fuq kif kull Dipartiment se jamministra l-finanzi tiegħu minn jum għal jum. L-accrual accounting hija għoddali tgħin u tiffaċilita l-funzjoni finanzjarja.
L-għanijiet ewlenin tagħna huma mmirati lejn implimentazzjoni ta' proċeduri maniġerjali professjonali fid-Dipartimenti, li jipprovdu mekkanizmu li jassigura li l-posizzjoni finanzjarja tal-Gvern tintwera bl-aktar mod realistiku, u tiġi mkejla l-ħidma finanzjarja ta’ kull dipartiment tal-Gvern. Dawn l-għanijiet jgħinuna biex tizdied l-accountability fis-settur pubbliku. Dan billi jkollna mekkanizmu ta' kontroll finanzjarju ħafna aħjar, u jipprovdi mezzi kif tpaċi l-ispiża mal-valur miksub, b'hekk jiġi ffaċilitat il-business planning u tbassir finazjarju fuq medda twila ta' żmien.
Minn mindu l-Gvern waqqaf it-Task Force, saru numru ta' kisbiet importanti li jinkludu l-Malta Government Accounting Standards, kif meħtieġ skond l-International Accounting Standards.
Id-Dipartimenti kollha tal-Gvern kif ukoll entitajiet Governattivi oħra jkunu jridu jimxu fuq dawn l-standards malli tiġi implimentata l-accrual accounting.Dawn l-standards jiddefinixxu l-prinċipju ta' kontabilità, regoli u proċeduri dwar kif għandhom jiġu trattati transazzjonijiet ġenerati mid-Dipartimenti tal-Gvern. Il-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi mplimenta wkoll proċeduri dwar kunċetti oħra tal-accrual accounting, bħal proċeduri rigward Asset Management, proċeduri fuq management ta’ Debituri u Kredituri, Cash Management u proċeduri dwar Prepayments & Accruals.
Bħalissa qed jiġu ppreparati wkoll proċeduri rigward Stock Control, li mistennija jiġu mplimentati fi ftit taż-żmien ieħor. Dawn il-proċeduri kollha jiffurmaw il-bażi tal-metodoloġija ta’ l-accrual accounting u huma maħsuba biex jagħtu stampa aktar ċara tal-qagħda finanzjarja. Il-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi ħa wkoll miżuri leġislattivi sabiex l-accounting standards u proċeduri oħra jidħlu fis-seħħ permezz ta’ avviż legali.
Iżda l-implientazzjoni ta’ dawn il-kunċetti kollha tal-kontabilità fid-Dipartimenti tal-Gvern ma tistax tkun possibli mingħajr l-impenn tal-ħaddiema taċ-Ċivil li huma nvoluti fl-aspett finanzjarju. It-taħriġ f’dan il-qasam huwa wieħed mill-aspetti l-aktar importanti fil-pjan ta’ implimentazzjoni, l-ewwelnett peress li tinħtieġ bidla totali fil-kultura tax-xogħol u t-tieni għaliex il-metodoloġija tal-accrual accounting tinħtieġ nies imħarġa tajjeb f’dan il-qasam. Sentejn ilu l-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi nieda program ta’ taħriġ, mifrux fuq medda ta’ tmintax-il xahar, għall-impjegati tal-Gvern involuti fil-qasam tal-kontabilità.
Huwa l-pjaċir tiegħi llum li nqassam ċertifikati lil dawk il-parteċipanti li komplew b’suċċess l-ewwel wieħed minn dawn il-programmi ta’ taħriġ, li kien ibbażat fuq is-sillabu ta’ l-“A” level tal-Matsec. It-tieni programm ta’ taħriġ għadu għaddej u mistenni li jispiċċa lejn nofs din is-sena. Il-Gvern jagħraf il-ħtieġa li l-impjegati tiegħu ikollhom taħriġ adegwat biex b’hekk is-servizz pubbliku jkun jista’ jilqa l-isfidi li l-pajjiż se jkollu fil-futur. Għal dan il-għan qed jitħejja programm ta’ taħriġ professjonali fit-tul fil-kontabilità biex jiġi assigurat li d-Dipartimenti tal-Gvern ikollhom ħaddiema kompetenti u ta’ livell mixtieq f’dan il-qasam.
Hija ħaġa naturali u mportanti ħafna li d-Dipartiment tat-Teżor jiġi ristrutturat u provdut b’impjegati professjonali biex ikun assigurat li t-transazzjonijiet jiġu pproċessati skond l-aqwa metodi mitluba f’dan il-qasam, b’hekk joħroġ proċess normali ta’ xogħol u aktar importanti jkollna min jinterpreta r-rapporti finanzjarji b’mod aktar intelliġenti. Barra minn hekk, f’Mejju ta’ din is-sena l-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi se joħroġ sejħa għall-offerti biex tinxtara sistema ta’ l-accrual accounting li jkollha l-għodda neċessarja li tgħin fi tmexxija aħjar tal-finanzi tal-Gvern.
Huwa maħsub li l-metodoloġija tal-accrual accounting fil-Gvern tiġi mplimentata sas-sena 2005. Ix-xogħol kollu ta’ preparazzjoni u l-proċessi li għad iridu jsiru se jwasslu biex tiġi ffaċilitata l-bidla għall-metodoloġija l-ġdida u jgħinu biex jinkisbu rizultati mmedjati. L-Accrual Accounting hija għodda oħra mportanti biex tgħin lill-Gvern jiffaċċa realtajiet ġodda, u tipprovdi bażi soda biex inkunu nistgħu nilqgħu l-isfidi finanzjarji fil-ġejjieni.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en