AĠĠUSTAMENT FIN-NOLLIJIET TAS-SERVIZZ TAT-TRASPORT PUBBLIKU BI SKEDA F’MALTA U GĦAWDEX
B’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, ser isir aġġustament fin-nollijiet tat-trasport pubbliku bi skeda f’Malta u f’Għawdex.
Din il-bidla fin-nollijiet qed issir bħala parti mir-riforma sabiex is-servizz tat-trasport pubbliku jsir wieħed verament sostenibbli. L-aħħar aġġustament li kien sar fin-nollijiet tas-servizz f’Malta seħħ fl-1998 filwaqt li f’Għawdex l-aħħar aġġustament kien sar fis-sena 2000.
Minkejja li minn dak iż-żmien kienu ngħataw diversi żidiet għall-għoli tal-ħajja filwaqt li għola konsiderevolment il-prezz tal-fuel, il-Gvern dejjem assorba dawn l-ispejjeż hu. Dan wassal għal sitwazzjoni fejn il-Gvern qiegħed effettivament jissussidja is-servizz anke meta dan ikun użat mit-turisti. L-ispiża totali tal-Gvern fuq sussidju sabiex it-trasport pubbliku bi skeda jopera kif mistenni fis-sena 2004 laħħqet iż-Lm 2 miljuni. Hija x-xewqa tal-Gvern li l-finanzjament allokat għat-trasport pubbliku ma jmurx biss fuq l-operat tas-servizz iżda wkoll sabiex isir investiment kapitali sabiex is-servizz jitjieb u jiġi modernizzat.
Għal dan il-għan, esperti barranin diġà ġew ingaġġati mill-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta biex fil-bidu tas-sena d-dieħla jiġu Malta sabiex iħejju studju li għandu jindirizza numru ta’ issues fosthom id-daqs tal-flotta, il-policy dwar il-bdil tal-karrozzi tal-linja, is-sistema tar-rotot, l-infrastruttura (eż. it-termini reġjonali), kif ukoll l-immodernizzar tas-sistema in ġenerali.
Fil-każ ta’ Malta, din ir-riforma bdiet ftit tax-xhur ilu bi ftehim li ntlaħaq bejn l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta u l-Assoċazzjoni tat-Trasport Pubbliku. Dan il-ftehim wassal biex jidħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri ta’ kontabilità bħall-kodiċi ta’ dixxiplina u l-operator’s logbook. Dawn għandhom l-għan li jtejjbu s-servizz provdut f’dak li għandu x’jaqsam ma’ puntwalità, effiċenza, imġieba tax-xufiera u manutenzjoni tal-karrozzi tal-linja
Miżura oħra li daħlet aktar kmieni din is-sena kienet l-introduzzjoni ta’ rotot ċirkolari ġodda mmirati l-aktar lejn l-istudenti ta’ l-Università.
Ta’ min isemmi li fil-bidliet imħabbra qed jiġi mħares l-aspett soċjali peress li n-nollijiet il-ġodda m’humiex ser jaffettwaw ’l-anzjani. L-anqas m’huma ser jeffettwaw lill-istudenti speċjalment dawk li qed jagħmlu użu mir-rotot il-ġodda lejn l-Università.
Għall-ewwel darba wkoll, studenti ta’ bejn is-16 u t-18 -il sena li m’humiex intotolati għal stipendju ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pass apposta għall-istudenti li jinħareġ mill-awtoritajiet. Dan il-pass qabel kien japplika biss għal studenti sa sittax-il sena.
Barra minhekk, il-ġenituri ta’ tfal bejn it-3 u l-10 snin li jagħmlu użu minn servizzi speċjali (ez. għat-trade fair u Ta’ Qali) u anke servizzi express ukoll ser igawdu minn din il-bidla fin-nollijiet. Fil-fatt, fejn qabel it-tfal ta’ bejn dawn l-etajiet kienu jħallsu daqs adult, issa saru arranġamenti biex dawn iħallsu ferm inqas.
Rigward il-bdil fin-nollijiet fis-servizz bi skeda t’ Għawdex, dan l-aġġustament qed jintrabat ma’ titjib fir-rotot eżistenti kif ukoll ma’ ftehim li għandu jintlaħaq u jiġi ffirmat fl-aħħar ta’ Jannar tas-sena d-dieħla. Dan il-ftehim ser ikun ibbażat fuq il-prinċipji miġbura fil-ftehim li kien iffirmat f’Malta aktar kmieni din is-sena.
Barra minhekk, l-aġġustament fin-nollijiet qed jintrabat ukoll ma’ studju li ser jeżamina s-sitwazzjoni preżenti f’Għawdex filwaqt illi jistabbilixxi l-bżonnijiet ġodda sabiex jitjieb is-servizz in ġenerali.
Għalhekk, in-nollijiet il-ġodda b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005 ser ikunu kif indikat hawn taħt:
MALTA
Fare stage wieħed
15ċ adulti
10ċ tfal
Żona waħda
20ċ adulti
15ċ tfal
Żewg Żoni
23ċ adulti
15ċ tfal
Tlett Żoni
25ċ adulti
15ċ tfal
Anzjani
10ċ
Servizzi Speċjali
25ċ adulti w anzjani
15ċ tfal
Express (Dirett)
50ċ adulti w anzjani
25ċ tfal
Studenti li għandhom fil-pussess tagħhom il-bus pass iħallsu 40ċ fuq rotot 453 u 475 BISS.
Rotot ċirkulari/diretti sa l-Universita’
30ċ
Rotot ċirkulari/diretti sa Tas-Sliema/ Paċeville etċ
35ċ
Parti biss mir-rotot ċirkulari/diretti sa l-Universita’
20ċ
Biljett għal ġurnata
Lm 1.50
Biljett għal tlett ijiem
Lm 4.00
Biljett għal ħamest ijiem
Lm 5.00
Biljett għal sebat ijiem
Lm 6.00
GĦAWDEX
Għal kull traġitt fl-istess belt jew raħal
7ċ
Għal kull traġitt bejn bliet u rħula differenti
20ċ
Għal kull traġitt b’ rotta diretta minn Victoria sa Dwejra u mid-Dwejra għal Victoria, u minn Victoria sar-Ramla l-Ħamra u mir-Ramla l-Ħamra sa Victoria
35ċ
Għal kull traġitt fil-jiem kollha tal-gimgħa minbarra l-Ħdud u l-festi pubbliċi għall-passiġġieri kollha li jużaw it-trasport pubbliku bejn il-5.30 a.m. u t-8 a.m. kif ukoll għall-ħaddiema tal-Qasam Industrijali tax-Xewkija bejn il-3.45 p.m. u l-4.15 p.m.
13ċ
(Dan in-noll jista’ jiġi rivedut aktar ‘il quddiem wara li jsiru studji fuq dan is-servizz in partikolari.)
Għal kull traġitt li jsir minn persuni residenti Għawdex li jkunu f’ pussess ta’ dikjarazzjoni neċessarja maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex li dik il-persuna tkun taħdem jew tistudja Malta, għal kull traġitt mill-Mġarr għal Victoria bejn l-4 p.m. u s-6 p.m. bejn il-15 ta’ Settembru u t-30 ta’ Ġunju u bejn is-2 p.m. u l-4 p.m. fil-ġranet l-oħra kollha.
15ċ
Tfal bejn l-eta ta’ 3 snin u 10 snin iħallsu
10ċ
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946