Left arrow Mur Lura

TNEĦĦIJA TA’ ĊERTU KWOTI TA’ L-IMPORTAZZJONI FL-2005 – MIŻURI TRANSIZZJONALI

PR1959
Date Icon 27/12/2004

IL-PAJJIŻI LI M’HUMIEX MEMBRI TAL-WTO JIBQGĦU SOĠĠETTI GĦALL-KWOTI  

Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, jixtieq ifakkar lill-importaturi kollha li numru ta’ kwoti fuq l-importazzjoni ser jitneħħew mill-1 ta’ Jannar 2005.  It-Trade Services Directorate fi ħdan id-Diviżjoni għall-Kummerċ diġa’ tat din l-informazzjoni fil-bidu ta’ Novembru 2004, u din l-informazzjoni qiegħda terġa’ tingħata llum biex tirrispondi lil dawk l-importaturi li forsi għad għandhom xi mistoqsijiet dwar dawn il-kwoti.  

Fl-1 ta’ Mejju 2004, ġew introdotti kwoti temporanji fuq l-importazzjoni ta’ ċertu prodotti minn pajjiżi ta’ barra l-Unjoni Ewropea.  Il-parti l-kbira ta’ dawn il-kwoti ser jitneħħew mill-1 ta’ Jannar 2005, filwaqt li ċerti kwoti ta’ importazzjoni minn pajjiżi li m’humiex membri fil-World Trade Organisation (WTO) ser jibqgħu fis-seħħ.  

Żraben, ċeramika u porċellana:

Il-kwoti fuq iż-żraben, ċeramika u porċellana mportati miċ-Ċina ser jitneħħew mill-1 ta’ Jannar 2005.  It-tneħħija ta’ dawn il-kwoti ser issir fuq dawk il-prodotti li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni wara l- 1 ta’ Jannar 2005.  Jiġifieri jekk l-importatur jippreżenta d-dokumenti tad-Dwana wara l-1 ta’ Jannar 2005, dawn il-prodotti ma jkunux soġġetti għall-kwoti.  Wieħed irid jgħid pero’, li sakemm tiġi mibdula l-liġi nazzjonali, l-importatur xorta waħda jrid japplika għall-liċenzja ta’ l-importazzjoni mingħand id-Diviżjoni għal-Kummerċ, Direttorat għas-Servizzi ta’ Kummerċ.  Din il-liċenzja tingħata awtomatikament mingħajr restrizzjonijiet.  

Il-miżuri ta’ sorveljanza fuq iż-żraben importati mill-Vietnam ser jitneħħew ukoll mill-1 ta’ Jannar 2005.  

Prodotti tat-Tessuti:

Il-kwoti fuq il-prodotti tat-tessuti ser jitneħħew minn dawk il-pajjiżi li huma membri tal-World Trade Organisation (WTO).  Dan ifisser li l-kwoti fuq prodotti tat-tessuti mpurtati mill-Belarus, il-Korea ta’ Fuq, Serbia u Montenegro u l-Vietnam ser jibqgħu fis-seħħ.  Dan minħabba li dawn il-pajjiżi m’humiex membri tal-WTO u għadu ma ntlaħaqx ftehim bilaterali bejn dawn il-pajjiżi u l-Unjoni Ewropea.  

Il-kwoti fuq il-pajjiżi l-oħra kollha (jiġifieri Arġentina, Ċina, Indonesia, Peru, Pakistan, Singapore, Hong Kong, Indja, Korea t’Isfel, Macau, Malaysia, Philippines, Thailand u Taiwan) ser jitneħħew.  Din it-tneħħija tal-kwoti tapplika għal dawk il-prodotti li jkunu tgħabbew fuq il-vapur wara l-1 ta’ Jannar 2005.   

Dan ifisser li :-  

dawk il-prodotti li telqu lejn Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u li waslu Malta wara l-1 ta’ Jannar 2005, dawn xorta waħda ser ikunu soġġetti għal kwota bl-istess proċedura li teżisti llum.  Għalhekk l-importaturi ta’ dawn il-prodotti għandu jkollhom fil-pussess tagħhom liċenzja ta’ l-esportazzjoni maħruġa mill-pajjiż minn fejn ġej ix-xogħol u huma jkunu jridu japplikaw għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni mid-Diviżjoni għal-Kummerċ, Direttorat għas-Servizzi ta’ Kummerċ.  

L-importaturi tal-prodotti li jkunu tgħabbew fuq il-vapur wara l-1 ta’ Jannar 2005 għandhom japplikaw għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni u jippreżentaw il-Bill of Lading bħala prova li l-prodotti fil-fatt tgħabbew wara l-1 ta’ Jannar 2005.  F’dawn il-każi, il-liċenzja ta’ l-importazzjoni tingħata awtomatikament mingħajr ebda restrizzjoni.  Din il-proċedura tibqa’ tiġi segwita sakemm tiġi emendata l-liġi nazzjonali.  

Fil-każ ta’ prodotti mportati miċ-Ċina, għalkemm il-kwoti ser jispiċċaw, dawn ser jibqgħu soġġetti għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni matul is-sena d-dieħla kollha.  Din il-liċenzja ta’ l-importazzjoni tingħata awtomatikament mingħajr ebda restrizzjoni.  

Il-miżuri ta’ sorveljanza fuq dawk il-prodotti mportati minn ċerti pajjiżi (jiġifieri United Arab Emirates, Brazil, Kyrgyzstan, Cambodia, Kazakhstan, Moldova, Mongolia, Syria, Tajikistan, Bosnia-Herzegovina, Bangladesh, Croatia, Laos, Sri Lanka, Nepal, Russja u Ukraine) ser jitneħħew mill-1 ta’ Jannar 2005.  Pero’, il-miżuri ta’ sorveljanza fuq il-prodotti mportati mill-Uzbekistan u mill-Vietnam ser jibqgħu fis-seħħ għal matul is-sena d-dieħla.  Il-liċenzja ta’ l-importazzjoni għal dawn il-prodotti tingħata awtomatikament basta, fejn hemm bżonn, tiġi ppreżentata l-liċenzja ta’ l-esportazzjoni maħruġa mill-pajjiż ta’ fejn ġej ix-xogħol.  

Prodotti ta’ l-Azzar:

Il-kwoti fuq il-prodotti ta’ l-azzar importati mir-Russja, Ukranja u Kazakhstan m’humiex ser jitneħħew għalissa, peress li dawn il-pajjiżi m’humiex membri fid-WTO u għadu ma ntlaħaqx ftehim bilaterali magħhom.  Għalhekk il-proċeduri eżistenti fuq dawn il-prodotti ser jibqgħu fis-seħħ matul is-sena d-dieħla.

Il-miżuri ta’ sorveljanza fuq dawk il-prodotti mportati mill-pajjiżi l-oħra ser jibqgħu fis-seħħ matul is-sena d-dieħla.  

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mid-Diviżjoni għall-Kummerċ, Taqsima ta’ Liċenzjar għall-Importazzjoni u Esportazzjoni, Direttorat għas-Servizzi ta’ Kummerċ, Lascaris, Valletta (Tel: 21243071, 21242270).

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow